Legislature:
Category:
Reset
Active:

Aċċessibbiltà fil-bajjiet — Tagħmir għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema bajjiet ġie installat tagħmir għal persuni b'diżabilità sabiex il-bajjiet ikunu aċċessibbli? Jista' jgħid ukoll x'tagħmir ġie installat u jekk hemmx pjan li jiġi installat iktar tagħmir simili matul din is-sena? Jekk iva, liema tagħmir u f'liema bajjiet?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa pajjiżna jgawdi min 13-il bajja Blue Flag madwar Malta u Għawdex, fejn l-Awtorità ta’ Turiżmu timmaniġja 8 mill-bajjiet li jinsabu f’Malta u l-Ministeru għal Għawdex jieħu ħsieb il-bajjiet f’Għawdex. Waħda mill-kriterji tal-Blue Flag International hija li l-bajjiet ikunu aċċessibli bl-aħjar mod possibli. Apparti dawn, hemm numru ta’ bajjiet oħra aċċessibli, immaniġjati mill-Awtorità għat-Turiżmu. Fil-Bajja tal-Għadira nsibu żewġ passaġġi tal-injam li jwassluk mill-entratura tal-bajja sa ftit ċentimetri 'l bogħod mill-ilma, u jistgħu jintużaw minn kullħadd biex jiffaċilataw il-mixi fuq ir-ramel. Hemm ukoll żewġ beach buggies li jistgħu jintużaw kemm fuq ir-ramel kif ukoll ġol-ilma. Insibu parkeġġi blu kif ukoll fuq il-blat hemm beach hoist chair li huwa siġġu għal dawk il-persuni li jkollhom bżonn għajnuna biex jinżlu fl-ilma. Il-Mellieħa, hemm Beach Hoist Chair ieħor fil-parti ta’ naħa magħrufa bħala tat-Tunnara. Fil-Bajja tal-Mixquqa magħrufa ma’ kullħadd bħala Golden Bay insibu ukoll passaġġ tal-injam, ta’ iktar min 100 metru li jwasslek mir-rampa tal-entratura sa ftit ċentimetri bogħod mill-ilma, parkeġġi blu u beach buggy. Fil-bajja ta’ Buġibba nsibu passaġġi tal-injam mir-rampa tal-entratura sa ftit ċentimetri ‘l bogħod mill-ilma, parkeġġ blue u żewġ bridges mill-bajja sal-ilma armati b’handrails biex in-nies iżommu magħhom u jiffaċilitaw l-aċċess għal ġol-baħar. Fil-ponta tal-Qawra nsibu Parkeġġi Blu, Beach Hoist Chair u numru ta’ slielem, passagi tal-injam u handrails li jkomplu jagħmlu l-bajja iktar aċċessibli. Fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’Pacevile nsibu passaġġ tal-injam mir-rampa tal-entratura sa ftit ċentimetri ‘l bogħod mill-ilma u parkeġġ blu. Hawnekk ukoll nsibu beach buggy. Ġewwa Fond Għadir f’Tas-Sliema nsibu passaġġ tal-injam li jwassal għal sellum li jagħti ġol-ilma u ammont konsiderevoli ta’ slielem u hand rails biex jagħmlu l-bajja iktar aċċessibli u sigura. Ftit metri l-bogħod minn Fond Għadir, sewwa sew ġewwa l-Exiles wieħed jista jsib beach hoist chair ukoll. Din is-sena għall-ewwel darba rnexxielna niksbu l-Blue Flag għal bajja tal-Fajtata f’Wied il-Għajn li hija l-ewwel bajja li ħadet dan iċ-Ċertifikat fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Din il-bajja hija armata b’passaġġ tal-injam li jagħti mir-rampa tal-entratura sal-hoist chair. Apparti min hekk insibu Parkeġġ blu ukoll. Apparti bajjiet Blue Flag hemm bajjiet oħrajn li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu timmaniġja bħal Bajja s-Sabiħa ġewwa Birżebbuġia fejn hi mgħammra b’passaġġ tal-injam mill-promenade sa ftit ċentimetri ‘l bogħod mill-ilma, Beach Buggy, Hoist Chair u parkeġġ Blu. Wieħed jista jsib ukoll passaġġi tal-injam ġewwa dawn il-bajjiet: L-Armier, Little Armier, Baħar iċ-Ċagħaq, Ġnejna, u l-Għar l-Aħmar ġewwa Marsaxlokk fejn f’dawn tal-aħħar wieħed ikun jista’ jsib ukoll beach buggies biex jiffaċilitaw l-aċċess għal baħar. L-għan tal- Awtorità Maltija għat-Turiżmu huwa li sena wara sena, kif għamlet fl-aħħar snin dejjem tkompli ssaħħaħ l-aċċessibiltà tal-bajjiet Maltin. Id-Divizjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni hija inkarigata mill-għamara tal-baħar sabiex tassigura li l-bajjiet Maltin ikunu aċċessibbli u siguri għall-pubbliku. Fost l-għamara tal-baħar li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tad-Diviżjoni nsibu, slielem tal-baħar, railings u twapet tal-baħar sabiex il-bajjiet jingħataw aktar aċċess sigur. Dinn it-tip ta’ għamara tal-baħar tiġi installata madwar il-bajjiet Maltin kollha.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika — Ingaġġ jew impjieg full-time jew part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament għandhomx jew kellhomx xi forma ta' ingaġġ jew impjieg full-time jew part-time jew nomini fuq bordijiet ta' entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-pakkett finanzjarju għal kull rwol li jista’ jkollu jew kellu/kellhom/kellha?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ramel importat mill-Ġordan

Question

Peress li skont l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), ir-ramel importat mill-Ġordan li se jservi bħala parti mill-programm ta’ manutenzjoni tal-bajjiet kien mistenni jasal Malta fil-11 ta' Ġunju 2024, jista’ l-Ministru jgħid x'testijiet saru biex jiġi żgurat li dan ma jfixkilx l-ekosistema tagħna?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lil Onor. Interpellant li r-ramel impurtat għall-użu fil-bajjiet huwa mill-istess sors ta’ ramel li kien impurtat fis-snin li għaddew (2004, 2007, 2015). Il-materjal huwa inert u nadif. L-effett fuq l-ambjent ta’ qiegħ il-baħar kien studjat permezz ta’ programm ta’ moniteraġġ għal diversi snin wara l-ewwel intervent fil-bajja ta’ San Ġorġ. Peress li s-sors tar-ramel ma nbidilx ma kienx hemm bżonn ta’ iktar testijiet ħlief dawk sabiex ikun żgurat li l-kwalità tar-ramel taqbel ma’ dak speċifikat fil-kuntratt.

Eco Tax — Flus miġbura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm u kemm hu l-ammont ta' flus miġbura mill-Eco Tax li suppost titħallas minn kull persuna li tqatta' iljieli f'akkomodazzjoni turistika, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Kemm minn dawn il-fondi ntużaw u fiex intużaw? Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-fondi miġbura u mhux użati mill-Eco Tax preżentement u mingħand min jiġu amministrati dawn il-fondi?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat, nirreferiha wkoll għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 7841 u 12581. Ninfurmaha li hu maħsub li l-fondi jiġu eżawriti fuq diversi inizjattivi li għaddejjin. Dawn il-fondi huma amministrati skont il-liġi applikabbli.

Diskriminazzjoni politika — Każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni beħsiebu jieħu fil-konfront tal-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, fid-dawl tas-sentenza mogħtija mill-Kummissjoni dwar l-Impjiegi nhar il-15 ta' Mejju 2024 fil-kawża li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament u li permezz tagħha nstab li dan l-istess individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament wettaq diskriminazzjoni politika fil-konfront tal-persuna li d-dettalji dwarha ukoll qegħdin jingħataw separatament?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu indikat ġie ttrattat bħal individwi oħra li kienu indikati li wettqu diskriminazzjoni politika kontra l-individwu msemmi. Se nkun qed ngħaddi l-informazzjoni lill-Onor. Interpellant b’mod kunfidenzjali.

MTA — applikazzjonijiet għal lukandi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10237, 10404 u 10638 u jgħid x’inhi l-policy tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għal dak illi jirrigwarda applikazzjonijiet għal lukandi ġodda ġewwa pajjiżna?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11090.

MTA — applikazzjonijiet għal lukandi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10110, 10403 u 10637 u jgħid kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet għal lukandi ġodda lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fis-snin 2022 u 2023 u kemm minnhom ġew approvati? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kamra u sodda fihom u f’liema lokalità jinsabu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11087, ninfurmah li l-lokalitajiet kienu is-segwenti: · Attard · Balzan · Birkirkara · Gżira · Għajnsielem · Għarb · Luqa · Marsascala · Marsaxlokk · Msida · Pietà · Qormi · San Ġiljan · San Pawl il-Baħar · Sliema · Valletta · Xlendi · Żebbuġ Għawdex.

MTA — baġit għall-marketing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10109, 10402 u 10636 u jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għandhiex pjanijiet sabiex tistabbilixxi kriterji oġġettivi u trasparenti li jiġu ppubblikati sabiex jindikaw kif u min jista’ jibbenefika mill-baġit tagħha għall-marketing?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11092.

MTA — għajnuna lil entitajiet u organizzazzjonijiet għal marketing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10108, 10401 u 10635 u jgħid liema individwi, entitajiet u organizzazzjonijiet ingħataw għajnuna mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fis-sena 2022 taħt il-baġit tal-MTA għal ‘Marketing - Local & Intl, Digital, Brands, VMIM & Events’?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11092.

MTA — spiża fuq marketing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10107, 10400 u 10634 u jagħti rendikont tal-ispiża tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għas-sena 2022 fuq ‘Marketing - Local & Intl., Digital, Brands, VMIM & Events’ li, skont il-Financial Statements sottomessi fil-Parlament, ammontaw għas-somma totali ta’ €56,279,024?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11092.

Ministeru għat-Turiżmu u Awtorità Maltija għat-Turiżmu — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7446 u jagħti lista tad-direct orders illi ngħataw mill-Ministeru tiegħu u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżm (MTA) matul is-sena 2023?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Once Upon a Time in Malta – baġit allokat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kien il-baġit allokat u n-nefqa għall-film qasir bit-titlu Once Upon A Time in Malta li nħadem għall-introduzzjoni tal-Malta Golden Bee Awards li ħadu sehem fih il-persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-film kienx maħdum minn production company Maltija u jekk kienx hemm open call għalih?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Mediterrane Film Festival u Golden Bee Awards — Tenders u direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tenders u direct orders tas-suppliers kollha għal Mediterrane Film Festival u dawk tal-Golden Bee Awards kinitx ħarġet sejħa pubblika biex wieħed japplika għalihom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċeduri tmexxew skont il-liġijiet li jikkonċernaw ix-xiri pubbliku u approvati mill-Ministeru għall-Finanzi kif mitlub. F’ħafna mill-każijiet il-proċeduri jkunu għadhom pendenti minħabba vverifikar ta’ invoices u pagamenti anċillari.

Legal Reform for the Tourism Industry — Abbozz ta’ liġi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13857, jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun qiegħed jitressaq quddiem il-Kamra l-Abbozz ta’ Liġi bbażat fuq il-White Paper 'Legal Reform for the Tourism Industry'?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-reviżjoni tal-liġi fl-intier tagħha għadha għaddejja. Kif din ir-reviżjoni tkun kompluta, tiġi ppreżentata għal konsultazzjoni u diskussjoni.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika — Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika - Press conferences

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, jgħid kemm saru press conferences mis-Segretarjat Parlamentari u/jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, jista’ jgħid ukoll: (i) x’kienet it-tema; (ii) kemm ġiet tiswa din il-press conference; (iii) kif intefqu l-flus (eż. post, catering, backdrop, sound, dawl, eċċ.); (iv) min kienu l-kuntratturi u/jew l-individwi li għamlu x-xogħol; (v) kemm minn din in-nefqa kienet permezz ta’ direct order u kemm kienet permezz ta’ sejħa pubblika?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tinġabar din l-informazzjoni mitluba tinqabeż l-advisory cost.

Buġibba — Manutenzjoni fil-pjazza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'manutenzjoni hemm ippjanata li ssir matul ix-xahar li ġej fil-pjazza ta' Buġibba, billi jidher li partijiet mill-fixtures li hemm fil-pjazza huma msadda, jew għandhom bżonn manutenzjoni inkluż żebgħa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ġejt infurmat lit-tisbiħ temporanju tal-Pjazza ta’ Buġibba se jibda din il-ġimgħa.

Ix-Xemxija – Kontenituri taż-żibel fil-bajjiet

Question

Jista' l-Ministru jara li l-bajjiet li hemm fix-Xemxija jkollhom kontenituri biex jintrema fihom iż-żibel minn min jiffrekwenta dawn iż-żoni, filwaqt li jassigura li dawn jitbattlu regolarment?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni diġà provdiet kontenituri tal-iskart fiż-żona magħrufa Tal-Fekruna fix-Xemxija. F’żoni oħrajn, id-Diviżjoni ħadet ukoll ħsieb li tibdel kontenituri tal-iskart antiki li ma kienux f’kundizzjoni tajba għal oħrajn ġodda.

San Pawl il-Baħar — Telgħet ix-Xemxija u Xatt il-Pwales - Kontenituri taż-żibel

Question

Jista' l-Ministru jassigura li l-kontenituri taż-żibel li hemm f'Telgħet ix-Xemxija u Xatt il-Pwales, San Pawl il-Baħar jitbattlu regolarment? Jista' jipprovdi skeda ta' kull meta jitbattlu dawn il-kontenituri?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li dawn il-kontenituri ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tas-sezzjoni tat-tindif tal-bajjiet fi ħdan id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni.