Legislature:
Category:
Reset
Active:

Droga Maqbuda

Question

B’referenza għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 7961 u 7169 jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ qabdiet ta’ droga li għamlet il-Pulizija jew xi Forza tal-Ordni fl-2017, l-2018 u sal-lum fl-2019, u għal kull qabda jagħti l-informazzjoni mitluba b’mod aggregat: a. ta’ meta saret; b. f’liema lokalità saret; u c. fiex kienet tikkonsisti d-droga u f’liema kwantità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li lista sħiħa ta’ qabdiet ta’ droga li għamlet il-Pulizija li tinkludi qabdiet li ġew riferuti lilha mid-Dipartiment tad-Dwana fis-snin 2017, 2018 u sa Marzu 2019, huma kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tabella tinkludi d-data ta' meta saret il-qabda kif ukoll dettalji tad-droga u l-kwantità maqbuda.

Persuni akkużati li esponew persuni dwar l-Identità tal-Ġeneru

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna ġiet akkużata li dolożament esponiet xi persuna li wżat id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess (Kap. 540 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jagħti l-età, is-sess u n-nazzjonalità tal-persuni li ġew akkużati, kemm-il persuna nstabet ħatja u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess (Kap. 540 tal-Liġijiet ta' Malta) ġie fis-seħħ fis-sena 2015. Infurmat li ebda persuna ma ġiet akkużata li dolożament esponiet xi persuna li użat id-dispożizzjonijiet tal-Att, mill-Pulizija.

Att dwar l-Identità tal-Ġeneru – persuni akkużati ta’ vjolazzjono ta’ provvedimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna ġiet akkużata li għamlet vjolazzjoni ta’ xi provvediment tal-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess (Kap. 540 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-provvidimenti tal-imsemmi Att li l-persuni ġew akkużati li ivvjolaw, l-età, is-sess u n-nazzjonalità tal-persuni li ġew akkużati, kemm-il persuna nstabet ħatja u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess (Kap. 540 tal-Liġijiet ta' Malta) ġie fis-seħħ fis-sena 2015. Infurmat li ebda persuna ma ġiet akkużata li għamlet vjolazzjoni ta’ xi provvediment tal-Att, mill-Pulizija.

Bord tal-Ilmenti dwar il-Pulizija — każ ta’ użu ta’ forza eċċessiva

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li tħejja mill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija dwar l-użu ta' forza eċċessiva li ġiet deskritta wkoll mill-Prim Ministru bħala "heavy-handed", ma' attivisti tal-Moviment Graffitti u tal-Kamp Emerġenza Ambjent waqt protesta li kienet qed issir fil-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar fil-Furjana nhar il-Ħamis 13 ta' Settembru 2018 u li ġie ppreżentat nhar il-5 ta' Frar 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f'seduta oħra.

Rabat Għawdex – Pjazza San Franġisk – fire engine

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fil-lejl tat-Tnejn 22 ta’ April 2019 kienx hemm Fire Engine wieqfa għal ammont konsiderevoli ta' ħin fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex? Jista’ jgħid għalxiex intużat u min talab is-servizz ta’ din il-Fire Engine dakinhar f'dawk il-ħinijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-fatt kien hemm fire engine fi Pjazza San Franġisk ir-Rabat Għawdex nhar it-Tnejn 22 ta’ April filgħaxija u dan peress li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet talbu lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jimlew bl-ilma 60 plastic jersey barriers biex ma jtirux bir-riħ u b’hekk ma jkunux ta’ periklu għal ħaddieħor. Tajjeb li jingħad li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili talab lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet ġewwa Għawdex biex jiġi kkumpensat tal-ilma li ntuża.

Ktieb tal-Viżitaturi Uffiċjali tal-Ħabs – osservazzjoni mniżżla

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il osservazzjoni ġiet imniżżla fil-Ktieb tal-Viżitaturi Uffiċjali mill-Viżitaturi Speċjali tal-Ħabs u ċjoè l-Ministru responsabbli għall-ħabs, il-Prim Imħallef, l-Imħallfin, il-Maġistrati u l-Avukat Ġenerali, dwar il-ħabs u l-priġunieri skont dak li jipprovdi l-artikolu 8(4) tal-Att dwar il-Ħabs (Kap. 260 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma l-Onor. Interpellant li żjarat saru biss mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali direttament responsabbli mill-Ħabs, iżda qatt ma nkitbu osservanzi.

Att dwar l-Immigrazzjoni – permess għal residenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2008 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il permess għal residenza maħruġ skont l-Att dwar l-Immigrazzjoni (Kap. 217 tal-Liġijiet ta' Malta) ġie revokat? Jista' jgħid għal kull permess li ġie revokat, x'kienu r-raġuni jew raġunijiet għar-revoka tal-permess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Uffiċjali Prinċipali tal-Immigrazzjoni – uffiċjali pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali pubbliċi li huma awtorizzati mill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni sabiex f'ismu jeżerċitaw jew jaqdu xi setgħat jew dmirijiet mogħtija lilu bis-saħħa tal-Att dwar l-Immigrazzjoni (Kap. 217 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid ukoll għal kull waħda mill-imsemmija persuni, x'setgħat jew dmirijiet ġew awtorizzati li jeżerċitaw jew jaqdu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li bis-Saħħa tal-Artikolu 3 tal-Kapitlu 217 tal-Liġijiet ta’ Malta (Att dwar l-Immigrazzjoni) kull persuna stazzjonata fis-sezzjoni tal-Ispecial Branch tal-Korp tal-Pulizija hija awtorizzata teżerċita, jew taqdi f’isem l-Uffiċċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni, kwalunkwè setgħat jew dmirijiet skont l-istess Att jew regolamenti magħmula bis-saħħa tiegħu.

Mandati ta’ Arrest Ewropew

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il mandat ta' arrest Ewropew ġie esegwit f'Malta? Jista' jgħid għal kull wieħed mill-imsemmija mandati ta' arrest Ewropew, x'kienet l-età, is-sess u n-nazzjonalità tal-persuna li kontra tagħha nħareġ il-mandat ta' arrest Ewropew? Jista' jgħid għal kull wieħed mill-imsemmija mandati ta' arrest Ewropew, liema pajjiż ħareġ il-mandat ta' arrest Ewropew u x'kien ir-reat jew ir-reati li dwaru nħareġ il-mandat ta' arrest Ewropew?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li mis-sena 2013 sal-15 ta’ April, 2019, l-ammont ta’ mandati ta' arrest Ewropew li ġie esegwit f'Malta kien ta’ tmienja u sittin (68). Dettalji oħra mitluba fil-mistoqsija tal-Onor. Interpellant jinsabu fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħruġ ta’ liċenzji tal-kaċċa u insib

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu liċenzji tal-kaċċa fl-2017 u fl-2018? Jista’ jgħid ukoll kemm inħarġu liċenzji tal-insib fl-2017 u 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

‘Ninsab infurmat illi fis-sena 2017 ġew imġedda 12,925 liċenzja tal-Pulizija għall-ġarr ta’ armi tan-nar għall-kaċċa u nħargu 224 liċenzja ġdida għall-istess skop. Fis-sena 2018 ġew imġedda 12,913 liċenzja għall-ġarr ta’ armi tan-nar għall-kaċċa, waqt li nħarġu 165 liċenzja ġdida għall-istess skop. Liċenzji tal-kaċċa jinkludu kaċċa fuq l-għasafar mill-art u mill-baħar u kaċċa għall-fniek u persuna jista’ jkollha iktar minn liċenzja waħda. Dwar liċenzji ta’ nsib dawn jaqgħu taħt ir-responsabilità tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi fi ħdan il-Ministeru responsabbli għall-Ambjent’.

Tas-Sliema – Tower Road u Tignè — serq

Question

Kemm saru serqiet fiż-żona ta’ Tigne u Triq it-Torri f’Tas-Sliema minn Jannar 2019 sal-lum? Jista’ jgħid kemm inqabdu ħallelin b’konnessjoni ma’ dawn is-serqiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

‘Ninsab infurmat illi kien hemm wieħed u tletin (31) rapport ta’ serq fiż-żona ta’ Tignè u Triq it-Torri f’Tas-Sliema minn Jannar sal-aħħar ta’ April 2019. Dawn jinkludu kull tip ta’ serq inkluż ‘pickpocketing’, minn karozzi, bars, lukandi, żoni pubbliċi, residenzi eċċetra. Tliet persuni nstabu li kienu responsabbli għal tlieta minn dawn is-serqiet.’

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – sejba ta’ arma tan-nar f’vettura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-arma tan-nar li nstabet f’vettura fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin din is-sena? Jista’ jgħid għaliex ma saritx inkjesta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk malli nstabet l-arma tan-nar issejħu l-pulizija mill-għassa ta’ Raħal Ġdid biex jinvestigaw.

Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija – każ pendenti dwar użu eċċessiv ta’ forza

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-każ li jinsab pendenti quddiem il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija dwar l-użu ta' forza eċċessiva li ġiet deskritta wkoll mill-Prim Ministru bħala "heavy-handed", ma' attivisti tal-Moviment Graffitti u tal-Kamp Emerġenza Ambjent waqt protesta li kienet qed issir fil-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar fil-Furjana nhar il-Ħamis 13 ta' Settembru 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija lesta u ppreżenta r-rapport tiegħu skont il-liġi, fil-5 ta’ Frar 2019.

Att dwar l-Immigrazzjoni – applikazzjoni għal residenza f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2008 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il applikazzjoni ġiet ippreżentata sabiex jinħareġ permess għal residenza skont l-Att dwar l-Immigrazzjoni (Kap. 217 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew aċċettati, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti? Jista' jgħid kemm mill-imsemmija applikazzjonijiet saru biex il-persuna tirtira f'Malta, kemm biex il-persuna tistabbilixxi ruħha f'Malta u kemm biex il-persuna toqgħod f'Malta għal żmien indefinit?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Tas-Sliema – rapporti ta’ proprjetà maħruqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm ġew irrapurtati każijiet ta' ħruq f'proprjetà pubblika u privata fil-lokalità ta' Tas-Sliema, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid f'liema toroq jew żoni f'Tas-Sliema seħħew l-imsemmija każijiet ta' ħruq, xi ħsara saret, jekk kienx hemm persuni li weġġgħu jew li tilfu ħajjithom u jgħid ukoll jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li mis-sistema elettronika tal-Pulizija, in-numru ta’ każijiet ta’ ħruq fi proprjetà pubblika u privata rrapurtati fil-lokalità ta’ Tas-Sliema, mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Marzu 2019, kien ta’ 5, kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma jirriżultax li kien hemm persuni li weġġgħu jew tilfu ħajjithom f’dawn il-każijiet. Fuq każ wieħed kien hemm persuna li tressqet il-Qorti. Ta’ min jinnota li l-każijiet ta’ ħruq fi proprjetà pubblika u privata fl-istess lokalità għall-perjodu 2008 – 2012 kien ta’ 9.

San Ġiljan – rapporti ta’ proprjetà maħruqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm ġew irrapurtati każijiet ta' ħruq f'proprjetà pubblika u privata fil-lokalità ta' San Ġiljan, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid f'liema toroq jew żoni f'San Ġiljan seħħew l-imsemmija każijiet ta' ħruq, xi ħsara saret, jekk kienx hemm persuni li weġġgħu jew li tilfu ħajjithom u jgħid ukoll jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li skont is-sistema elettronika tal-Pulizija, in-numru ta’ każijiet ta’ ħruq fi proprjetà pubbilika u privata fil-lokalità ta’ San Ġiljan, irrapurtati mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Marzu 2019, kien ta’ 11, kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma jirriżultax li kien hemm persuni li weġġgħu jew tilfu ħajjithom f’dawn il-każijiet. Waqt li l-investigazzjonijiet ikomplu ma kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet. Ta’ min jinnota li l-każijiet ta’ ħruq fi proprjetà pubblika jew privata fl-istess lokalità għall-perjodu 2008 – 2012 kien ta’ 8.

Il-Gżira – rapporti ta’ proprjetà maħruqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm ġew irrapurtati każijiet ta' ħruq f'proprjetà pubblika u privata fil-lokalità tal-Gżira, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid f'liema toroq jew żoni fil-Gżira seħħew l-imsemmija każijiet ta' ħruq, xi ħsara saret, jekk kienx hemm persuni li weġġgħu jew li tilfu ħajjithom u jgħid ukoll jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li skont is-sistema elettonika tal-Pulizija, in-numru ta’ każijiet ta' ħruq fi proprjetà pubblika u privata rrapurtati fil-lokalità tal-Gżira, mis-sena 2013 sa l-aħħar ta’ Marzu 2019 kien ta’ 9, kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma jirriżultax li kien hemm persuni li weġġgħu jew tilfu ħajjithom f’dawn il-każijiet u żewġ persuni ġew imressqa l-Qorti b’konnessjoni ma’ tnejn minn dawn l-inċidenti, wieħed għal kull każ. Ta’ min jinnota li l-każijiet ta’ ħruq fi proprjetà pubblika jew privata fl-istess lokalità għall-perjodu 2008 – 2012 kien ta’ 20.

Pembroke – rapporti ta’ proprjetà maħruqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm ġew irrapurtati każijiet ta' ħruq f'proprjetà pubblika u privata fil-lokalità ta' Pembroke, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid f'liema toroq jew żoni f'Pembroke seħħew l-imsemmija każijiet ta' ħruq, xi ħsara saret, jekk kienx hemm persuni li weġġgħu jew li tilfu ħajjithom u jgħid ukoll jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li skont is-sistema elettronika tal-Pulizija, in-numru ta’ każijiet ta’ ħruq fi proprjetà pubbilika u privata rrapurtati fil-lokalità ta’ Pembroke, mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Marzu 2019 kien ta’ 5, kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma jirriżultax li kien hemm persuni li weġġgħu jew tilfu ħajjithom f’dawn il-każijiet. Waqt li l-investigazzjonijiet ikomplu, ma kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet. Ta’ min jinnota li l-każijiet ta’ ħruq fi proprjetà pubblika u privata fl-istess lokalità għall-perjodu 2008 – 2012, kien ta’ 3.

Baħar iċ-Ċagħaq (limiti tan-Naxxar) – rapporti ta’ proprjetà maħruqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm ġew irrapurtati każijiet ta' ħruq f'proprjetà pubblika u privata f'Baħar iċ-Ċagħaq fil-limiti tan-Naxxar , sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid f'liema toroq jew żoni f'Baħar iċ-Ċagħaq seħħew l-imsemmija każijiet ta' ħruq, xi ħsara saret, jekk kienx hemm persuni li weġġgħu jew li tilfu ħajjithom u jgħid ukoll jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li skont is-sistema elettronika tal-Pulizija, ir-rapporti ta’ każijiet ta’ ħruq fi proprjetà pubblika u privata fil-lokalità ta’ Baħar iċ-Ċagħaq (limiti tan-Naxxar), mis-sena 2013 sa l-aħħar ta’ Marzu 2019, kien ta’ 6, kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma jirriżultax li kien hemm persuni li weġġgħu jew tilfu ħajjithom f’dawn l-inċidenti u waqt li l-investigazzjonjiet ikomplu, ma kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta mal-istess każijiet. Ta’ min jinnota li għall-perjodu 2008 – 2012, l-istatistika għal-Baħar iċ-Ċagħaq kienet inkluża ma’ dik tan-Naxxar, fejn b’kollox kien hemm 27 każ ta’ ħruq fi proprjetà pubblika u privata.

Drittijiet u Dmirjiiet tal-priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-Drittijiet u Dmirijiet tal-priġunieri li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-drittijiet u dmirijiet tal-priġunier huma kollha elenkati fil-Kap 260.03 (Liġijiet ta’ Malta).