Legislature:
Category:
Reset
Active:

Buġibba – Moll – Pilastri tad-dawl u l-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34790 u jgħid jekk il-pilastri tal-ilma u tad-dawl (water and electricity pillars) installati fil-moll il-ġdid ta’ Buġibba humiex qed jiffunzjonaw kif suppost? Jekk le, jista’ jgħid meta mistennija jsiru operattivi u x’inhuma r-raġunijiet għaliex għadhom mhumiex qed jintużaw?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pilastri tal-ilma u tad-dawl installati fil-moll il-ġdid ta’ Buġibba huma parti minn sistema li teħtieġ integrazzjoni ma’ mekkaniżmi tekniċi sabiex is-servizz ikun jista’ jingħata b’mod regolat. Minħabba kwistjonijiet tekniċi relatati mas-sistemi informattivi u l-arranġamenti ta’ billing mal-fornitur tas-servizz, il-kummissjonar ta’ dawn il-pilastri ħa aktar żmien milli kien previst inizjalment. Dawn il-kwistjonijiet issa ġew indirizzati u s-servizz huwa mistenni li jidħol fis-seħħ fil-jiem li ġejjin, wara li jitlestew l-aħħar verifiki tekniċi.

Ħal Tarxien/Raħal Ġdid - Triq it-Tarzna - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq it-Tarzna, f’Ħal Tarxien/Raħal Ġdid u kemm ser jiġu jiswew?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa mhux għaddejjin xogħlijiet minn Infrastructure Malta fit-triq imsemmija.

Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul April 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W427.

Il-Fgura - Triq Mondion - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Mondion ġewwa l-Fgura hix se titranġa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minkejja li Triq Mondion, Fgura ma ġietx nominata biex isiru xogħlijiet fiha fil-futur immedjat, għadna għaddejjin b’taħditiet mal-Kunsilli Lokali sabiex ix-xogħol tat-toroq jiġi allokat skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalita’ rispettiva tagħhom.

Għawdex - Berths - Lista ta’ stennija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27215, jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra u jgħid kemm hu l-ammont ta’ talbiet li hemm fuq il-lista ta’ stennija għal berth fil-Marina ta’ Għawdex? Jista’ jgħid ukoll fil-konkret x’hemm ippjanat li jsir biex jiżdiedu l-berths f’Għawdex matul din il-leġiżlatura?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm 359 bastiment fuq il-lista ta’ stennija għal berth fil-Marina t’Għawdex.  Fir-rigward tal-pjanijiet sabiex jiżdiedu l-irmiġġi f’Għawdex, bħalissa għaddejjin diskussjonijiet u eżerċizzji preliminari dwar l-estensjoni tal-Port tal-Imġarr.

INDIS - Kumpanija tal-avjazzjoni - Ordni ta’ sekwestru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-INDIS fetħitx ordni ta’ sekwestru fuq kumpanija tal-avjazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħata separatament? Jista’ jgħid jekk it-53 ħaddiem li jaħdmu mal-istess kumpanija għadhomx mingħajr paga mis-26 ta’ Frar 2026 u jekk kellhomx jagħmlu appell mal-Qorti biex jiġu rilaxxati l-flus dovuti għall-pagi tagħhom? Jekk dan hu minnu, x’inhi r-raġuni li sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari l-INDIS għadha ma tatx il-kunsens tagħha biex jiġu rilaxxati l-flus tal-pagi? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern għadux għaddej b’negozjati ma’ kumpanija oħra tal-avjazzjoni biex tieħu post din il-kumpanija li l-Gvern fetaħ mandat kontriha? Jekk fl-affermattiv, il-ħaddiema eżistenti ta’ din il-kumpanija ser jingħataw assigurazzjoni bil-miktub li l-kumpanija l-ġdida ser iżżommhom magħha bl-istess kundizzjonijiet u pagi li għandhom illum, jew kundizzjonijiet u pagi aħjar?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Splużjoni ta’ Tanker - Air Traffic Control - Rapport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ħin tal-ġurnata, jekk sar, u jipprovdi l-ħin eżatt bis-siegħa u l-minuti, li ġie rrappurtat/innutat għall-ewwel darba mill-Air Traffic Control ta’ Malta, it-traffiku ta’ ajruplani militari jtiru fuq iż-żona fejn saret l-isplużjoni tal-LNG tanker Russu nhar it-3 ta’ Marzu 2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġejt infurmat li Matul il-perjodu inkwistjoni, ma nstabu l-ebda ajruplani militari mhux magħrufa jew mhux awtorizzati li kienu qed joperaw fi spazju tal-ajru sovran Malti.

Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul Marzu 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W410.

Pjattaformi/strutturi ta’ ospitalità f’wiċċ il-baħar - Sigurtà marittima u rispons ta’ emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju jew valutazzjoni dwar l-impatt li operat ta’ pjattaformi jew strutturi ta’ ospitalità f’wiċċ il-baħar jista’ jkollu fuq it-traffiku marittimu u s-sigurtà fil-baħar? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri qed jiġu kkunsidrati sabiex jiġi żgurat li s-servizzi ta’ emerġenza marittimi, inklużi dawk tal-Forzi Dixxiplinati ta’ Malta u l-awtoritajiet kompetenti, ikunu jistgħu jirrispondu b’mod effettiv f’każ ta’ inċident jew emerġenza relatata ma’ dawn l-operazzjonijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-pjattaforma/struttura li qed issir referenza għaliha, fid-disinn u fl-operat tagħha, se topera bl-istess mod bħal kull bastiment kummerċjali ieħor li bħalissa jopera fl-ibħra territorjali ta’ Malta. Għaldaqstant, hija suġġetta għall-istess qafas regolatorju u rekwiżiti operattivi li japplikaw għall-bastimenti kummerċjali li joperaw fiż-żoni marittimi tagħna. Fir-rigward ta’ emerġenzi marittimi, għandu jsir riferiment lill-awtoritajiet kompetenti li għandhom ir-responsabbiltà għall-ġestjoni ta’ emerġenzi marittimi.

Pjattaformi/strutturi ta’ ospitalità f’wiċċ il-baħar - Protokolli ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’koordinazzjoni qed issir jew hi prevista li ssir bejn Transport Malta (TM Maritime), l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u awtoritajiet oħra kompetenti sabiex jiġi żgurat li bastimenti, pjattaformi jew strutturi ta’ ospitalità li jżommu f’wiċċ l-ilma ma jidħlux f’żoni riservati għall-għawm, u li ma jinqabżux il-livelli permissibbli ta’ storbju li jistgħu jaffettwaw lir-residenti tul il-kosta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pjattaforma/struttura li qed issir referenza għaliha, fid-disinn u fl-operat tagħha, se topera bl-istess mod bħal kull bastiment kummerċjali ieħor li bħalissa jopera fl-ibħra territorjali ta’ Malta. Għaldaqstant, hija suġġetta għall-istess regolamenti u obbligi applikabbli għall-bastimenti kummerċjali. B’mod partikolari, l-ebda bastiment ma huwa permess jidħol fiż-żoni riservati għall-għawm li jkunu stabbiliti permezz tan-Notices to Mariners rilevanti maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw bl-istess mod għal kwalunkwe bastiment jew struttura li topera fuq il-baħar. Barra minn hekk, l-operaturi huma obbligati josservaw ukoll in-Notices to Mariners relatati mal-livelli ta’ storbju abbord bastimenti kummerċjali, sabiex jiġi żgurat li l-operat tagħhom ma jaqbiżx il-livelli permissibbli ta’ storbju u ma jikkawżax inkonvenjent lir-residenti tul il-kosta. Transport Malta tkompli tikkollabora mal-awtoritajiet kompetenti, inkluż l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), sabiex jiġi żgurat li dawn ir-regolamenti jiġu osservati u infurzati kif xieraq.

Ħaż-Żabbar – Triq Bieb is-Sultan – Livellar tal-bankina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-bankina bejn in-numri 128 u 148 ta’ Triq Bieb is-Sultan f’Ħaż-Żabbar, speċifikament fin-naħa tar-residenzi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament tiġi livellata?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta ser tkun qed tagħmel spezzjoni fiż-żona indikata sabiex naraw eżatt x’ inhi l-problema.

Liċenzji li ġew irritornati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34275, jista’ l-Ministru jipprovdi l-etajiet tal-persuni li applikaw biex jirritornaw il-liċenzja tas-sewqan tagħhom? Jista’ jgħid ukoll jekk kinux kollha eleġibbli għal din l-iskema?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-eta’ tal-applikanti hija bejn it-18 u t-30 sena.

Rabat, Malta – Triq Għeriexem – Solar Footpath

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ġenerati units ta’ enerġija mis-Solar Footpath tal-belvedere ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat, Malta, mill-inawgurazzjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Pjattaformi/strutturi ta’ ospitalità f’wiċċ il-baħar – Impatt ambjentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux jew humiex previsti studji jew valutazzjonijiet dwar l-impatt ambjentali relatat ma’ operat ta’ pjattaformi jew strutturi ta’ ospitalità f’wiċċ il-baħar, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-qiegħ tal-baħar, il-ġestjoni tal-iskart, u l-impatt possibbli tal-istorbju fuq ir-residenti u l-komunitajiet kostali fil-qrib?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34862.

Pjattaformi/strutturi ta’ ospitalità f’wiċċ il-baħar – Liċenzjar u permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet rispettivi rċevewx xi applikazzjoni jew jekk ingħatax xi permess għall-operat ta’ pjattaforma jew struttura ta’ ospitalità f’wiċċ il-baħar jew pjattaformi kbar li jżommu f’wiċċ l-ilma, fiż-żona tar-Reġjun Tramuntana jew f’żoni oħra fil-qrib? Jekk iva, jista’ jgħid ta’ xiex inhuma, f’liema stadju jinsabu dawn l-applikazzjonijiet u taħt liema qafas regolatorju qed jiġu kkunsidrati?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34862.

Port il-Kbir - Floating Party - Liċenzja

Question

B’referenza għall-floating party island li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u li bħalissa tinsab sorġuta fil-Port il-Kbir, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ liċenzja hija meħtieġa għal din iċ-ċatra/inġenju tal-baħar?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34862.

Port il-Kbir - Floating Party - Permessi

Question

B’referenza għall-floating party island li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li bħalissa tinsab sorġuta fil-Port il-Kbir, jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġux il-permessi meħtieġa għal din it-tip ta’ attività fuq il-baħar? Jista’ jgħid ukoll x’passi ser jittieħdu fir-rigward tal-istorbju li din l-attività toħloq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pontun imsemmi huwa konformi mal-proċeduri skont in- Non-Convention Vessel (NVC) Code u l- Commercial Vessel Regulations biex jikseb NVC Certificate li jippermetti li jopera kummerċjalment skont il-liġijiet ta’ Malta. Il-pontun, bħall-bastimenti kummerċjali kollha, se jkollu jikkonforma man-Notifiki relatati maħruġa minn Transport Malta.

Port il-Kbir – Riġenerazzjoni - Konċessjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34489 u 34671 u jagħti lista sħiħa tal-konċessjonijiet kollha li ġew iffirmati mill-Gvern fiż-żona tal-Port il-Kbir (Grand Harbour)?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15454.

Segretarjat għax-Xogħlijiet Pubbliċi – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34166 u 34621 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.      it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.     data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.    ammont totali tal-infiq?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.