Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Tarxien - Triq l-Isqajjaq - Zebra Crossing

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31141, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu dwar iż-zebra crossing li hemm fi Triq l-Isqajjaq, f’Ħal Tarxien?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħal Tarxien li, wara diskussjonijiet u bil-kooperazzjoni ta’ resident li aċċetta li l-cables tad-dawl jgħaddu mal-faċċata tiegħu, issa ser ikun jista’ jsir id-dawl għaż-zebra crossing.

Ix-Xgħajra - Restawr ta’ lapida

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 32649 u 32650, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu jew ser jittieħdu fir-rigward tar-restawr tal-lapida li hemm ix-Xgħajra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ix-Xgħajra, li ġie maqbul li tiġi ordnata plakka tal-irħam ġdida biex tieħu post dik eżistenti li hemm fil-ġnien bejn l-aħħar parti ta’ Triq Qaċċawiet u Dawret ix-Xatt.

Voti għall-gazzetti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32656 fir-rigward tar-rappreżentazzjonijiet neċessarji sabiex il-vot għall-gazzetti għal għotjiet lill-media jiżdied b’mod iktar sostanzjali, jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm u jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ġewx implimentati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali ser jidħol fi ftehim direttament mal-media houses waqt li jikkonferma li l-Ministeru ser ikun qed jonora parti mir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman.

Marsaxlokk - Villa Tas-Silġ - Proġett

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 28889, 30873 u 32652, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Villa f’Tas-Silġ, f’Marsaxlokk?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li, minn l-aħħar tweġiba relatata ma’ dan is-sit, m’hemm l-ebda aġġornament ulterjuri x’jiġi kkomunikat.  Ninsab informat ukoll li l-kundizzjoni tas-sit hija waħda stabbli.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali -Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali - Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, matul Ġunju 2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 29476.

San Pawl il-Baħar - Artijiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet għandhiex art reġistrata bħala art tal-Gvern fl-area li tifforma parti mil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tispeċifika għal liema art qed tirreferi fil-mistoqsija Parlamentari tagħha.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34145 u 34292 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.       it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.      data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.     ammont totali tal-infiq?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Bormla - Pjazza Gavino Gulija - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex ser isiru t-tiswijiet neċessarji fi Pjazza Gavino Gulija, f’Bormla?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Telephone box

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser tiġi installata mill-ġdid it-telephone box (il-ħamra) ta’ żmien l-Ingliżi li ġiet imneħħija għar-restawr fi Triq Mariano, il-Belt Valletta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li fil-Belt Valletta m’hemm l-ebda triq jisimha Triq Mariano.

Il-Furjana - Ġnien Dante - Larinġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jinġabar il-larinġ li hemm fi Ġnien Dante l-Furjana din is-sena, biex jekk dan il-larinġ huwa tal-bakkaljaw, ma jintilifx?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Il-Furjana ser ikun qed jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex dan il-larinġ jinqata’ u jsib mezzi kif jista’ jintuża għall-benefiċċju tal-komunità lokali.

Il-Birgu - Parti tal-Ponta - Tindif

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jara li t-tindif tal-parti tal-Ponta tal-Birgu jsir peress li huwa ta’ periklu għal terzi? Jista’ wkoll jara li tingħata l-attenzjoni neċessarja?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant jipprovdi iktar informazzjoni dwar liema parti tal-Birgu qed jirreferi għaliha.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali - Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali - Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, matul Lulju 2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 30147.

Segretarjat għall-Gvern Lokali – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34161 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.      it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.     data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.    ammont totali tal-infiq?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali - Proġetti jew inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti jew inizjattivi tħabbru mill-Ministeru jew minn kwalunkwe aġenzija jew entità li jaqgħu taħtu, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, iżda li s’issa għadhom ma sarux? Jista’ jgħid ukoll kemm ħallas il-Gvern fuq reklamar, PR u kampanji ta’ informazzjoni għal kull wieħed minn dawn il-proġetti li qatt ma twettqu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari NRU 34588.

Ix-Xgħajra – Triq San Leonardu – Tiswija ta’ ċint

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ċ-ċint fi Triq San Leonardu fix-Xgħajra (quddiem il-klabb tal-boċċi) jitranġa, peress li waqa’ kompletament u huwa ta’ periklu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar li ċ-ċint fi Triq San Leonardu, li qed issir referenza għalih, jifforma parti minn għalqa privata; għaldaqstant, il-Kunsill mhuwiex f’pożizzjoni li jwettaq xogħol ta’ manutenzjoni fuqu. Minkejja dan, il-każ ġie riferut lill-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar sabiex jittieħdu l-passi meħtieġa.

Ix-Xatt ta’ Wied il-Għajn - Ħsarat ikkawżati bil-maltemp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsarat ġew verifikati fix-Xatt ta’ Wied il-Għajn wara l-aħħar maltempata?  Jista’ jgħid ukoll x’passi diġà ttieħdu u x’passi ser jittieħdu f’dan ir-rigward?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Wied il-Għajn li x-xogħlijiet kollha tad-dawra tax-xatt, mit-Torri ta’ San Tumas sal-knisja u dik taż-Żonqor, huma responsabbiltà ċentrali. Il-Kunsill, però, ser jagħmel użu mis-servizz ta’ surveyor li ser jiġi pprovdut mir-Reġjun sabiex jikkwantifika l-ħsarat tar-railing li nqala',  tat-triq u tal-bankina. Ir-rapport ser jiġi riferut lil Infrastructure Malta bil-possibbiltà li x-xogħol ta’ riġenerazzjoni jiġi estiż f’din il-parti wkoll.