Legislature:
Category:
Reset
Active:

informazzjoni fuq għajnuna soċjali wara separament

Question

Peress li meta koppji bit-tfal jisseparaw u l-mara tkun ma taħdimx u d-dar matrimonjali tkun parafernali tar-raġel (għax tkun inxtrat mir-raġel qabel iż-żwieġ jew mogħtija rigal minn missier/omm ir-raġel lir-raġel) ħafna drabi dawn in-nisa jkunu jaqgħu fuq l-għajnuna soċjali u peress li l-liġi soċjali tgħid li applikant ma jistax ikollu iktar minn €14,000 liquid assets iżda mbagħad tippermetti li wieħed ikollu proprjetà waħda li tkun tiswa kemm tiswa u peress li allura jekk ikollok mara/omm li tkun ingħatat xi ħaġa tal-flus mir-raġel mas-separazzjoni tal-flus li setgħet ħarġet qabel iż-żwieġ fid-dar matrimonjali li tkun parafernali tar-raġel hi tispiċċa ma tistax tapplika għall-għajnuna soċjali jekk teċċedi l-ammont ta' €14,000 u peress li naturalment b'din is-somma żgħira, normalment fir-reġjun ta' €20,000, l-omm la tkun tista' tixtri post ieħor u lanqas tieħu għajnuna soċjali (mentri kieku għandha proprjetà ta' €20,000 jew anke €200,000 tkun eleġibbli għall-għajnuna soċjali); jista' l-Ministru jara kif jinħolqu skemi u mekkaniżmi li waqt li jassiguraw li ma jkunx hemm abbuż, ikunu ta' sostenn għal ommijiet bħal dawn?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lil Onor Interpellant li fit-test tal-mezzi jiġi kkunsidrat l-assi (flus u kapital). Kieku kellha tiġi kkunsidrata l-valur tad-dar tar-residenza kull min ikun sid tad-dar ma jikkwalifikax minn dan it-test u għalhekk il-valur tad-dar tar-residenza jiġi njorat. Filwaqt li qed nifhem l-ispirtu tal-proposta ta’ l-Onor Membru naħseb ikun diffiċli li tintorduċi skemi jew mekkaniżmi kif propost għax kieku kellu jsir hekk tkun qed tiftaħ l-iskema għall-abbuż filwaqt li fl-istess ħin tkun qed tiddiskrimina ma’ persuni oħra (mhux neċessarjament separati) li ma jkunux sidien tad-darhom imma jkunu f’kera u li t-test tal-meżżi tagħhom ukoll huma ta’ €14,000 (fil-każ ta’ persuna waħedha jew €23,300 f’każ ta’ persuna miżżewġa).

Informazzjoni rigward akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati postijiet lin-nies li qegħdin fil-waiting list għall-akkomodazzjoni soċjali mill-1 ta' Jannar 2011 sal-20 t'Ottubru 2011? Jista' jgħid kemm ġew allokati postijiet lin-nies li qegħdin fil-waiting list għall-akkomodazzjoni soċjali mill-1 ta' Jannar 2012 sal-20 t'Ottubru 2012 (inkluż dawk l-applikanti li bbenefikaw minn Skema Kiri)? Kemm hemm nies li ġew rikonoxxuti bħala inkwilini legali mill-1 ta' Jannar 2011 sal-20 t'Ottubru 2011? Kemm hemm nies li ġew rikonoxxuti bħala inkwilini legali mill-1 ta' Jannar 2012 sal-20 t'Ottubru 2012?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi:- 1. mill-1 ta' Jannar 2011 sal-20 t'Ottubru 2011 l-Awtorita’ tad-Djar allokat 80 post; 2. mill-1 Jannar 2012 sal-20 t’Ottubru ta’ din is-sena, l-Awtorita’ tad-Djar allokat 220 inkluzi Skema Kiri; 3. mill-1 ta’ Jannar, 2011 sal-20 t’Ottubru, 2011 ġew rikonoxxuti 50 persuna; u 4. mill-1 ta’ Jannar, 2012 sal-20 t’Ottubru, 2012 ġew rikonoxxuti 57 persuna.

Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja — membri ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tas-Segretarjat Privat tal-Ministeru li kien ġew ingaġġati b’kuntratt definit jew indefinit (tweġibiet separati) li fl-aħħar xhur/ġimgħat ġew ingaġġati fuq bażi ġdida kuntrattwali mal-Ministeru tiegħu u/jew ta' ħaddieħor u/jew ma' xi aġenzija, awtorità, entità parastatali jew governattiva li taqa' taħtu u/jew ta’ xi Ministeru ieħor? Jista' jagħti dettalji sħaħ anki jekk ma jingħatawx ismijiet ta’ kull każ involut?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-ebda membru tas-Segretarjat ma jista jkollu kuntratt indefinit peress li dawn il-membri kollha jkollhom ‘political appointment’. Teżisti differenza fejn uħud mill-membri tas-Segretarjat ikunu ġa mpjegati mal-Gvern jew entitajiet governattivi filwaqt li jkun hemm oħrajn ġejjin minbarra ċ-ċivil jew entitajiet governattivi li huma msejħa bħala ‘external’. Fis-Segretarjat tiegħi, fl-aħħar xahar kien hemm persuna li kien impjegat tal-Gvern u li spiċċa mis-Segretarjat għaliex ġie ingaġġat ma’ entita’ pubblika.

Awtorità tad-Djar — talba injorata

Question

B'referenza għall-mistqosija parlamentari 36154, jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettajli dwaru qed jingħataw separatament li hija single parent u homeless, u li l-Awtorità tad-Djar qed tinjora t-talba tagħha?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pożizzjoni għadha l-istess. L-applikazzjoni tagħha qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija.

kuntratt finali tal-fond

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jsir il-kuntratt finali tal-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt finali tal-fond imsemmi ma jistax jigi ffirmat ghalissa peress li l-art li fuqha hemm mibni dan il-post ghadha ma gietx trasferita lill-Awtorita’ tad-Djar.

Applikazzjoni għal post alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni għal post alternattiv tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikant in kwestjoni applika għall-akkommodazzjoni alternattiva nhar it-12 ta’ Mejju, 2011 u l-applikazzjoni ġiet ipproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra għall-akkommodazzjoni alternattiva. L-applikazzjoni tal-persuna li ghaliha qeghda issir referenza qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija.

Awtorità tad-Djar — tibdil ta' post

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar mhux qed tieħu l-passi neċessarji biex il-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li trid tibdel ma' post ieħor tal-gvern fil-lokalità ta' Birżebuġia mhumiex jieħdu l-inizjattiva biex iż-żewġ naħat jaslu fi ftehim?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta in kwestjoni applikat biex tpartat nhar it-30 ta’ Mejju, 2011. L-Awtorita’ tad-Djar m’għandha ebda applikazzjoni minn parti oħra biex iz-zewġ naħat jaslu fi ftehim. Fil prezent l-Awtorita’ tad-Djar għandha 332 applikazzjoni għat-tpartit.

Applikazzjoni għall-post alternattiv

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 36895, peress li l-persuna qed tallega li l-figuri imsemmija huma skoretti u li qed tiġi mċaħda milli jkollha aktar punti minħabba dan, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex dawn l-iżbalji jiġu kkoreġuti?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-figuri li l-Awtorita’ tad-Djar tat fir-risposta tagħha tas-seduta 508 huma korretti għaldaqstant m’hemmx x’jiġi ammendat

Qorti — riferiti mibgħuta l-Parlament

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex riferti tal-qorti ma jintbagħtux il-Parlament, għaliex dan il-post la jistax jitqies li hu residenza?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-liġi ma tipprovdix biss li notifika ssir fir-residenza tal-individwu - skont l-artikolu 187 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap 12) 187. (1) In-notifika ssir bil-kunsinna ta’ kopja tal-iskrittura lill-persuna li lilha l-skrittura għandha tkun innotifikata, jew billi dik il-kopja titħalla f’idejn membru tal-familja jew tad-dar jew f’idejn wieħed fis-servizz ta’ dik il-persuna jew f’idejn il-prokuratur tagħha jew persuna awtorizzata minnha biex tirċievi l-posta tagħha, fil-lok fejn toqgħod jew taħdem jew fil-post tax-xogħol jew fl-indirizz postali tagħha. Pero l-Artiklu 65, sub-Artiklu 5 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jghid illi : ‘Ebda procediment mahrug minn xi qorti fl-ezercizzju civili taghha, ma ghandu jigi notifikat jew esegwit gewwa r-recinti tal-Kamra tad-Deputati waqt li l-Kamra tkun f’seduta jew permezz ta’ l-iSpeaker, l-Iskrivan jew xi ufficjal tal-Kamra.’ Ghalhekk jirrizulta li ma jistghux jsiru notifiki permezz ta’ l-Ispeakar, l-Iskrivan jew xi ufficcjal tal-Kamra.

għajnuna tal-mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' persuni li twaqqfitilhom l-għajnuna tal-mard matul l-ewwel 9 xhur tas-sena 2012?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ persuni li twaqqfilhom l-Għajnuna Medika matul l-ewwel 9 xhur tas-sena kien ta 797.

benefiċċji għall-enerġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas f'ammont bħala benefiċċji għall-enerġija matul l-ewwel 9 xhur tas-sena 2011 u matul l-istess xhur fis-sena 2012?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li jien infurmat li l-ħlas f’benefiċċju għall-Enerġija matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2011 kien ta’ €3,991,928 filwaqt li l-ħlas għall-ewwel disa’ xhur tas-sena 2012 kien ta’ € 4,739,660.

għajnuna għax bla impjieg

Question

Jista' l-Minisitru jgħid kien l-ammont ta' persuni li twaqqfilhom l-għajnuna għax bla impjieg matul l-ewwel 9 xhur ta' din is-sena?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta persuni li twaqqfilhom l-għajnuna għax bla impjieg matul l-ewwel 9 xhur tas-sena 2012 kien ta 1609.

talba għal pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jara jekk persuna b'diżabilità li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament tistax tingħata l-pensjoni taż-żewġ terzi minħabba li għal dawn l-aħħar 18-il sena ħadet biss il-pensjoni tal-invalidità?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha

Applikazzjoni għall-bdil ta' akkomodazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li applikat biex tibdel l-akkomodazzjoni tagħha?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanta in kwestjoni qiegħda proċessata mal-applikazzjoni l-oħra għall-akkommodazzjoni alternattiva. L-Awtorita’ tad-Djar prezentament għandha 332 applikazzjoni għall-akkommodazzjoni soċjali minn persuni li joqogħdu ġo post tal-Gvern u li għamlu t-talba tagħhom biex ibiddlu l-post tagħhom.

Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja — persuni li rrikorrew għal xi servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni neqsin mid-dawl u neqsin mis-smigħ li personalment jew tramite xi persuni jew entitajiet oħra irrokorrew għas-servizzi mogħtija minn xi uffiċċju tal-Ministeru jew dipartiment jew entità li jaqa' taħt d-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sitt xhur u jgħid x'mezzi ntużaw biex saret il-komunikazzjoni mal-persuna konċernata?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti: - Qrati tal-Gustizzja: f’dawn l-ahhar sitt xhur ma kienx hemm il-htiega - Awtorita’ tad-Djar: ma zzommx tali informazzjoni - Sigurta’ Socjali: f’dawn l-ahhar sitt xhur ma kienx hemm il-htiega - Dipartiment Standards ghal Harsien Socjali: f’dawn l-ahhar sitt xhur ma kienx hemm il-htiega. - Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali: ma zzommx tali informazzjoni MEUSAC: L-Għaqda għall-Persuni Neqsin mid-Dawl ( Malta Society of the Blind ) hija organizzazzjoni li ssieħbet fil-Kumitati Settorjali tal-MEUSAC fl-1 ta’ Awwissu 2012. L-Għaqda għandha 100 membru msieħba fiha u hija rappreżentata fil-proċess ta’ konsultazzjoni mħaddem mill-MEUSAC. Rappreżentant tagħhom li huwa nieqes mid-dawl attenda wkoll xi laqgħat. Il-komunikazzjoni mal-Għaqda saret kemm bil-kitba u kemm b’mod elettroniku. L-ebda persuna nieqsa mis-smigħ jew għaqda ta’ persuni nieqsa mis-smigħ ma talbet is-servizzi tal-MEUSAC f’dawn l-aħħar sitt xhur. - Kummissjoni Nazzjonali ghal Promozzjoni tal-Ugwaljanza: f’dawn l-ahhar sitt xhur ma kienx hemm il-htiega - Kummissarju ghall-Ghaqdiet Volontarji: f’dawn l-ahhar sitt xhur ma kienx hemm il-htiega - Kummissarju ghat-Tfal: f’dawn l-ahhar sitt xhur ma kienx hemm il-htiega - MCESD: f’dawn l-ahhar sitt xhur ma kienx hemm il-htiega - Fondazzjoni ghas-Servizzi tal-Harsien Socjali: Agenzija SAPPORT - għandha dsatax (19) il-klijent li jattendu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall- Persuni b’Diżabilità, speċifikament fiċ-ċentru għall-persuni neqsin mid-dawl. Hemm ukoll żewġ (2) persuni oħra li jattendu għal-lezzjonijiet tal-Braille u tlieta (3) oħra li jattendu għal-lezzjonijiet ta’ programm tal-Computer għall-persuni neqsin mid-dawl. Mezzi ta’ komunikazzjoni li jintużaw ma’ persuni li huma neqsin mid-dawl huma komunikazzjoni verbali, braille u computer bil-Window Eyes. Fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’Diżabilità li jagħtu is-servizz għall-persuni b’diżabilità intelletwali hemm jattendu żewġ (2) persuni li huma deaf blind , tnax (12) il-persuna li huma neqsin mid-dawl u żewġ (2) persuni oħra li huma neqsin mis-smiegħ. Ma’ dawk li huma deaf blind tintuża t-tactile sign language u pixels b’kuluri speċifiki. Ma’ persuni li għandhom nuqqas ta’ smiegħ jintużaw il-lingwa tas-sinjali u l-pixels. Fis-Servizzi Residenzjali l-Aġenzija SAPPORT preżentament għandna żewġ (2) persuni li huma neqsin mis-smiegħ. Dawn il-persuni għandhom lingwa tas-sinjali li mhix konvenzjonali u allura il-komunikazzjoni ssir bl-użu tal-istess lingwa. Agenzija APPOGG u Agenzija sedqa: ta` min jghid ukoll illi klijenti li jattendu ghal xi servizzi kemm fil-kas ta` l-Agenzija APPOGG u l-Agenzija sedqa, il-htigijiet partikolari taghhom ikunu esplorati mill-haddiema socjali li imbaghad huma jiehdu hsieb ifittxu s-sapport mehtieg. Rekord ta` dan ma jinzammx ghaliex il-klijenti ikunu trattati bhal haddiehor. - Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabilta’: hija mghamra sabiex persuni nieqsin mid-dawl u smigh ikunu moqdija fil-bzonnijiet taghhom. B’kollox il-Kummissjoni qdiet 170 persuna nieqsin mis-Smigh u 196 persuna nieqsin mid-dawl

djar residenzjali — għajnuniet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’tip t’għajnuna ngħata matul din is-sena fit-tmexxija ta’ djar residenzjali, bħal Dar Pirotta, Dar il-Wens u Dar l-Arka?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fondi allokati matul l-2012 huma dawn: · Dar Arka, €328,000 · Dar Pirotta, €225,000 · Dar il-Wens, €160,000 Il-fondi jiġu mgħoddija lill-entitajiet skont l-għotja tas-servizz kif stipulat fil-kuntratti rispettivi. L-entitajiet jirċievu wkoll għajnuna mill-Aġenzija SAPPORT skont il-bżonn, b’mod partikulari għajnuna professjonali u servizz ta’ Ħaddiema Soċjali.

persuni b’diżabilità — sapport

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża li saret matul din is-sena biex persuni b’diżabilità severa jkollhom s-sapport bżonnjuż biex ma jiġux istituzzjonalizzati? Jista' jagħti breakdown ta’ din in-nefqa ?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija SAPPORT għal matul l-2012 ingħatat budget vote ta’ €380,000 għall-Independent Community Living. L-iskop ta’ dan il-vot huwa li persuni b’diżabiltà severa jibqgħu jgħixu fid-djar tagħhom fil-komunità filwaqt li oħrajn jiġu integrati lura fil-komunità minn istituzzjonijiet. Għal dan il-għan twaqqaf bord – is-Service Allocation Committee – u li huwa indipendenti mill-istess Aġenzija. Dan il-bord huwa appunttat mill-Ministeru biex jistabilixxi kriterji u japprova servizzi għall-persuni li jiġu ppreżentati lil dan il-bord. Bħalissa hemm żewġ persuni li qed jibbenefikaw minn dan is-Servizz u safrattant qed jiġu kkunsidrati ħames talbiet oħra li mistennija li jiġu approvati fil-ġranet li ġejjin. Barra minhekk, il-Ħaddiema Soċjali tal-Aġenzija SAPPORT qed jevalwaw talbiet oħra għall-approvazzjoni ta’ dan is-servizz. Flimkien ma’ dawn, saret allokazzjoni minn dan il-fond biex jinfetaħ programm ġdid fejn ħames persuni b’diżabiltà severa, li waslu biex itemmu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom, jiġu mgħejjuna fi programmi ibbażati fil-komunità. L-iskop ewlieni ta’ dan il-programm huwa li dawn il-persuni jibqgħu jgħixu fil-komunità bis-sapport meħtieġ li jingħata kemm lilhom kif ukoll lill-ġenituri/carers tagħhom u b’hekk jitbiegħed ir-riskju ta’ istituzzjonalizzazzjoni. Tajjeb li wieħed iżid li l-ħidma tal-Aġenzija, permezz tas-Servizzi tagħha ta’ Ħidma Soċjali, fil-Komunità, ta’ Matul il-Jum u dawk Residenzjali, tiffoka fuq l-iżvilupp tal-potenzjal tal-persuni b’diżabilità biex b’hekk tiggarantixxi kemm hu possibli li jibqgħu jgħixu fil-komunità. Għalkemm mhux il-klijenti kollha tal-Aġenzija ikunu f’riskju imminenti li jiġu istituzzjonalizzati, mingħajr dawn is-Servizzi tali riskju jkun ferm akbar.

ilment

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 36522, jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rapport imsemmi fir-risposta tal-Onorevoli Ministru Azzopardi wasal fid-Dipartiment tal-Proprjetà fi hdan l-Awtorità tad-Djar ricentament. L-inkwilin huwa gentilment mitlub javvicina l-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar biex japplika ghal ghajnuna finanzjarja sabiex jigu imsewwija l-hsarat kkonstatati mill-Perit tad-Dipartiment tal-Artijiet.

Ċekkijiet taċ-Children Allowances mhux imsarrfa

Question

Jaf il-Ministru li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, bi żball ma kinetx sarfet xi ċekkijiet taċ-children allowance fl-1996? Jaf li din il-persuna ilha minn dak iż-żmien titħabat sabiex jerġa' joħorġulha ċ-ċekkijiet ġodda iżda inutilment? Jista' jintervjeni f'din id-deċiżjoni sabiex issir ġustizzja magħha?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li iż-żmien sabiex ċekk jissarraf huwa ta sitt xhur. Jekk jaqbżu tkun trid issir talba sabiex jerġa jingħata data oħra sabiex ikun jista’ jissarraf. Jekk jaqbżu is-sentejn iċ-ċekk ma jibqax validu u ma jkunx jista’ jissarraf. Ma jidhirx li l-persuna msemmija għamlet talba qabel is-sentejn mid-data taċ-ċekk oriġinali.