Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilità Korettiva ta' Kordin — nuqqas ta' gwardjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm gwardjani jaħdmu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Jista' jgħid jekk hux konxju mill-fatt li jeżistu nuqqas ta' gwardjani fl-istess faċilità? Jista' jgħid kienx hemm ħsieb li jiġu ingaġġati aktar gwardjani fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li fil-Faċilita' Korrettiva ta’ Kordin hemm 183 uffiċċjal bl-uniformi li jaqdu dmirijiet ta’ kontroll u inforzar. Il-livell ta’ rizorsi umani li huma meħtieġa għall-iffunzjonar xieraq tal-Faċilita' huwa suġġett għal monitoraġġ kontinwu u sejħiet għall-ingaġġ isiru skont il-ħtieġa.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — tobba impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tobba impjegati mal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u jista' jgħid min huma u kull wieħed kemm ilu impjegat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin is-servizzi mediċi huma pprovduti minn kumpanija privata ta’ tobba taħt kuntratt. Din il-kumpanija, The Health Firm, ilha tipprovdi dawn is-servizzi mill-2006. Dawn it-tobba, barra li jeżaminaw kull priġunier li jidħol fil-Faċilita' fil-punt tad-dħul tiegħu, kuljum iżommu clinic fejn tabib jara dawk il-priġunieri kollha li jgħidu li jixtiequ jarahom tabib għax ikollhom xi problemi ta’ saħħa. Barra minn hekk, it-tobba tal-kumpanija qegħdin stand-by 24x7 għal dak kollu li jista' jinqala' u jattendu lejl u nhar skont il-ħtieġa.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — searches

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, fl-aħħar sitt xhur, ġew intensifikati s-searches fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u għaliex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kemm fl-aħħar sitt xhur kif ukoll ta' qabel, it-tfittxijiet ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin baqgħu jsiru u ser jibqgħu isiru.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — ikel provdut

Question

Billi jidher li kien hemm diversi ilmenti fir-rigward tal-ikel provdut f'xi diviżjonijiet tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi Faċilita' Korrettiva ta’ Kordin tforni kuljum ikla f’nofsinhar u ikla oħra fil-għaxija. Nżid ngħid illi kull priġunier għandu bejn 3 jew 4 għazliet x’jiekol kemm f’ nofsinhar kif ukoll fil-għaxija. L-ilmenti ta' natura varja jqumu minn żmien għal żmien u dawn jiġu ndirizzati u investigati mill-awtoritajiet tal-ħabs.

pulizija tal-A.L.E. li telgħu Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba pulizija tal-A.L.E. telgħu Għawdex matul ix-xhur ta' Jannar sa April 2012, u matul is-sena 2011?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena l-ispezzjonijiet għall-kaċċa u l-insib illegali saru mill-pulizija stazzjonati Għawdex u li kienu jiġu dettaljati speċifikament għal dan l-iskop. Infurmat ukoll illi matul l-istess perjodu s-sena l-oħra membri mit-Taqsima tal-A.L.E. telgħu 31 darba.

Wied il-Għajn — għassa tal-pulizija

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 27283 u 32097, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se tinbena għassa tal-pulizija f’Wied il-Għajn issa li hemm indikati lista twila ta’ propjetajiet battala f’din il-lokalità?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-proprjetajiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant se jkunu evalwati sabiex ikun stabbilit jekk hemmx xi proprjetà idonea sabiex isservi bħala Għassa tal-Pulizija.

Edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri Maltin bħalissa li għandhom edukazzjoni primarja jew sekondarja jew terzjarja? Kemm hemm priġunieri Maltin li huma illitterati? X'programmi qegħdin jiġu organizzati biex dawn il-priġunieri jtejjbu l-edukazzjoni tagħhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' priġunieri Maltin li għandhom edukazzjoni primarja, sekondarja jew terzjarja u dawk li huma llitterati huma kif ġej:- Infurmat ukoll illi l-iskola tal-Faċilità qed tipprovdi lezzjonijiet f’dawn is-suġġetti: Malti, Ingliż, Taljan, Franċiż, Spanjol, Matematika, Studji Soċjali, Life-Skills, Accounts, Electrician’s Mate, Freight and Shipping, Mużika, Computer Awareness, E.C.D.L., Microsoft Digital Literacy, Beauty Technician, Yoga, u Women for Employment. Barra minn hekk l-iskola tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex priġunieri li jkunu eliġibbli jkunu jistgħu jistudjaw barra mill-Facilita’ f’istituzzjonijiet bħall-ETC, ITS, MCAST u anke l-Universita'. Infurmat ukoll illi hemm aktar korsijiet speċjalizzati fil-Malti bażiku li huma pprovduti mill-ETC b'kollaborazzjoni mal-Paolo Freire Institute, għal min għandu aktar bżonn.

Każijiet ta' omiċidju volontarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti fl-aħħar għaxar snin akkużati bir-reat ta' omiċidju volontarju u kemm-il persuna nstabet ħatja? Jista' jgħid x'pieni ngħataw?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mis-sena 2002 sallum kien hemm 28 persuna li ġew akkużati quddiem il-Qorti b’omiċidju volontarju. 9 minnhom kellhom il-każ tagħhom deċiż u 8 oħra nstabu ħatja li ngħataw sentenzi ta’ priġunerija, filwaqt li wieħed ġie liberat. Kien hemm ukoll każ ieħor fejn l-akkużat miet matul il-proċeduri kriminali. Il-kazijiet l-oħra għadhom pendenti.

Persuni akkużati b'serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b'serq fl-aħħar għaxar snin u kemm minn dawn nstabu ħatja? Jista jgħid x'pieni ngħataw?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi peress illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta’ statistika, it-tweġiba għal din il-mistoqsija se tinghata f’xi seduta oħra.

Persuni akkużati b'reati kontra d-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti fl-aħħar għaxar snin akkużati b'reati kontra l-liġi tad-drogi u kemm minn dawn instabu ħatja? Jista' jgħid x'kienu l-pieni li ngħataw?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mis-sena 2002 sal-2011 kien hemm 4,461 persuna li ġew akkużati quddiem il-Qorti mill-iskwadra ta’ kontra d-droga tal-Pulizija b’reati relatati mad-droga. Mill-każijiet li ġew deċiżi matul l-istess perijodu kien hemm 3,459 persuna li ġew misjuba ħatja ta’ reati relatati mad-droga. Il-pieni mogħtija kienu jinkludu sentenzi ta’ ħabs, sentenzi ta’ ħabs sospiżi, probation, u multa.

Taser guns

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu taser guns għad-disposizzjoni tiegħu l-Korp tal-Pulizija u minn liema Taqsima jintużaw?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija għandu 31 taser gun. Dawn qegħdin fid-Distretti u Taqsimiet speċjalizzati.

Persuni akkużati bir-reat ta' stupru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti fl-aħħar għaxar snin akkużati bir-reat ta' stupru u kemm minn dawn il-persuni instabu ħatja? Jista' jgħid x'pieni ngħataw?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mis-sena 2002 sal-2011 kien hemm 127 persuna li ġew akkużati quddiem il-Qorti b’reati ta’ stupru. Mill-każijiet li ġew deċiżi matul l-istess perijodu kien hemm 46 persuna li ġew misjuba ħatja ta’ reat ta’ stupru. Il-pieni mogħtija kienu jinkludu sentenzi ta’ ħabs, sentenzi ta’ ħabs sospizi, probation, u multa.

Sistema B'emerġenza 112

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34234 li oriġinarjamnet saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk is-sistema b'emerġenza 112 għaliex mhix tipprovdi location tracking ta' min iċempel? Għaliex mhijiex aċċessibli għal xi persuni b'diżabilità?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li s-sistema b’emergenza 112 diga’ taħseb għall-arranġamenti li permezz tagħhom tingħata informazzjoni mill-operaturi dwar caller location. Madankollu propju bħalissa qed isiru upgrades fis-sistema biex din l-informazzjoni tingħata b’mod aktar awtomatiku waqt li tkun għaddejja t-telefonata. Din il-faċilita' mistennija tkun qed tiffunzjona fi żmien ftit ġimgħat oħra.

Taqsima tal-Klieb — razza tal-klieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm preżentament (fl-1 ta' Mejju 2012) klieb fit-Taqsima tal-Klieb tal-Ħabs? Jista' jgħid ta' liema razza huma?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt fit-30 ta' April 2012 għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34055 , ninsab infurmat illi minn mindu nġabret l-informazzjoni għal dik il-mistoqsija, wieħed mill-klieb tar-razza alsation kellu jitraqqad.

Distrett tal-Pulizija t'Għawdex — pulizija neqsien

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija neqsina fid-distretti tal-pulizija t'Għawdex fl-1 ta' Mejju 2012? Kemm minn dawn il-pulizija neqsin huma nisa? Kemm minn dawn il-pulizija huma rġiel? F'liema gradi huma dawn il-pulizija neqsin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-complement fid-Distretti u Taqsimiet fil-Korp tal-Pulizija jinbidel minn żmien għal żmien skont l-esiġenzi u l-ħilijiet in ġenerali tal-Korp.

Ta' Kandja — Akkademija l-Ġdida tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra f'liema stadju waslet l-Akkademija l-Ġdida tal-Pulizija f'Ta' Kandja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ix-xoghol tal-kostruzzjoni tal-Akkademja tal-Pulizija l-ġdida ġewwa Ta’ Kandja miexi kif ippjanat. Fil-fatt ninsab infurmat ukoll illi x-xogħol tal-kostruzzjoni tal-ġibjun tlesta, filwaqt li fil-bidu ta’ dan ix-xahar għalaq iż-żmien għat-tfiegħ tat-tender għall-kostruzzjoni tal-blokk li jkopri l-uffiċċji tal-amministrazzjoni u l-lecture rooms. Infurmat ukoll illi qiegħed ukoll ikun ippreparat it-tender tax-xogħlijiet infrastrutturali.

Ordnijiet ta' Superviżjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni taħt diversi Ordnijiet ta' Superviżjoni li qegħdin jiġu segwiti minn uffiċjali tal-probation fid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole? Kemm minn dawn huma taħt ordni tal-probation? Kemm minn dawn huma taħt sentenza sospiża bis-superviżjoni? Kemm minn dawn huma taħt Ordni ta' Superviżjoni Proviżorja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ persuni taħt diversi Ordnijiet ta' Superviżjoni li qegħdin jiġu segwiti minn Uffiċjali tal-Probation fid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole huwa ta’ 814. Dawn huma mqassmin kif ġej : 613 taħt ordni tal- probation 136 taħt sentenza sospiża bis-superviżjoni 65 taħt Ordni ta' Superviżjoni Proviżorja.

Comunity Service Orders u Combination Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew segwiti persuni taħt sentenza ta' Comunity Service Orders u/jew Combination Orders sena b'sena minn meta ġiet introdotta din is-sezzjoni fis-sena 2003?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru persuni taħt sentenza ta' Comunity Service Order u/jew Combination Order sena b'sena minn meta ġiet introdotta din is-sezzjoni fis-sena 2003 huwa kif ġej: Sena Community Combination Service Order Order 2003 0 0 2004 3 6 2005 6 0 2006 3 0 2007 1 2 2008 4 4 2009 2 6 2010 7 8 2011 4 8 2012 2 2 Total s’issa 32 36

Priġunieri fil-ħabs — preparazzjoni qabel jingħataw il-parole

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il programm ġie maħsub sabiex il-priġunieri fil-ħabs jiġu ppreparati qabel ma jingħataw il-parole? Ta' liema natura huma dawn il-programmi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Faċilita' topera tlett programmi ta’ rijabilitazzjoni kontra l-vizzju tad-droga, tnejn minnhom isiru b’ko-ordinazzjoni mal-Caritas u s-Sedqa. Il-programm l-ieħor, li jinżamm fis-SATU jitmexxa mill-Faċilita' Korrettiva nnifisha. Barra minn hekk qed isiru diversi programmi edukattivi ta’ natura akkademiċi kif ukoll vokazzjonali, sabiex tipprepara l-priġunieri sabiex jkunu jistgħu jinfilzaw ruħhom fid-dinja tax-xogħol u jerġgħu jintegraw ruħhom fis-socjeta'. F’dan ir-rigward qed tilgħab rwol ewlieni l-iskola tal-Faċilita', iżda hemm ukoll kontribut sostanzjali li qed jingħata minn diversi istituzzjonijiet speċjalizzati f’dan il-qasam, fosthom, l-ETC, l-MCAST, l-Universita' u l-ITS. Apparti l-aspett edukattiv, qed jiġu nkorraġġiti inizjattivi fejn il-priġunieri jipparteċipaw f’attivatijiet fil-pubbliku. Għalhekk, qed isiru attivitajiet bi sfond soċjali u kulturali biex jgħinu fl-iżvillupp tal-karattru u l-persuna, u huma kruċjali biex priġunieri jingħataw l-opportunita' jkabbru s-self esteem tagħhom. Eżempji tipiċi ta’ dawn l-inizjattivi rajnihom riflessi fil-preżentazzjoni li ttellgħet b’għajnuna ta’ esperti barranin ‘When You Hear My Voice’, kif ukoll l-attivatijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa li wkoll ħallew impressjoni tajba. Il-ħsieb hu li dawn kollha jibqgħu jiġu aktar intensifikati.

Coast Road — Tlielaq tal-Karozzi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija b'xi mod investigatx ir-rapporti li kien hemm riċentament fil-gazzetti Maltin u cioè li l-Coast Road minn San Ġiljan sa San Pawl il-Baħar qed tiġi użata għal tlielaq tal-karozzi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tinvestiga r-rapport imsemmi mill-Onorevoli Interpellant u anke ser issaħħaħ il-preżenza tagħha fit-triq imsemmija.