Legislature:
Category:
Reset
Active:

Regolamenti LS 409.02, LS 409.16 u LS 409.19 — proċeduri legali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid sena b’sena mill-2017 s’issa, kemm-il proċeduri legali ttieħdu fir-rigward ta’ allegat ksur tad-dispozizzjonijiet tal-L.S. 409.02? F’kull każ li ġie mitmum x’kien l-eżitu? Tista’ tgħid sena b’sena mill-2017 s’issa kemm-il proċeduri legali ttieħdu fir-rigward ta’ allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tal-L.S. 409.16. F’kull każ li ġie mitmum x’kien l-eżitu? Tista’ tgħid sena b’sena mill-2018 s’issa kemm-il proċeduri legali ttieħdu fir-rigward ta’ allegat ksur tad-dispozizzjonijiet tal-L.S. 409.19. F’kull każ li ġie mitmum x’kien l-eżitu? Tista’ tgħid kemm attwalment hemm uffiċjali f’ħdan l-MTA li huma responsabbli għall-infurzar tar-regolamenti L.S. 409.02, L.S.409.16 u L.S. 409.19.?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li: Ma jirriżultax li kien hemm proċeduri legali fir-rigward ta’ L.S. 409.02 jew L.S. 409.16 mis-sena 2017 sal-24 t’April 2020. Fir-rigward ta’ L.S. 409.19, f’Malta ttieħdu seba’ (7) azzjonijiet legali fil-konfront ta’ Aġenziji tal-Ivjaġġar – ħamsa (5) fl-2018, waħda (1) fl-2019 u oħra (1) fl-2020. F’kull każ ġiet mogħtija multa amministrattiva. Apparti minn hekk f’żewġ każi tal-2018 kien hemm Avviż ta’ Infurzar ( Enforcement notice) li ġie irtirat wara li l-ksur waqaf u l-pożizzjoni ġiet irregolata, u Avviż ieħor ta’ Infurzar ( Enforcement notice) biex l-operazzjoni turistika tieqaf. F’Għawdex ittieħdu erba’ (4) azzjonijiet legali fir-konfront ta’ Aġenziji tal-Ivjaġġar: tnejn (2) fl-2018 u tnejn (2) oħra fl-2019. Fi tliet każijiet minnhom ġew mogħtija multa amministrattiva, filwaqt li fir-raba’ każ inħareġ Avviż ta’ Infurzar sabiex l-operazzjoni turistika tieqaf minnufih. Bħalissa hawn dsatax-il persuna (19) fi ħdan id-Direttorat tal-Infurzar ( Compliance and Regulatory) li huma responsabbli mill-infurzar tal-operazzjonijiet turistiċi li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet ikkonċernati taħt Cap 409 – erbatax-il persuna (14) f’Malta u ħames persuni (5) f’Għawdex.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – konsulenzi/kuntratti minn kumpanija

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatatx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtha mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' tgħid dwar xiex kienu dawn il-konsulenzi u/jew kuntratti? Tista’ tgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv biex ingħataw l-imsemmija konsulenzi u/jew kuntratti u tagħti dettalji tal-ħlasijiet li saru lill-imsemmija kumpanija?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li fl-2017 l-kumpanijia msemmija assistiet u tat pariri lill-Ministeru f’xogħol relatat mal-istrutturar tal-Air Malta, għal liema xogħlijiet tħallset is-somma ta’ €42,875 (excl VAT). Intant, is-sena l-oħra l-istess kumpanija ġiet mogħtija l-inkarigu biex tgħin lill-Istitut tal-Istudji Turistiċi jibnu l-istrateġija tal-Istitut għall-ħames snin li ġejjin. S’issa għadu ma sar l-ebda pagament f’dan ir-rigward.

Gentlemen’s Club irreġistrati

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' gentlemen's clubs irreġistrati mal-Awtorità tat-Turiżmu u tindika ċar il-liċenzja ta' kull club f'isem min inħarġet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi li minnha hija responsabbli l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (Cap 409), m’għandhiex liċenzja speċifika għall-operazzjonijiet magħrufin bħala Gentlemen’s Clubs.Dan it-tip ta’ divertiment ipprovdut f’dawn l-istabbilimenti mhuwiex regolat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. L-Awtorità hija responsabbli minn stabbilimenti li jipprovdu ikel u xorb, u dawn jiġu liċenzjati skont il-kategoriji fil-liġi kkonċernata.

Ministeru għall-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — kuntratti mogħtija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata mill-Ministeru, aġenzija jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, sa mill-1 ta’ Marzu 2020? Jista’ jgħid lil min ingħata kull kuntratt, jindika l-iskop tiegħu, jekk ingħatax wara sejħa jew le, u l-valur tal-kuntratt?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tispeċifika għal-liema kuntratti qiegħdha tirreferi.

Malta Film Fund — benefiċċjarji

Question

Tista' l-Ministru tagħti d-dettalji tal-benefiċċjarji kollha tal-Malta Film Fund, inkluż id-data, l-ammont mogħti u l-isem tal-persuni u/jew tal-kumpaniji, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2013 ’l hawn inġibdu 58 produzzjoni lokali li bbenefikaw mill-Malta Film Fund bit-total tal-fondi allokati jkun ta’ kważi żewġ miljun ewro.

Malta Film Fund – proġetti ffinanzjati imma li ma tkomplewx

Question

Tista' l-Ministru tindika liema proġetti li inizjalment ingħataw finanzjament mill-Malta Film Fund iżda liema proġett ma tkomplewx, kif ukoll tindika r-raġuni jew raġunijiet għala l-imsemmija proġetti ma tkomplewx jew ma tħallewx jitkomplew?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2013 ’l hawn kien hemm 26 produzzjoni lokali li l-benefiċċju li ħadu mill-Malta Film Fund ġie kkanċellat minħabba diversi raġunijiet fosthom li inkissru il-kundizzjonijiet tal-kuntratt jew il-proġett ma tlestiex, fost l-oħrajn. Il-fondi kkanċellati kienu jammontaw għal kważi nofs miljun ewro.

Ministeru għat-Turżimu u Protezzjoni tal-Konsumatur — użu ta' karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12991, tista' l-Ministru tgħid kemm hi kbira l-flotta tal-karozzi tad-Diviżjoni tat-Tindif u dik tal-Awtorità tal-Mediċina? Tista' tiċċara jekk din ir-risposta tfissirx li m'hemm ebda karozza elettrika jew hybrid fid-dipartimenti l-oħrajn kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-flotta tad-Diviżjoni għat-Tindif tikkonsisti f’90 vettura li jinkludu karozzi, trakkijiet u vetturi speċjalizzati. L-Awtorità tal-Mediċina attwalment qegħdha fil-proċess li tirreġistra t-tielet karozza tagħha. Fir-rigward tal-aħħar mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12991.

Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta — kirjiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-kirjiet kollha, inkluż iż-żmien, il-valur u l-isem tal-kumpanija ta’ kull kirja u/jew konċessjoni, li l-Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta għamlet lil terzi persuni jew kumpaniji għal-użu tal-istudios, it-tankijiet, u l-uffiċini fil-Malta Film Studios mis-sena 2015 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għaldaqstant ma tistax tingħata.

Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta – ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet dwar sit fil-Kalkara

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull ftehim u/jew kuntratt li l-Kummissjoni Ċinematografika ta' Malta għandha mal-Awtorità tal-Artijiet jew il-predeċessuri tagħha dwar is-sit tal-Malta Film Studios fil-Kalkara?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent m’hemmx kuntratt/ftehim bejn il-Kummissjoni Maltija għal Films dwar is-sit tal-Malta Film Studios. Madankollu, id-diskussjonijiet bejn l-istess Kummissjoni u l-Awtorità tal-Artijiet jinsabu fi stadju avvanzat biex jiġi fformulat ftehim li jagħti l-amministrazzjoni tal-Malta Film Studios f’idejn il-Kummissjoni tal-Films. Dan qed isir minħabba li l-Kummissjoni ilha tamministra s-sit tal- Malta Film Sutdios għal snin twal.

Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta – konċessjonijiet għal użu ta’ Forti Ricasoli

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-kirjiet u/jew konċessjonijiet kollha, inkluż iż-żmien, il-valur u l-isem tal-kumpanija, li l-Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta għamlet lil terzi persuni jew kumpaniji għall-użu tal-Forti Ricasoli mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għaldaqstant ma tistax tingħata.

Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta – ftehim/kuntratti dwar Forti Ricasoli

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull ftehim u/jew kuntratt li l-Kummissjoni Ċinematografika ta' Malta għandha dwar is-sit ta’ Forti Ricasoli fil-Kalkara?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent m’hemmx kuntratt/ftehim bejn il-Kummissjoni Maltija għal Films dwar Forti Ricasoli. Madankollu, id-diskussjonijiet bejn l-istess Kummissjoni u l-Awtorita tal-Artijiet jinsabu fi stadju avvanzat biex jiġi fformulat ftehim li jagħti l-amministrazzjoni ta’ Fort Ricasoli f’idejn il-Kummissjoni tal-Films. Dan qed isir minħabba li l-Kummissjoni ilha tamministra din il-Forti għal snin twal.

Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta – direct orders

Question

Tista' l-Ministru tagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħata mill-Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta, inkluż id-data, il-valur u l-isem tal-persuni u/jew tal-kumpaniji li lilha ngħatat, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

It-tagħrif qed jinġabar.

Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta – kuntratti ffirmati

Question

Tista' l-Ministru tagħti d-dettalji ta' kull kuntratt li ġie ffirmat mill-Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta, inkluż id-data, il-valur u l-isem tal-persuni u/jew tal-kumpaniji li lilhom ingħataw, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għaldaqstant ma tistax tingħata.

Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta – struttura organizzattiva

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tabella li turi l-istruttura organizzattiva tal-Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li l-Kummissjoni tal-Films bħalissa tinsab fi proċess ta’ tiġdid tal-istruttura organizzatttiva tagħha. Il-proċess għadu għaddej.

Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta – membri tal-bord

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li fil-preżent huma l-membri tal-Bord tal-Kummissjoni Ċinematografika ta' Malta?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, il-membri tal-Bord tal-Kummissjoni Maltija għal Films huma: · Chairperson - Dr Beverly Cutajar · Segretarju tal-Bord – Dr Ryan Pace · Membri – Ms Audrey Mizzi, Mr Jonathan Mangion, Ms Giselle Desira.

Malta Film Fund – kuntratti ta’ persuni li jiffurmaw parti mill-bord tal-evalwazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tal-persuni kollha li fis-snin 2018 u 2019, kif ukoll fil-preżent, jifformaw parti mil-bord tal-evalwazzjoni (evaluation board) tal-Malta Film Fund?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bordijiet ta’ Evalwazzjoni jkunu komposti minn persuni maħtura minn fost persuni b’esperjenza fil-qasam ċinematografiku, u li għandhom l-indipendenza tal-ġudizzju meħtieġa biex iwettqu dik il-funzjoni, u dan kif dejjem isir. Peress li l-membri tal-Bord jaġixxu fil-mansjoni uffiċjali u mhux personali, ma nħossx li jkun korrett li d-data personali tal-individwi tiġi mxandra.

Kummissarju Ċinematografiku – kopja tal-kuntratt

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li fil-preżent jokkupa l-kariga ta' Kummissarju Ċinematografiku?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissarju tal-Films għandu remunerazzjoni ta’ €51,156.60 fis-sena. Bħala perkaċċi għandu €3,261.00 f’expense allowance u 10% ta’ remunarazzjoni fis-sena bħala disturbance allowance. Taħt it-tmexxija tal-persuna msemmija, il-Kummissjoni tal-Films ta' Malta bdiet proġett ambizzjuż biex tissaħħaħ aktar l-industrija tal-films lokali. Żdied il-programm ta’ cash rebate għal 40% u ġie varat masterplan għall-Malta Film Studios biex tiġi rriġenerata ż-żona kollha u diġà beda l-proċess biex jinbnew l-ewwel soundstages f’Malta. Dan huwa l-ewwel investiment mill-gvern wara 40 sena. Mill-2018, iktar minn 16-il fornitur ta' servizz lokali differenti ħadmu f'aktar minn 35 produzzjoni differenti. Grazzi għax-xogħol siewi li jagħmel il-Kummissarju tal-Films, fl-2019, kien hemm 'il fuq minn 21 produzzjoni ta' films u televiżjoni, li jfisser li total ta' € 40 miljun ġew injettati fl-ekonomija tagħna.

Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta – ħaddiema impjegati

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni kollha li mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kienu jew għadhom impjegati mal-Kummissjoni Ċinematografika ta' Malta kemm fuq bażi full-time kif ukoll fuq bażi part-time? Tista' tindika għal kull waħda mill-imsemmija persuni, il-kariga, ir-remunerazzjoni u dati tal-impieg li kellha u/jew għandha mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

It-tagħrif qed jinġabar.

Kummissjoni Ċinematogragika ta’ Malta – kopja tar-rapport annwali

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport annwali tal-Kummissjoni Ċinematografika ta' Malta għas-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017, 2018 u 2019?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Regolament (UE) 2017/2394 — obbligi

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12934, tista’ l-Ministru tindika fir-rigward tal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, meta huwa maħsub li l-emendi proposti li għalihom qed tagħmel referenza f’dik it-tweġiba, ser jittressqu għal konsultazzjoni pubblika? Għalkemm wieħed japprezza d-diffikultajiet attwali minħabba l-pandemija tal-Coronavirus, imma tista' l-Ministru tikkonferma li suppost l-konformità ta’ Malta skont ir-rekwiżiti tar-Regolament tal-UE 2017/2394 u kif qed jiġi nnotat ukoll, kellha ssir sas-17 ta’ Jannar 2020?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-konsultazzjoni pubblika fir-rigward tal-emendi proposti għal-leġiżlazzjoni li taqa’ taħt l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtoritá ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għandha tiġi ppreżentata fil-jiem li ġejjin. Rigward l-emendi fil-leġiżlazzjoni li taqa’ taħt l-Awtoritá Maltija tat-Turiżmu dawn għadhom qed jiġu mħejjija. Nitlob lill-Onor. Interpellant japprezza l-fatt li, kif indikat ukoll fil-mistoqsija parlamentari, dan il-Ministeru inkluż iż-żewġ awtoritajiet imsemmija kienu fost l-aktar milqutin bil-pandemija u jinsabu impenjati ħafna minħabba ċ-ċirkustanzi li nqalgħu b’riżultat t’hekk.