Legislature:
Category:
Reset
Active:

Użu ta’ Yacht

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12616 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u jgħid kemm ġiet tiswa l-yacht mixtrija minn Yachting Malta li ngħatat l-isem ta’ “Viva Malta”? Jista’ jgħid ukoll għaliex din tħalliet mitluqa ġewwa boat yard fil-Marsa, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u ma ntużat qatt?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l- Yacht "Viva Malta" ġie mixtri €344,292 (US $ 390,000) u kien qiegħed f'yard fil-Marsa fejn sarulu xi xogħolijiet biex jiġi preparat għat-tlielaq. Bħalissa għaddejjin preparamenti sabiex jibda it-taħriġ tal-ekwipaġġi li ser itellqu dan il-Yacht. Sadanittant ninforma li il-Yacht m’għadux fil-boatyard msemmija iżda jinstab sorġut fil-Marina Creek f'Ta Xbiex. Huwa ppjanat li l-Yacht jibda jieħu sehem fit-tlielaq fl-2024.

Operaturi ta’ servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri u kiri ta’ vetturi — Liċenzji maħruġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Liċenzja ta’ Operatur (skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.68) inħarġet mill-2019 sal-ġurnata li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam l-informazzjoni sena b’sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Raħal Ġdid — Triq Brittanja - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qegħdin jsiru fi Triq Brittanja f’Raħal Ġdid u kemm ser idumu għaddejjin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq Brittanja u fi Triq Valletta, f’Raħal Ġdid jinkludi bini tat-toroq mill-ġdid ir-rikostruzzjoni sħiħa tal-bankini, it-tisħiħ tas-sotto-bażi eżistenti u s-saffi tal-asfalt tul il-medda kollha tat-triq flimkien mas-sinjali tat-toroq u l-marki tal-linji meħtieġa. F’dawn it-toroq Infrastructure Malta għamlet servizzi ġodda matul il-medda kollha skont kif proposti mill-entitajiet konċernati, li jinkludi tisħiħ fin-networks tad-distribuzzjoni tal-ilma, tad-dawl u telekomunikazzjoni kif wkoll tisħiħ fis-sistema ta’ kollezzjoni tad-drenaġġ u anke ilma tax-xita. Ix-xogħol f’dawn iż-żewg toroq huwa previst li jkun komplut fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.

Birkirkara – parkeġġ riservat

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi informazzjoni dwar il-parkeġġ riservat li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li l-ebda karozza bin-numru tar-reġistrazzjoni assenjat ma’ dan il-parkeġġ m’għadha tipparkja fih? Jista' jgħid jekk din il-karozza għadhiex tinstaq fit-toroq? X'ġara mill-persuna li hija rreġistrata ma' din il-karozza?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nfurmat li l-parkeġġ riservat huwa approvat, u li l-vettura msemmija għandha liċenzja valida u bħalissa qiegħda għat-tiswija.

Raħal Ġdid — Triq Valletta - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qegħdin isiru fi Triq Valletta f’Raħal Ġdid u kemm ser idumu għaddejjin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet imsemmija fi Triq Valletta f’Raħal Ġdid, jinkludu xogħlijiet ta’ trinek għas-servizzi proposti, segwiti minn bankini ġodda, skavar u bini mill-ġdid tat-triq. Waqt ix-xogħlijiet instab li l-kompożizzjoni tal-materjal ta’ taħt l-art kien ta’ kwalità inferjuri b’dan wassal għal ħsarat fuq servizzi mgħoddija taħt l-art. Infrastructure Malta ħadet ħsieb li tikkordina t-tiswija ta’ dawn is-servizzi mal-entitajiet konċernati. Ix-xogħolijiet mistennija jkunu lesti għal Marzu tas-sena d-dieħla.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Talbiet taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt l-istess dekasteru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn it-talbiet ġew imwieġba, kemm minnhom għadhom pendenti, u kemm minn dawn it-talbiet ma ntlaqgħux? Għal kull waħda mit-talbiet li ma ntlaqgħux, jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għal dan, u jindika lil liema fergħa tad-dekasteru ġew preżentati t-talbiet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-perjodu 2022 sal-lum, jien infurmat illi l-Ministeru tat-Transport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, inkluż l-Awtoritajiet Pubbliċi kkonċernati, irċievew sittin (60) talba. Minn dawn, wieħed u erbgħin (41) intlaqgħu, tmienja (8) ma ntlaqgħux waqt li ħdax (11) talbiet għadhom qed ikunu evalwati. Fejn it-talbiet kienu rifjutati dan sar għaliex id-dokumenti mitluba huma esklużi mill-iskop tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.

Tas-Sliema — Ferries Terminal - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11869, fejn intqal 'li x-xogħlijiet fit-terminal tal-ferries f’Tas-Sliema waslu fl-aħħar fażijiet tagħhom’, jista’ l-Ministru jagħti data ta’ meta dan ser jitlesta, fid-dawl li dan huwa proġett pendenti għal aktar minn 5 snin? Jista’ jagħti wkoll l-isem tal-kumpanija/kuntrattur(i) li qegħdin jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11869, “il-pjan hu li dan il-proġett ikun lest sa tmiem din is-sena.” Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett qed isiru primarjament minn tliet kuntratturi: SB JV responsabbli mill-bini tal-moll, Bezzina Marine Services Ltd. responsabbli mill-manifatturazzjoni u installazzjoni tal-passarelli; u NEM Impresa Colombrita responsabbli mis-superstructure. Dan il-proġett huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti li qed isiru biex tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura għat-trasport fuq il-baħar.

San Ġwann — Triq Bellavista - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq Triq Bellavista, f’San Ġwann, fid-dawl li parti mit-triq ilha lesta, iżda xorta waħda għadha magħluqa għal pubbliku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta fi ħdan il-Ministeru, qed twettaq xogħol infrastrutturali ta’ din it-triq fuq medda ta’ 1.7 kilometru. Wara konsultazzjonijiet li saru mal-partijiet konċernati u l-Kunsill Lokali, intlaħaq ftehim biex ix-xogħlijiet f’din it-triq jitwettqu bi ħsieb u f’numru ta’ fażijiet, u dan biex jiġi evitat milli t-triq tingħalaq kompletament b’inkonvenjent għar-residenti, in-negozji u s-sewwieqa. Il-kuntrattur ta’ Infrastructure Malta għaddej b’ħidma fit-tieni fażi tal-proġett, b’partijiet oħra tat-triq ikunu ġeneralment aċċessibbli għas-sewwieqa. Minkejja dan, f’ċerti ċirkostanzi, partijiet mit-triq li diġà tlestew ix-xogħlijiet fuqha, jew għad irid isir intervent fuqha, jingħalqu kif meħtieġ minħabba xogħlijiet attwali. Dan isir b’konsiderazzjoni għas-saħħa u s-sigurtà u l-isfidi li jġib miegħu manuvrar ta’ makkinarju u tagħmir tqil biex jitwettqu x-xogħlijiet meħtieġa. Infrastructure Malta qed tagħmel l-almu tagħha biex tillimita l-inkonvenjent għas-sewwieqa, filwaqt li jitwettqu x-xogħlijiet infrastrutturali.

Infrastructure Malta

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11874 rigward il-proġett ta’ Spinola u Triq Paceville, jista’ l-Ministru jagħti data ta’ meta ser jibdew dawn ix-xogħlijiet, fid-dawl li dan il-proġett ilu ’l fuq minn 3 snin imħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nirreferu għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11874, ninfurmah li l-proġett ta’ Spinola se jiġi implimentat bħala parti minn fażijiet sussegwenti minn entitajiet li jirrispondu lill-Ministeri oħra.

Ir-Rabat, Belveder ta' Għeriexem — Tħawwil ta' siġar ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12563 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u jgħid meta ser isir it-tħawwil ta' siġar ġodda minflok is-siġar li mietu minħabba nuqqas ta' tisqija fil-Belveder ta' Għeriexem, ir-Rabat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Naxxar — Studji dwar l-Immaniġġar tat-Traffiku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10162, jista' l-Ministru jispeċifika ma' liema kunsilli lokali qed isiru d-diskussjonijiet fuq l-immaniġġar ta' traffiku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nfurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fuq l-immaniġġjar tat-traffiku mal-Kunsill Lokali tan-Naxxar kif ukoll mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent kien hemm ingaġġat miegħu f'din is-sena, u ċjoè bejn Ottubru 2022 u Ottubru 2023 u jgħid min huma l-konsulenti, x'remunerazzjoni għandhom u x'inhi l-kariga ta’ kull wieħed jew waħda rispettivament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — studji dwar l-immaniġġar tat-traffiku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10287, jista' l-Ministru jgħid b'liema mod qed tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tat-traffiku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar snin saru diversi proġetti madwar Malta u Għawdex sabiex jittaffa t-traffiku u l-konġestjoni li dan iġib miegħu, inkluż il-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project, Luqa Junction Project, l-Underpass f’Santa Luċija, il-Marsa Junction, Central Link. L-underpass tal-MFSA huwa wkoll proġett maġġuri f’dawn l-aħħar ħames snin. Proġetti tal-ferry landing li sar f’Bormla, dalwaqt f’Tas-Sliema, u bix-xogħlijiet għaddejin f’Buġibba huma alternativi oħra sabiex jonqos it-trasport tal-art. Dawn il-proġetti huma akkumpanjati minn miżuri biex kemm jista jkun jitnaqqsu l-ammont ta’ karozzi mit-toroq tagħna. Eżempju prattiku ta’ dan huwa l-inċentiv li l-Gvern offra biex persuna tkun tista tibdel il-karozza tagħha ma’ mezzi aktar sostenibbli ta’ transport bħal muturi jew roti. Dawn l-għotjiet kienu akkumpanjati minn investimenti fl-infrastruttura li jħeġġu aktar nies biex jagħmlu l-qabża meħtieġa. Eżempju ta’ dan huwa l-ħolqien ta’ numru ta’ bus lanes f’numru ta’ proġetti infrastrutturali flimkien mat-tħabbira tal-ewwel network ta’ active mobility routes li għall-ewwel darba se jagħti lill-pajjiż rotot stabbiliti u sikuri għal mobilità aktar attiva. Sar investiment bla preċedent fit-trasport pubbliku, fejn permezz ta’ investiment ta’ 20 miljun ewro, żdiedu mal-flotta 30 karozza tal-linja elettrika li qed isarrfu f’aktar minn 400 vjaġġ addizzjonali kuljum. Dan, flimkien mal-fatt li qed jinbnew ferm aktar mollijiet biex titjieb il-konnettività bil-baħar, speċjalment fiż-żona tal-port il-kbir, turi l-impenn tal-Gvern biex isaħħaħ mezzi alternattivi ta’ transport lil hinn mill-vetturi personali. Fl-aħħar żmien kien hemm ukoll żieda fl-infurzar u fil-preżenza ta’ enforcement officers jigwidaw it-traffiku. Dan qed isir f’postijiet strateġiċi fejn l-Awtorità għat-Trasport hija konxja mill-fatt li f’ċertu ħinijiet tal-ġurnata jinġema’ t-traffiku. Permezz ta’ cameras imqabbdin mal-control room flimkien mal-preżenza ta’ aktar enforcement officers fit-toroq, qed jiġi aċċertat li l-fluss tat-traffiku ikun immaniġjat bl-aħjar mod possibli. Tul il-perjodu tal-back-to-school, ittieħdu numru ta’ iniżjattivi inkluż servizz ta’ tow truck b’xejn li l-iskop tiegħu huwa li ma jħallix karozzi li jkunu waqfu, fin-nofs, iżda minflok iressaqhom fil-ġenb sakemm dawk ikunu jistgħu ikomplu bit-triq tagħhom. Qed issir ħidma ukoll biex jitnaqqas it-traffiku fil-ħinijiet magħrufin bħala l-peak-hour, billi ċertu servizzi jiġu staggered. Hawnhekk, saret diskussjoni intensiva mal-imsieħba soċjali kollha li joperaw f’diversi industriji differenti. Dawn il-miżuri kellhom u mistennija jkollhom impatt fuq it-traffiku f’diversi żoni inkluż dik indikata fid-domanda 10287.

Ix-Xemxija — Sinjali tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta ħarġitx xi permessi għal sinjali tat-traffiku inkluż zebra crossings (anke temporanji) fix-Xemxija matul din is-sena? Jekk iva, jista’ l-Ministru jqiegħed kopja ta’ dawn l-approvazzjonijiet inkluż il-pjanti relatati fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena, Transport Malta tat permess għal Reserved Parking għal LPG Truck nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħamis bejn id-9.00am u 12.00pm. In oltre, matul din is-sena, Transport Malta awtorizzat sinjali tat-traffiku inkluż ‘zebra crossings’ (anke temporanji) fix-Xemxija skont it-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12523.

Ir-Rabat — Triq George Borg Olivier - Preżenza ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta jew LESA

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12010 dwar il-preżenza ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta jew LESA fi Triq George Borg Olivier, fir-Rabat, biex jiġi aċċertat li inġenji goffi (heavy vehicles) ma jgħaddux minnha minħabba li dan qed joħloq konġestjoni tat-traffiku ta’ kuljum u huwa kontra l-liġi skont it-tabelli mwaħħla, jista' l-Ministru jgħid meta se tittieħed azzjoni wara li ilna nistennew u nirċievu l-istess risposta għal din l-aħħar sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara t-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10210, jien infurmat li uffiċċjali tal-enforcement ta’ Transport Malta diġà attendew fuq il-post u ser ikomplu jmorru jinforzaw f’dawn l-inħawi sabiex jiżguraw li l-obbligi tat-traffiku jiġu osservati.

San Ġwann — Triq il-Mensija - zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid inħariġx permess minn Transport Malta (TM) biex issir zebra crossing fi Triq il-Mensija, San Ġwann, u jekk iva, jagħti d-data meta nħareġ il-permess? Jekk ma kien hemm l-ebda permess, jista’ jgħid jekk kienx hemm talba għal dan?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta, fuq talba tal-Kunsill Lokali ta' San Ġwann, awtorizzat zebra cross fit-triq imsemmija f’Jannar 2020 fi żmien meta Infrastructure Malta kienet għaddejja b’xogħlijiet ta’ bini tat-triq mill-ġdid. Infurmat li x-xogħlijiet kienu fi stadju avvanzat ħafna biex jinbidel id-disinn. Tajt direzzjoni biex Transport Malta tiddiskuti mal-Kunsill Lokali il-pass li jmiss.

L-Imtarfa — Triq Tabija - Miżuri ta’ Traffic calming

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12000, jista' l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet u disinni tax-xogħlijiet li ħa jsiru bħala miżuri ta’ traffic calming fi Triq Tabija, kantuniera ma’ Triq il-Maltin Internati u Eżiljati, fl-Imtarfa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanijiet u disinni tax-xogħlijiet li qegħdin isiru bħala miżuri ta’ ‘traffic calming’ ġo u fil-madwar ta’ Triq Tabija.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Impjegati li għandhom permess li jipparkjaw il-Belt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati li għandhom permess li jipparkjaw il-karozza privata tagħhom il-Belt u jekk humiex eżentati mis-CVA?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru tiegħi hemm żewġ persuni li għandhom permess li jipparkjaw il-karozza privata tagħhom il-Belt, u huma eżentati mis-CVA, b'permess mill-kunsill lokali.

Ħaż-Żabbar/Fgura — Triq il-Kunsill tal-Ewropa - Xogħlijiet

Question

B’referenza għal mistoqsijiet parlamentari preċedenti jista’ l-Ministru jgħid għala x-xogħlijiet fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa, bejn Ħaż-Żabbar u l-Fgura, għadhom mhux lesti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet maġġuri fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa, bejn Ħaż-Żabbar u l-Fgura, huma lesti. Jonqos biss li jitlestew xogħlijiet ta’ landscaping. Il-proġett mistenni jkun komplut fil-bidu ta’ Novembru.

Il-Fgura — Triq Kottoner - Tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Kottoner, fil-Fgura, hix ser tiġi msewwija jew miġjuba lura għal waħda tajba?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għandha xogħlijiet ippjanati fi Triq il-Kottoner, fil-Fgura, li mistennija jibdew aktar tard din is-sena. L-Aġenzija bdiet il-preparamenti tagħha billi saret il-koordinazzjoni mal-entitajiet ikkonċernati u saru wkoll laqgħat mal-Kunsill.