Legislature:
Category:
Reset
Active:

siġar li jinqalgħu minn postijiet pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta jinqalgħu s-siġar f’postijiet pubbliċi min qed jiżgura li fejn ma jsirx replanting, l-injam qed jintuża għal ħruq biss?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Siġar kollha taħt ir-responsabilità tal-Malta Embellishment and Landscaping Project (Arterial roads u ġonna pubbliċi taħt ir-responsabbiltà tal-gvern ċentrali) li jinqalgħu mill-kuntratur tagħna, ELC, jittieħdu fil-mixtla tagħhom fejn jiġu pproċesati f’fire wood, jew shredded biex jiġi użat bħala mulch. Ta’ min jinnota li fejn ikun hemm kuntratturi li jaġixxu f’ isem Kunsill Lokali, l-MELP m’ għandhiex informazzjoni x’ jiġri.

siġar miżrugħin

Question

Billi dan l-aħħar il-gvern qal li nżergħu madwar 115,000 siġra, jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom għadhom ħajjin illum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fin-normalità r-rata ta’ success ta’ tħawwil tas-siġar ġodda hija ta’ bejn 80 u 90 fil-mija. Jien infurmat li dawk is-siġar li jew minħabba vandalizmu, jew kundizzjonijiet ta’ temp/riħ, jew xi raġuni oħra ma jirnexxux, jerġghu jiġu mħawwla siġar oħra minflokhom.

Għawdex — siġar miżrugħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mid-93,500 siġra, shrubs u pjanti miżrugħa ġewwa Għawdex skont dikjarazzjoni tal-gvern huma attwalment indiġeni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq il-Mistoqsija lill-Onorevoli Ministru għal Għawdex.

Għoti ta' għajnuna lill-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36603 u jgħid jekk il-gvern hux se jagħti għajnuna lil bdiewa li ġarrbu ħsarat kbar fil-maltempata li laqtet lill-pajjiżna ftit tal-ġimgħat ilu? Jekk fl-affermattiv, inħarġet is-sejħa għall-għoti ta' għajnuna u jekk iva, kemm daħlu talbiet s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li wieħed irid jżomm quddiem għajnejh li l-ħsarat minn maltempati jolqtu setturi diversi tal-ekonomija u mhux biss is-settur agrikolu jew tas-sajd. Filwaqt li setturi oħra jieħdu ħsieb li jkopru lilhom infushom kontra dawn ir-riskji, is-setturi tal-biedja u tas-sajd sa llum għad ma humiex koperti. Dan ma jeskludix il-fatt li f’każ ta’ kalamità l-Gvern mhux se jżomm milli jestendi l-għajnuna immedjata tiegħu fejn anki jeżistu parametri fuq livell Ewropew meta din titqies bħala kalamità ta’ ċertu daqs u li anki jikkwalifikaw għal għajnuna mill-Unjoni. Imma għalkemm nistgħu ngħidu li għall-grazzja t’Alla s’issa ma ntlaqtniex minn disgrazzja simili, il-gvern qiegħed jaħdem biex jkun hemm skema biex partikolarment tgħin lill-dawn iż-żewg setturi partikolari kontra riskji anki ta’ ħsarat mhux daqshekk kbar. Nisperaw li x-xogħol li qiegħed isir jkun konkluż u jagħti l-frott fl-iqsar żmien possibbli ħalli jkun hemm mekkaniżmu meħtieġ biex tingħata l-għajnuna meta jkun hemm ħsarat bħal f’dan il-każ imsemmi.

Biċċerija tal-Marsa — inċineratur bil-ħsara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba l-inċineratur tal-biċċerija fil-Marsa kien sospiż kawża ta' ħsarat matul l-2011 u din is-sena? Kemm kienet tiswa f'ċifra ta' flus globali l-manutenzjoni li saret matul l-2011 u s'issa din is-sena separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2011 kien hemm biss total ta’ sitt waqfiet kawża ta’ ħsarat minuri u li b’kollox ikkagunaw għaxart ijiem li l-inċineratur ma setax ikun operat ħtija tal-istess ħsarat. Fid-dawl tal-limiti tal-parametri stretti ta’ operat li huma permessi mir-regolatur, biex ikun żgurat li l-inċineratur jibqa jopera f’dawn il-parametri, huwa meħtieġ li l-inċineratur jitwaqqaf regolarment sabiex issirlu bir-reqqa l-manutenzjoni bir-reqqa meħtiega. L-ispiza ta’ manutenzjoni globali għas-sena 2011 kienet ta’ €311,153.97 filwaqt li għas-sena 2012 (minn Jannar sa Awwissu) kienet ta’ €220,690.72.

managers fuq special leave

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fi grad ta' manager fis-sezzjonijiet tad-dipartimenti li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, li jinsabu fuq special leave għal perjodu ta' sena jew aktar? Jista’ jgħid fl-liema sezzjonijiet jinsabu dawn il-persuni u jekk il-kariga taghhom hux se timtela’ minn persuna oħra bl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Fid-Dipartimenti fi ħdan dan il-Ministeru kien hemm persuna waħda fil-grad ta’ Manager fis-sezzjoni tal-Animal Welfare li ħadet Career Break ta’ sena. Il-kuntratt ta’ din il-persuna għadu ma ġiex imġedded meta għalaq.

European Maritime and Fisheries Fund — vot ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li għaliha Malta vvotat kontra l-ftehim milħuq fl-24 ta’ Ottubru 2012 dwar il-European Maritime and Fisheries Fund għas-snin 2014 – 2020? X’se jkunu l-konsegwenzi għall-politika tas-sajd Maltija bl-addozzjoni ta’ dan il-ftehim bħala principled agreement?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni numru 2331 u li ġġib id-data tal-24 ta’ Ottubru 2012. Ninformah li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-istqarrija.

Art assenjata għall-Carers for Stray & Abondoned Felines

Question

Wara li d-Dipartiment tal-Artijiet assenja żona magħrufa bħala ċ-ċimterju fl-inħawi ta' Bormla lill-Carers for Stray & Abandoned Felines, u peress li din hija għaqda ta' voluntiera li m’għandhomx fondi biex iwettqu l-ħidma tagħhom, jista’ l-gvern jara jekk din l-għaqda tistax tingħata assistenza ta' perit tal-gvern biex ikunu jistgħu jġibu l-permess tal-Awtorita ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħalli jnaddfu u jirranġaw iż-żona bl-għajnuna ta’ ħaddiema tal-gvern kif għandi nifhem li diġà wieħed il-Ministru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li dan il-Ministeru diġà wera d-disponibilità tiegħu li jikkunsidera talba għal għajnunu lill-għaqda Carers for Stray & Abandoned Felines. Filwaqt li ninformah li l-Ministeru diġa wera d-disponibilità li jewalwa talba għal assistenza li tista’ ssirlu.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — serqiet rapportati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36100 u jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet ġew rapportati lill-Pulizija li saru fil-Ministeru, dipartimenti, inkluż d-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu imsemmi, kien hemm sitt każijiet rapportati lill-Pulizija mid-Dipartimenti, dikasteri u entitajiet taħt ir-responsabilità ta’ dan il-Ministeru.

Impjant Sant' Antnin — skart organiku trattat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' skart organiku li qiegħed jiġi trattat fl-impjant ta' Sant' Antnin meta mqabbel mat-total ta' skart prodott f'Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi l-WasteServ mhix l-unika entità li tircievi l-iskart li jigi ġġenerat f’Malta peress li hemm ukoll faċilitajiet privati li huma involuti f’dan it-tip ta’ operat. Ghalhekk nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u Ippjanar li hija responsabbli fuq livell nazzjonali. Il-Wasteserv tista tiprovdi l-volum ta’ skart organiku li jidħol għandha biss.

Paying Agency — technical support officers impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni sabiex jagħtu s-servizz ta' techincal support officers fi ħdan il-Paying Agency matul is-sena? Kif intagħżlu dawn il-persuni u f'liema lokalità joqogħdu? Kemm tħallas kull wieħed minnhom s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33604, ninformah li matul din is-sena kien hemm sittax-il uffiċjal li jkunu imsejħa jagħtu is-servizz tagħhom skont il-ħtieġa bħala Techincal Support Officers fi ħdan il-Paying Agency. Għaldaqstant il-ħlas jkun determinat minn-numru ta’ siegħat li kull wieħed minnhom jaħdem skont il-ħtieġa servizz u d-disponabbilità tal-individwu meta dan jissejjaħ. L-għażla ta’ dawn it-Technical Support Officers saret permezz ta’ intervistati min board ta’ għazla u ġew eżaminati skond kriterji li jintużaw fis-sistema tas-servizz publiku wara sejħa pubblika għal applikazzjonijiet. Il-kriterji li intżaw għall-għażla kienu skont kriterji użati fis-sistema tas-servizz publiku u kienu jinkludu tagħrif relatat, esperjenza relevanti, abiltajiet, kwalifiki u kwalitajiet personali. Ninsab infurmat li dawn it-Technical Support Officers gejjin kif ġej: tnejn miż-Żebbug Malta, tnejn mill-Mosta, u wieħed minn kull lokalità ta’ Għargħur, Gudja, Luqa, Marsaxlokk, Pieta', Qawra, Qormi, San Ġwann, Santa Luċija, Siġġiewi, Victoria, Żabbar. Globalment dawn s’issa tħallsu €77,623.50 bejniethom.

Observers onboard on towing vessels impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni sabiex jagħtu s-servizz ta' observer onboard on towing vessel matul din is-sena? Kif intagħżlu dawn il-persuni u f'liema lokalità joqogħdu? Kemm tħallas kull wieħed minnhom s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 36938 u 33604, ninfurmah li kienu ngaġġati tlettax-il (13) osservatur permezz ta’ Sejħa għal Servizz ta’ Observers on Board li ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern. Ninsab infurmat li dawn l- Observers gejjin mill-Lokalitajiet kif ġej: ħamsa minn Marsaxlokk, u wieħed minn kull lokalità tal-Gzira, Ħad Dinġli, Mosta, San Ġiljan, San Pawl u Żejtun. Globalment dawn s’issa tħallsu €56,100 bejniethom. Il-ħlas jkun determinat minn-numru ta’ siegħat li kull wieħed minnhom jaħdem skont il-ħtieġa servizz u d-disponabbilità tal-individwu meta dan jissejjaħ.

Biċċerija tal-Marsa — Biċċiera impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni sabiex jagħtu s-servizz ta' biċċiera fil-Biċċerija tal-Marsa matul din is-sena? Kif intagħżlu dawn il-persuni u f'liema lokalità joqogħdu? Kemm tħallas kull wieħed minnhom s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena ġew ingaġġati ħdax-il (11) biċċiera wara sejħa pubblika għal applikazzjonijiet, maħruġa mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Dawn tpoġġew fuq il-minimu ta’ skala 16 b’rata ta’ €11,059 fis-sena konformi mal-klassifikazzjoni prelevanti fis-Servizz Governattiv. Ninsab infurmat li dawn gejjin mill-lokalitajiet kif ġej: tlieta mix-Xewkija, tnejn mill-lokalitajiet tal-Munxar u tas-Sannat, u wieħed minn kull lokalità ta’ Kerċem, Rabat (Għawdex), Siġġiewi u Żebbuġ (Malta).

passi biex jitneħħew is-siġar tal-acacia

Question

Rigward il-problemi tal-ażma kkawżati mill-acacia, billi huwa mifhum li San Ġwann huwa wieħed mill-aktar lokalitajiet miżgħud b’dawn it-tip ta' siġar, jista' l-Ministru jgħid jekk qatt sarx xi studju f’dan il-lokal u lokalitajiet oħrajn fejn hemm ħafna minn dawn is-siġar, sabiex jiġi stabbilit jekk għandhomx jittieħdu xi passi dwar dan kif wkoll dwar l-impatt kollettiv fuq is-saħħa taċ-ċittadini jekk jirriżulta dan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li qatt ma sar dan l-istudju minn dan il-Ministeru fuq is-siġar tal-acacia li tħawlu f'pajjiżna l-aktar fis-snin sebgħin u l-bidu tas-snin tmenien. Fejn hu possibli jsir tħawwil ta’ siġar oħra b’mod gradwali ħalli siġar li hemm ma jiġux distrutti kollha f’daqqa. Tajjeb wieħed isemmi li siġar mħawla mill-MRRA huma siġar indiġeni Maltin. Ta’ min isemmi ukoll li f’San Ġwann il-Ministeru għamel masġar bi 300 siġra taż-żebbuġ.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — xiri ta' shredders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw shredders mill-Ministeru matul is-snin 2011 u 2012?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Importazzjoni tas-siġar mill-swieq barranin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentement in-numru ta' persuni li huma awtorizzati li jdaħħlu fis-suq Malti siġar li ġejjin, kemm mis-suq intern tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll minn barra dan is-suq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li preżentement in-numru ta’ persuni li huma rreġistrati fir-Reġistru Uffiċċjali ta’ Malta sabiex ikunu jistgħu jiddaħħlu siġar fis-suq Malti jammonta għal madwar 304. Dan l-ammont jinkludi persuni li jġibu siġar kemm mis-suq intern tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll minn pajjiżi terzi. Ta’ min wieħed jgħid li bħalissa d-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qed jirrevedi l-applikazzjonijiet f’dan ir-reġistru sabiex jiġi stabbilit kemm minn dawn il-persuni rreġistrati huma attivi jew le .

Rabat — Kiri tal-car Park

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa tal-gvern għal kiri tal-car park fl-Għalqa ta' Kola, ġewwa r-Rabat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-Ministeru qed iħallas kera nominali ta’ 1 euro fis-sena lit Taqsima Proprjetà tal-Gvern fid-Dipartiment tal-Artijiet għall-kiri tal-car park f’ l-Għalqa ta’ Kola. Dan il-ftehim kien sar biex il-Ministeru wettaq xogħol ta’ tisbiħ u upgrading f’dan is-sit li kien mitluq għal kollox.

proġett għall-ġbir tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jqieħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji tekniċi u xjentifiċi tal-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi u mhux tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali li fihom ġie kkonfermat dak li stqarr il-Ministru fil-media li bil-proġett kontra l-għargħar li l-ilma miġbur se jiżdied bi tliet darbiet minn ftit aktar minn 200,000 metru kubu għall-700,000 metru kubu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ma kienx hemm ħtieġa li l-MRA tagħmel xi istudju apparti mill-istudju tekniku dettaljat u eżawjenti li kien kommissjonat mhux biss biex jipprovidi analiżi u gwidi tekniċi, imma wkoll kien jinkludi kemm Environment Impact Assessment (EIS) kif ukoll cost benefit analysis (CBA) tal-proposti għal twettiq tal-National Flood Relief Project. Dawn il-figuri msemmija ħarġu minn dan l-istudju.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri d-direct orders bejn l-ewwel ta’ Jannar 2012 u l-aħħar ta’ Settembru li għadda. Dawn id-Direct Orders ġew mogħtija wara l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti f’dan il-Ministeru u proċessati skont ir-regolamenti finanzjarji tal-Gvern.

Pavimentar tal-Belt Valletta

Question

Jista' l-Ministru jara x'miżuri jistgħu jittieħdu biex il-pavimentar ġdid li qiegħed isir il-Belt ma jibqax jiġi mtebba' biż-żejt tal-vetturi li jgħaddu minn fuqu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor Membru jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabli mit-Trasport.