Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġiljan/Tas-Sliema – tindif ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-mixja tul San Ġiljan u Tas-Sliema jsir tindif kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar, peress li tinsab maħmuġa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-promenade minn San Ġiljan sa’ Tas-Sliema titnaddaf kuljum. It-tindif isir kemm fuq il-bajjiet kif ukoll tul il-promenade. It-tindif u tbattil ta’ kontenituri tal-skart tul il-promenade isir 3 darbiet kuljum. Ta’ min wiehed jinnota t-tibdil fil-logistika tal-ġbir tal-iskart f’dawn l-aħħar ġimgħat u għaldaqstant, qed isiru sforzi sabiex is-sistema ta’ ġbir tigi aġġornata wkoll għal dawn iċ-ċirkostanzi ġodda.

MCCAA — Direttur Ġenerali - multi u penalitajiet amministrattivi - ksur tad-dispożizzjoni ta' Kap. 379

Question

B’referenza għat-twegibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 10169 ta’ din il-leġiżlatura u 27947 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid jekk sussegwenti għal Mejju tal-2019 s’issa ġewx imposti multi jew penalitajiet irrespettivament tal-mod kif deskritti fuq talba jew wara intervent tad-Direttur Ġenerali tal-Kompetizzjoni? Jekk ġew imposti, kemm kien l-ammont u x’kien il-ksur tal-liġi fejn allura ġiet imposta l-multa jew penali?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sussegwenti għal Mejju tal-2019 ma ġiet imposta l-ebda penali.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — rappreżentant tas-settur tad-diżabilità fil-kumitati, fora u bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20484 u jgħid kemm u liema huma l-kumitati, fora, bordijiet u forma oħra ta’ tmexxija li taqa’ taħt l-Ministeru u min hu jew hi r-rappreżentant tas-settur tad-diżabilità u lil min din l-persuna tirrappreżenta fuq dawn il-kumitati, fora, bordijiet eċċ?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bordijiet, li jirregolaw l-entitajiet governattivi indikati fl-emendi fl-Att VII tal-2015, attwalment kollha għandhom membru li hu/i persuna b’diżabilità, għajr wieħed. F’dan il-każ, mhux isir użu mill-pożizzjoni ta’ membru li żdiedet bl-emendi fil-Liġi sakemm tinstab persuna idonea li tkun tista’ tokkupa r-rwol. Inżid li l-Liġi msemmija ma tobbligax li l-membru b’diżabilità jkun fuq bord bħala “rappreżentant għall-persuni b’diżabilità”, kif qed jindika l-istess Interpellant. Ma’ dan irid jingħad ukoll li hemm għadd ta’ bordijiet, kumitati, fora u forom oħrajn ta’ tmexxija li għandhom fi ħdanhom membri li huma persuni b’diżabilità, avolja ma jaqgħux taħt l-emendi fl-Att imsemmi aktar ’il fuq.

Il-Fgura – Triq Wied Blandun – tisbiħ taż-żona

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14289, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal ix-xogħol f’Wied Blandun, il-Fgura?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkoncernat.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — entitajiet li għandhom ftehim kollettiv skadut

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18467, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f’kull waħda mit-tliet entitajiet li l-ftehim kollettiv tagħhom huwa skadut u jistax jgħid meta skadew rispettivament?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18467, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’kollox hemm 155 ħaddiem f’dawn it-tliet entitajiet li għandhom il-ftehim kollettiv tagħhom skadut. Il-ftehim kollettiv skadew f’Diċembru tal-2017, 2018 u 2020.

Il-Mellieħa – Bajja tal-Għadira – proposta tal-estensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji, inkluż studji li saru (jekk saru) b'rabta mal-proposta tal-estensjoni tal-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Promenade tal-bajja tal-Għadira – xogħlijiet ta’ tisbiħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li jsir xogħol ta' tisbiħ fil-promenade tal-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa? Jekk iva, jista’ jpoġġi l-imsemmi pjan fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru kontinwament jaħdem fuq interventi ta’ manteniment u investiment fil-prodott lokali fil-lokalitajiet kollha turistiċi.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — position of trust – persuni mlaqqma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sal-15 ta’ Marzu kemm ġew imlaqqma persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru tiegħu jew f’xi entità li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid x’inhi l-età ta’ dawn il-persuni?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, minbarra li dak li qed jitlob hu jikkostitwixxi għal tagħrif personali, il-Ministeru m’għamilx rakkomandazzjonijiet biex jitlaqqmu xi ħaddiema minn tiegħu.

Qala Għawdex — Istitut għat-Turiżmu – korsijiet offruti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika 2020/2021 kemm kien hemm korsijiet offruti fl-Istitut għat-Turiżmu tal-Qala Għawdex? Liema kienu dawn il-korsijiet? Kemm bdew studenti għal kull kors u kemm spiċċaw il-kors fl-aħħar tas-sena skolastika? Jista' jgħid kemm hemm impjegati full-time u part-time fl-istess Istitut u x’inhu x-xogħol ta' dawn l-impjegati? Kemm kienet l-ispiża rikorrenti totali ta' dan l-Istitut għas-sena 2020 u kemm kienet l-ispiża kapitali fl-istess sena?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għas-sena akkademika 2020/21 qed jiġu offruti erba’ korsijiet fl-Istitut għat-Turiżmu ġewwa Għawdex. Dawn huma: · Foundation – 4 studenti · Certificate in Food Production and Preparation – 5 studenti · Climate Friendly Travel – 40 student · BSc in Diving Safety – 9 studenti. Fl-Istitut hemm 11-il impjegat full-time (amministratur, security, cleaners u tradesman) u 9 impjegati part-time (letturi). L-ispiża rikorrenti għas-sena 2020 kienet ta’ €238,097.72 u dik kapitali kienet ta’ €32,717.30.

Proġetti fuq in-naħa t'isfel ta' Malta

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4748 u 17949, jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti hemm ippjanati għan-naħa t'isfel ta' Malta, b'mod partikolari fiż-Żurrieq, il-Qrendi, l-Imqabba, Ħal Safi, Ħal Kirkop u Ħal Luqa biex jattiraw aktar turisti lejn din in-naħa ta' Malta peress li fir-risposti tiegħu ma' semma l-ebda progett li hu ppjanat li jsir f' dawn il-lokalitajiet?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minbarra l-proġetti ġa msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17949, il-Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur għaddej b’numru ta’ proġetti fl-inħawi taż-Żurrieq, Mqabba, Ħal Safi u l-Qrendi. Fost dawn il-proġetti nsibu l-r-restawr u tisbiħ tal-ġnien storiku magħruf bħala Ġnien tal-Kmand f’Ħal Safi, liema xogħol ġa beda. Qed isir ukoll restawr fuq numru ta’ knejjes żgħar u statwi fil-lokalitajiet tal-Imqabba, il-Qrendi u Ħal Safi. Apparti minn hekk, il-Ministeru qiegħed jaħdem fuq proġett sabiex jirranġa numru ta’ lattrini pubbliċi li jinstabu f’żoni turistiċi fosthom dik ta’ Wied iż-Żurrieq.

Wied iż-Żurrieq — multi-level parking

Question

Peress li fir-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 17948 il-Ministru qal li ma hemmx il-ħsieb li jsir il-multi-level parking fil-parkeġġ eżistenti ta' Wied iż-Żurrieq minħabba raġunijiet ambjentali, peress li dan il-parkeġġ huwa diġà asfaltat u diġà qiegħed jintuża bħala parkeġġ, jista’ l-Ministru jispjega x'effetti ambjentali jista’ jkollu tali proġett jekk dan isir? Jista’ jgħid jekk ġewx identifikati żoni oħra f'Wied iż-Żurrieq stess li fihom jiġi pprovdut tali parkeġġi biex fin-nuqqas ta' turisti li ġejjin minn barra l-pajjiż, aktar Maltin iżuru dan il-post turistiku f'każ li l-Gvern jiddeciedi li dan il-multi-level parking ma jsirx?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18572.

MCCAA – Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – ilmenti dwar riklami qarrieqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-bidu tal-2020 s’issa kemm ilmenti rċieva l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA dwar riklami qarrieqa u skont liema settur kienu? F’kull każ, jista’ jelenka l-eżitu finali? Jista’ jgħid fil-preżent f’kemm-il proċedimenti legali quddiem il-qrati hu parti fihom id-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur? F’kull każ, jista’ jelenka l-Qorti li quddiemha jinsab il-każ u dwar xiex jittratta l-każ?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-2020 sa issa l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur irċieva għoxrin ilment li kienu relatati ma’ reklamar qarrieqi. Dawn l-ilmenti jikkonċernaw reklamar ta’ offerti fuq servizzi jew prodotti fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, stabbilimenti ta’ ħwejjeġ, prodotti elettroniċi u għamara, ristoranti u caterers, supermarkets, trattamenti mediċi u kosmetiċi, pannelli solari u fwejjaħ. Minn dawn l-għoxrin ilment, tnejn ġew reġistrati minn konsumaturi individwali għal rimedju u jirrigwardaw servizzi tat-telekomunikazzjoni, fejn f’każ minnhom intlaħaq ftehim amikevoli u l-każ l-ieħor ġie rtirat. L-eżitu tal-każijiet l-oħra huwa li f’erba’ każijiet ma kienx hemm ksur, ħames każijiet għadhom pendenti u qed jiġu analizzati fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, supermarkets u pannelli solari, u fil-kumplament tal-każijiet l-oħra l-kummerċjanti kkonċernati rregolarizzaw ruħhom billi biddlu jew waqqfu r-reklam qarrieqi wara li saret komunikazzjoni uffiċjali mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Il-każ li jirrigwarda trattamenti mediċi ġie riferut lill-entita’ responsabbli fejn qed tittieħed l-azzjoni neċessarja. Għall-aħħar żewġ mistoqsijiet, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm tliet każijiet li għadhom miftuħa u dawn huma relatati mal-artikolu 25A tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur preċedenti, jiġifieri l-Att ta’ qabel l-emendi tal-2011, quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, Ġudikatura Kriminali. Ta’ min jikkjarifika li dawn il-każijiet mhumiex dwar reklamar qarrieqi iżda minħabba li l-kummerċjanti ma kinux osservaw id-deċiżjonijiet tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur. Hemm ukoll każ pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell rigward operatur fil-kamp tat-telekomunikazzjoni.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — proġetti tal-ESF

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu proġetti tal-ESF taħt id-dekasteru tiegħu u kemm-il persuna ġiet imħarrġa bejn l-2013-2020?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — rappreżentant tas-settur tad-diżabilità fil-kumitati, fora u bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema huma l-kumitati, fora, bordijiet u forma oħra ta’ tmexxija li taqa’ taħt l-Ministeru u min hu jew hi r-rappreżentant tas-settur tad-diżabilità u lil min din l-persuna tirrappreżenta fuq dawn il-kumitati, fora, bordijiet eċċ?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

It-tagħrif se jingħata f’seduta oħra.

Implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2161

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar s’issa dwar l-implimenatazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2161 tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur? Jista’ jgħid jekk hemmx l-intenzjoni li ssir konsultazzjoni pubbliku wiesa’ dwar l-istess u jekk iva meta hi intenzjonata li ssir?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2161 inbeda, u fil-fatt l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ħadet ukoll sehem fil-laqgħat organizzati mill-Kummissjoni Ewropea dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva. Huwa ppjanat li ssir konsultazzjoni pubblika fix-xhur li ġejjin.

Sidien ta’ white taxis – wage supplement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li sidien ta’ white taxis qegħdin jirċievu €498 bħala wage supplement u mhux €800 bħal sidien tal-karozzini, gwidi u kull min hu affetwat ħażin fl-industrija tat-turiżmu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — direct orders lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kull kuntratt, inkluż direct orders jew simili, mogħtija minn kull entità fi ħdanu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2019 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Jista’ għal kull każ, jagħti l-ammont, data u minn min kien approvat?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ingħata l-ebda direct order jew simili lill-kumpanija msemmija.

Produzzjonijiet/films f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'produzzjonijiet/films inġibdu ġewwa Għawdex matul is-sena 2020 u kemm hu l-valur fi flus ta’ dawn il-produzzjonijiet/films? Kemm huwa ppjanat li jinġibdu produzzjonijiet/films ġewwa Għawdex matul il-kumplament tas-sena 2021 u kemm hu l-valur fi flus ta’ dawn il-produzzjonijiet/films?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2020 ma kien hemm ebda produzzjoni barranija li nġibdet f’Għawdex. Dan peress li produzzjoni li fil-fatt kienet ser tingibed f’Għawdex, giet posposta ghal din is sena minħabba l-imxija tal-COVID-19. Ta’ min isemmi li kien hemm produzzjoni lokali li bbenfikat minn fondi tal-Malta Film Fund (illum magħrufa bħala Screen Malta) li ġibdet għal xi jiem f’Għawdex u li kellha nefqa totali ta’ madwar 20 elf Ewro. Għal 2021 s’issa hemm żewġ produzzjonijiet ippjanati li ser jinġibdu f’April u f’Mejju. L-ewwel produzzjoni hija serje Ingliża li ser tinġibed f’bosta lokazzjonijiet kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. It-tieni produzzjoni hija reality show li ser jinġibed kollu f’Għawdex fuq medda ta’ 24 ġurnata. Huwa stmat li matul il-ġbid tagħhom, dawn iż-żewġ produzzjonijiet flimkien ser ikunu qed jonfqu ‘l fuq minn 4 miljun Ewro. Intant, il-Kummissjoni Maltija għall-Films għaddejja b’ħidma kontinwa biex tattira aktar produzzjonijiet lejn pajjiżna, inkluż lejn Għawdex.

Raħal Ġdid – Ġnien il-Mediterran

Question

Jista’ l-Ministru jieħu ħsieb li Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid jiġi kkurat, is-siġar jiġu miżbura u jkunimnaddaf u jkun hemm sorveljanza fl-istess post?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.