Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għaqdiet tal-konsumatur

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fil-preżent kemm hawn għaqdiet tal-konsumaturi reġistrati skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378? F’kull istanza, tista’ l-Ministru tgħid jekk ġietx mogħtija xi forma ta’ għajnuna u jekk iva, fiex kienet tikkonsisti, mill-2017 s’issa, maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid jekk sarux xi talbiet minn għaqdiet ta’ din ix-xorta għal intervent regolatorju da parti ta’ xi direttorat fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u jekk iva, tista’ tagħti d-dettalji? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm xi forma ta’ għajnuna biex jiġu impjegati professjonisti biex jassistu għaqdiet ta’ din ix-xorta fil-ħidma tagħhom? Jekk iva, x’kien l-eżitu?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm żewġ għaqdiet tal-konsumaturi reġistrati skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378. Fir-rigward ta’ għajnuna, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), tagħti għajnuna lil waħda mill-għaqdiet – l-Għaqda tal-Konsumaturi, fejn tipprovdi uffiċċju u l-kera fejn tiltaqa’ din l-għaqda, servizz tal-internet u linja tat-telefon mingħajr ħlas, kif ukoll il-ħlas ta’ servizzi ta’ dawl, ilma u ndafa. L-għaqda l-oħra qatt ma għamlu xi tip ta’ talbiet għall-għajnuna. Rigward jekk sarux xi talbiet minn għaqdiet għal intervent regolatorju ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Għaqda tal-Konsumaturi kienet daħħlet ilment mal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-MCCAA rigward tariffi bankarji. L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni bħalissa għaddej bil-verifiki meħtieġa. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-Għaqda tal-Konsumaturi għadha kif ingħatat uffiċjal sabiex jgħin fil-monitoraġġ tas-suq u s-sigurtà tal-konsumatur.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – Donazzjonijiet lil Fondazzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9197 tista' l-Minsitru tispeċifika jekk ingħatawx donazzjonijiet lill-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha ntbagħtu separatament mill-entitajiet li jaqgħtu taħtha fil-Leġiżlaturi preċedenti?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħi ma taw l-ebda donazzjoni lill-fondazzjoni msemmija separatament fil-leġiżlaturi preċedenti.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — persuni li għandhom mobile allowance

Question

Tista' l-Ministru tgħid fil-Ministeru mmexxi minnha, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom mobile allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9554, ninformah li hemm 9 persuni li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti jew jaħdmu mas-Segretarjat tiegħi.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Impjegati fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx impjegati mill-Ministeru tagħha li jmorru jiftħu u jaħdmu fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegati tas-segretarjat privat huma ingaġġati u jaħdmu b’rispett sħiħ u konsistenti mal-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-2012. Dawn il-linji gwida għadhom fis-seħħ u fil-preżent dawn huma aċċessibbli fil-Manual on Resourcing Policies and Procedures li jikkumplimenta l-Public Service Management Code.

One-stop-shop għall-Għaqdiet Volontarji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 8698, tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk l-uffiċini li preżentement qegħdin iservu ta' one-stop-shop sabiex jiffaċilitaw is-servizzi offruti lill-għaqdiet volontarji? Fejn jinsabu?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 8698, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċini li preżentement qegħdin iservu ta' one-stop-shop sabiex jiffaċilitaw is-servizzi offruti lill-għaqdiet volontarji huma dak tal-Belt Valletta u dak ġewwa x-Xewkija Għawdex.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – entitajiet li joperaw minn binjiet bil-kera

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li joperaw minn binjiet li huma mikrija? Tista’ tgħid ukoll liema binjiet huma, meta bdew jinkrew, kemm hi l-kirja kull sena u meta tagħlaq tali kirja?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Ħaddiema tal-Kuntrattur

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm għandha ħaddiema mal-kuntrattur fid-dekasteru tagħha, u f’liema rwoli?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru u d-dekasteru tiegħu hemm 76 ħaddiema tal-kuntrattur jaħdmu f’xogħlijiet li jvarjaw minn tindif, sigurtà, xufiera, messaġġieri, skrivani, receptionists, support workers u IT support workers.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – Donazzjonijiet lil Fondazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid, sena b'sena, mis-sena 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien il-valur finanzjarju ta’ donazzjonijiet li l-Ministeru u/jew l-entitajiet (fosthom awtoritajiet) li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, taw lill-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Tista' tispeċifika meta donazzjoni kienet waħda finanzjarja u meta kienet għoti ta' servizz b'xejn jew makkinarju eċċ. u l-valur ta' tali għotja?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din il-leġiżlatura ma sarux donazzjonijiet mill-Ministeru u/jew l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħi lill-Fondazzjoni li qed tissemma separatament.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – kuntratti ma’ influencers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru u/jew kwalunkwe awtoritajiet/aġenziji li jaqgħu taħtha għandhomx kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-istess Ministeru u/jew aġenziji lill-udjenza tagħhom fuq pjattaformi tal-media soċjali? Jekk iva, tista’ għal kull kuntratt tgħid kemm intefqu flus fi promozzjonijiet sa mill-bidu tal-ftehim?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-awtoritajiet/aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru ta’ dan il-Ministeru m’għandhomx kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-istess Ministeru u/jew aġenziji lill-udjenza tagħhom fuq pjattaformi tal-media soċjali.

Għaqdiet Volontarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għaqdiet volontarji ma baqgħux reġistrati bħala tali bejn l-1 ta' Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema kienu dawn l-għaqdiet? F'liema setturi kienu reġistrati dawn l-għaqdiet, skont l-oqsma li jaħdmu fihom? X'kienet ir-raġuni għala ma baqgħux reġistrati?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Għaqdiet Volontarji – skemi ta’ għajnuna mill-Gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern jipprovdix xi għajnuna speċifika biex l-għaqdiet volontarji jkunu jistgħu japplikaw għal skemi ta' għajnuna li joħroġ l-istess Gvern, u dan fid-dawl tal-fatt li numru ta' għaqdiet volontarji m’għandhomx persuni mħarrġa biex jimlew uħud mill-formoli li jkollhom bżonn jimtlew għal dawn l-istess għajnuniet? Jekk iva, kif jistgħu jagħmlu użu minn din l-għajnuna dawn l-istess għaqdiet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat jipprovdi għajnuna speċifika, kemm fuq livell ta’ ‘one-to-one’ kif ukoll permezz ta’ laqgħat ta’ informazzjoni kull darba li tiftaħ xi skema amministrata minnu. Ma’ dawn isiru wkoll laqgħat ta’ informazzjoni b’kollaborazzjoni mal-entitajiet diversi li joffru skemi lill-istess settur. Għaldaqstant huwa ppjanat li, matul din is-sena, ser inkunu qed niftħu aktar uffiċini li jservu ta’ ‘one stop shop’, f’aktar lokalitajiet biex inkomplu niffaċilitaw aktar servizzi offruti lil dawn l-għaqdiet volontarji. Dawn is-servizzi huma miftuħa għall-għaqdiet kollha.

Ingaġġ ta’ persuni għal servizzi ta’ fotografija

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ingaġġatx persuni full-time jew part-time, u kemm persuni ingaġġat, biex joffru servizzi ta' fotografija matul l-2022? Tista' tgħid l-ammont ta' flus li l-Ministeru nefaq fuq servizzi ta' fotografija matul l-2022?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda persuna ma ġiet ingaġġata għall-fotografija, la full-time u lanqas part-time. Tlabt biex tinġabar l-informazzjoni dwar spejjeż għal servizzi ta’ fotografija matul l-2022.

Persuni b’diżabilità li qed jibbenefikaw mis-servizz ta’ assistent personali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8378 dwar persuni b'diżabilità li qed jibbenefikaw mis-servizz ta' assistent personali, tista' l-Ministru tgħid kemm mit-328 każ jibbenefikaw mis-servizz ta' assistent personali mħallas u kemm mit-328 każ jibbenefikaw mis-servizz ta' assistent personali sussidjat mill-Independent Community Living?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni b’diżabilità/familji li jibbenefikaw mill-iskema tal-Independent Community Living jingħataw somma skont kif ikun ġie deċiż u approvat mill-Bord. Din is-somma tikkunsidra l-bżonnijiet tal-persuna/familja li min-naħa tagħha tqabbad assistent personali tal-għażla tagħha u tingħata sussidju fuq din l-ispiża skont il-każ.

Għaqdiet Volontarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew reġistrati għaqdiet volontarji ġodda bejn l-1 ta' Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema kienu dawn l-għaqdiet? F'liema setturi ġew reġistrati dawn l-għaqdiet, skont l-oqsma li jaħdmu fihom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Permessi ta’ parkeġġ riservat (kaxxa blu)

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm permessi ġodda għal post ta' parkeġġ riservat (kaxxa blu) maħruġa sena b'sena fl-aħħar għaxar snin u maqsuma lokalità b'lokalità?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Tfal b’diżabilità intellettwali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn tfal sal-età ta’ 16-il sena li huma reġistrati b’diżabilità intellettwali?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sad-data li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija kien hemm 873 persuna sal-età ta’ 16-il sena li huma reġistrati b’diżabilità intellettwali mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — impjegati ġodda

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8351, nispeċifika li l-informazzjoni li qed tintalab hija tabella li turi d-29 ħaddiem ingaġġati u indikati fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6780, u ċjoè kemm minnhom ġejjin minn kull lokalita msemmija (eż. 2 minn Birkirkara, 1 minn Birżebbuġa eċċ.)?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella hawn taħt. Lokalità Impjegati ġodda Birkirkara 2 Bormla 1 Il-Furjana 1 Il-Ħamrun 1 Ħal Għaxaq 2 Ħal Balzan 1 Ħal Qormi 1 Ħaż-Żabbar 1 L-Imtarfa 2 L-Imqabba 1 Il-Marsa 1 Il-Mellieħa 3 Il-Mosta 4 L-Imġarr 1 In-Naxxar 2 San Ġwann 1 Wied il-Għajn 4

Ilmenti – ittardjar ta’ titjiriet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux ilmenti lill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) mill-1 ta’ Jannar tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija, rigward ittardjar ta’ titjiriet, indikati skont il-linja tal-ajru? Jekk l-Awtorità rċeviet xi lmenti, kemm kienu u x’passi qed jittieħdu biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-konsumaturi kkonċernati?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, irċieva sebgħa u għoxrin (27) ilment dwar ittardjar ta’ titjiriet fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar sal-24 ta’ April 2023. Disgħa (9) minn dawn l-ilmenti ġew magħluqa bir-riżultat li l-passiġġiera ngħataw kumpens, erbgħa (4) ġew magħluqa għal raġunijiet fosthom li ġew irtirati mill-passiġġiera jew kien hemm ċirkustanzi straordinarji, filwaqt li hemm erbatax (14) li għadhom miftuħin. Dawn l-ilmenti huma mqassmin kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Carrier Jannar Frar Marzu April Air Malta 5 2 5 3 Ryanair 1 2 Lufthansa 2 Vueling 2 Wizz Air 1 1 2 1 Wara li jsir l-ilment mill-passiġġiera l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur jikkuntattja lill-linja tal-ajru fejn jitlobha tosserva l-obbligi legali tagħha lejn il-passiġġieri skont ir-Regolament tal-UE 261/2004 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru fejn jingħataw ċans sa sitt (6) ġimgħat biex jindirizzaw il-każ.

MCCAA — lifts

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm għamlet spezzjonijiet ta’ lifts l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) matul l-2022 u din is-sena? Kemm minn dawn instabu li kellhom xi nuqqas ta’ konformità mal-liġijiet dwar is-sigurtà tal-lifts?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2022 u l-ewwel kwart ta’ din is-sena, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur iffinalizzat 252 investigazzjoni dwar lifts. Dawn l-investigazzjonijiet wasslu għal 133 spezzjoni u nħarġu 132 ordni sabiex il-persuna kkonċernata tieħu azzjoni xierqa. Din l-azzjoni wasslet biex 126 lift ġew konformi, filwaqt li bħalissa għaddej xogħol fuq is-6 l-oħra sabiex jiġi vverifikat jekk l-azzjoni meħuda hix adegwata.