Riċerka fost persuni b’diżabilità u l-ġenituri tagħhom
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk qattx saret riċerka fost persuni b'diżabilità u l-ġenituri tagħhom, u jekk iva, tista' titpoġġa kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-riċerka mitluba li hija magħrufa tikkonsisti kważi kompletament minn teżijiet li saru bħala parti minn korsijiet offruti mill-Università ta’ Malta u universtajiet oħra. Qiegħda npoġġi rapport dwar dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — impjegati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna hija impjegata fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha f’kull skala tas-salarju provdut fil-gradi ta’ salarji għas-servizz pubbliku u tgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19253
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — persuni maħtura bħala membru ta’ bord jew entità
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna hija maħtura mill-Ministeru bħala membru ta’ bord jew entità oħra li taqa’ taħt id-dekasteru tagħha, liema huma dawn il-ħatriet, kemm minnhom huma nisa jew irġiel u tindika l-kariga li għaliha ġew maħtura?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ħaddiema li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità – vaċċin kontra l-COVID-19
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19484 u tgħid hux kull ħaddiem li jaħdem ma’ persuni b'diżabilità, ingħatax il-vaċċin kontra l-COVID-19?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 557 ħaddiem li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità fi djar li huma liċenzjati mill-Awtorita’ ta’ Standards ta' Ħarsien Soċjali, li setgħu jieħdu l-vaċċin u li taw il-kunsens tagħhom, ingħataw l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19, bl-għan li t-tieni doża tkun ngħatat sad-19 ta’ Marzu 2021.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — talbiet skont il-Freedom of Information Act
Question
Tista' l-Ministru tgħid, sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm talbiet skont il-Freedom of Information Act? Kemm minnhom ġew rifjutati?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda talba minn mindu twaqqaf dan il-portafoll. Ninsab infurmat ukoll li l-ebda talba għall-informazzjoni ma tiġi rrifjutata. Kull talba titwieġeb skont kif tgħid il-Liġi li ddaħħlet fis-seħħ fis-sena 2012.
Tista' l-Ministru tgħid jekk Malta għandhiex National Disability Strategy u jekk din hux qed tiġi implimentata?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li Malta għandha Politika Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta' Persuna b'Diżabilità li ġiet imnedija fl-2014, it-tfassil ta' Strateġija Nazzjonali tad-Diżabilità ġie konkluz, u din sejra titressaq quddiem il-Kabinett tal-Ministri fil-ġimgħat li ġejjin.
Taħriġ lill-ġenituri, qraba u carers ta’ tfal b’diżabilità severa
Question
Tista' l-Ministru tispjega lill-Parlament x'taħriġ jagħti l-Gvern lill-ġenituri, qraba u carers ta' tfal b'diżabilità severa? Jekk iva, tista' tispjega x'taħriġ ingħata tul din il-leġislatura u kemm attendew individwi għalih? Tista' tispjega wkoll f'liema istituzzjoni sar dan it-taħriġ?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Aġenzija Sapport tinvesti ħafna riżorsi f’taħriġ speċjalizzat b’mod regolari għal dawk l-impjegati (carers u professjonisti) li jaħdmu b’mod dirett mal-persuni b’diżabilita’ li jgħamlu użu mis-servizzi tal-Aġenzija, inkluż tfal b’diżabilità. Taħriġ provdut min Jannar 2017 sa Diċembru 2020 lil dawn l-impjegati hu spjegat fil-lista li se titpoġġa fuq il-Mejda l-Kamra.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — tender/direct order lill-kumpanija
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18215, tista' l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha jew xi entità li taqa' taħtha tawx tender jew direct order lil kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 sissa? Jekk iva, tista' tagħti l-informazzjoni sena b’sena?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja kif ukoll l-entitajiet li jaqgħu taħtu, ma tawx tenders jew direct orders lill-kumpanija imsemmija.
Ministeru għall-Inklużhoni u l-Kwalità tal-Ħajja — entitajiet li għandhom ftehim kollettiv skadut
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li għandhom bħalissa ftehim kollettiv li skada? Tista’ għal kull każ tgħid meta skada?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-uniku ftehim kollettiv skadut mill-entitajiet fid-dekasteru tiegħi huwa ta’ SportsMalta. Dan skada f’Diċembru 2020 iżda bħalissa jinsabu għadejjin diskussjonijiet ma’ l-Union għall-ftehim kollettiv ġdid.
Inżid li hi l-prassi li kull fejn ikun hemm ftehim kollettiv skadut, in-negozjati għal ftehim ġdid jesiġu li dan jibda jgħodd proprju minn meta jieqaf ta’ qablu.
Tista’ l-Ministru responsabbli mill-Persuni b'Diżabilità tgħid f'liema proċess wasal il-Vulnerable Adult Protection Act?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-abbozzi mehtiega f’dan ir-rigward jinsabu fi stadju avvanzat, u se jitressqu ghall-konsultazzjoni pubblika wara li jigu approvati mill-Kabinett. Eventwalment, l-abbozzi jkunu jistghu jitressqu ghad-diskussjoni fil-Parlament.
United Nations Convention for the Rights of Persons with Disability Act
Question
Tista’ l-Ministru responsabbli għal Persuni b'Diżabilità tgħid fiex wasal il-proċess tal-‘United Nations Convention for the Rights of Persons with Disability Act’?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi l-abbozzi mehtiega f’dan ir-rigward tlestew, u se jitressqu ghall-konsultazzjoni pubblika wara li jigu approvati mill-Kabinett. Eventwalment, l-abbozzi jkunu jistghu jitressqu ghad-diskussjoni fil-Parlament.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — konsulenti maħtura
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tagħha mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Tista’ tgħid ukoll x'tip ta' servizzi, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s’issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tliet skemi t’għajnuna varati mill-Gvern biex minnhom jibbenefikaw l-għaqdiet volontarji u d-diversi fażijiet ta’ kull skema, tista’ l-Ministru tispjega lill-Parlament dan li ġej:
1) Liema għaqdiet ibbenefikaw u kemm kien l-ammont f'għajnuna li kull waħda rċeviet?;
2) Taħt liema skema bbenefikat kull għaqda u f'liema fażi ta' kull skema? u
3) X'kienu l-kriterji tal-għażla?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-iskemi t’għajnuna varati mill-Gvern biex minnhom jibbenefikaw l-għaqdiet volontarji fl-2020 kienu tnejn, il-‘Voluntary Organisations Emergency Fund’ u l-‘Operational Assistance Scheme’ li kien fiha żewġ fażijiet.
L-informazzjoni meħtieġ qiegħed jitpoġġa fuq l-mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex persuni b’diżabilità mit-twelid iridu jgħaddu bord kull darba li japplikaw għal xi dritt u l-familja tkun trid tagħmel ċertifikat ġdid kull darba?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux kull kundizzjoni li timmanifesta ruħha mat-twelid, jew qabel, hija l-istess. Jeżistu kundizzjonijiet li l-effetti tagħhom ma jinbidlux, oħrajn li l-effetti negattivi tagħhom jistgħu jiġu mmitigati permezz tat-terapiji u oħrajn li huma minnhom infushom deġenerattivi. L-istess, mhux kull ħaġa li wieħed japplika għaliha hi l-istess.Għaldaqstant, tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun aktar ċar dwar x’qed isaqsi eżattament.
Li nista’ nikkonferma hu illi dan il-gvern wiret ħafna proċessi nġusti minn amministrazzjonijiet preċedenti u li biddilhom u għadu għaddej bit-tibdiliet meħtieġa sabiex itaffi l-piżijiet minn fuq il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.
Aktar bidliet mistennija jitħabbru fil-jiem li ġej.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26154 tat-tnax-il leġislatura, tista’ l-Ministru tindika fil-preżent kemm hemm persuni reġistrati mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (KNPD) fil-lokalità ta’ Marsaskala?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont Artikolu 31 tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, l-istatistika relatata mal-persuni b’diżabilità għandha tinġabar b’mod li tippreserva d-dritt ta’ privatezza tal-persuni b’diżabilità u għandha tintuża biex tiġi assessjajta l-implimentazzjoni tal-istess Konvenzjoni.
Dan l-irwol huwa esklussiv għall-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità ai termini ta’ Artikolu 22(1)(s) tal-Att Dwar Opportunitajiet Indaqs għal Persuni b’Diżabilità hekk kif mitlub minn Artikolu 33 tal-Konvenzjoni surreferita.