Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi – Ġnien Ta’ Farsina – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fi Ġnien Ta’ Farsina, f’Ħal Qormi, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2020?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li qed jassumi li l-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellanta jinsabu qrib Triq ir-Rebbiegħa u Wesgħat Renald Falzon. Il-proġett ta’ riġenerazzjoni li sar fl-2020 kien jinvolvi t-trasformazzjoni ta’ din iż-żona fi ġnien għall-użu tal-komunità. Qabel ma twettaq dan il-proġett, l-istess żona kienet tintuża primarjament bħala spazju għall-ipparkjar tat-trejlers. F’dan ir-rigward, m’hemm l-ebda reġistru ta’ xogħlijiet speċifiċi ta’ manutenzjoni li saru f’dan is-sit qabel ir-riġenerazzjoni tal-2020, peress li l-inħawi ma kinux jikkostitwixxu ġnien jew spazju pubbliku rreġistrat bħala tali qabel dan l-intervent ta’ riġenerazzjoni.

Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Użu tal-Intelliġenza Artifiċjali – Linji gwida/politika adottata

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe linji gwida jew politika adottata dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tagħha?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 726.

Karozzi elettriċi – Parkeġġi riservati għal karozzi elettriċi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1239, tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm (kwantità) parkeġġi riżervati għal karozzi elettriċi fejn dawn ikunu jistgħu jiċċarġjaw, maqsuma lokalità b’lokalità?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Kunsilli lokali – Ħaddiema bi bżonnijiet speċjali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1238 u tgħid kemm hemm kunsilli lokali li jimpjegaw persuni bi bżonnijiet speċjali u liema huma?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif miġbura mill-Kunsilli rispettivi.

Kunsilli lokali – Kampanja ta’ għarfien – Saħħa mentali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1236 u tgħid jekk bħalissa hemmx kampanja ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali attiva fi ħdan il-kunsilli lokali?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li bħalissa jinsab għaddej programm nazzjonali ta’ taħriġ b'kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u l-Ministeru għas-Saħħa. Dan huwa taħriġ rikonoxxut internazzjonalment bl-isem Mental Health First Aid li fost oqsma oħra jitratta fid-dettall l-għarfien dwar is-saħħa mentali.

Is-Siġġiewi – Żona ta’ Għar Lapsi – Ħsarat

Question

Tista’ l-Ministru tagħti dettalji dwar ix-xogħol li għaddej fiż-żona ta’ Għar Lapsi fis-Siġġiewi biex jitranġaw il-ħsarat ikkawżati mill-maltemp li kien iffaċċja pajjiżna, inkluż xi żviluppi kien hemm u t-timeline f’dan ir-rigward?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 828.

CMD - Makkinarju

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ makkinarju għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Cleansing and Maintenance Division (CMD) u fejn qed jintuża? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx xi makkinarju minn dan li hu bil-ħsara u jekk iva, liema hu?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Xogħlijiet pendenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema xogħlijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi għadhom pendenti? Tista’ wkoll tipprovdi lista tax-xogħlijiet, proġetti u funzjonijiet kollha li bħalissa għadhom amministrati jew implimentati minn dan il-Ministeru?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Il-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi kontinwament jimplimenta u jissorvelja firxa ta' xogħlijiet, proġetti u inizjattivi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tiegħu, skont il-prijoritajiet tal-Gvern, il-programm ta' ħidma approvat u d-disponibbiltà tar-riżorsi. Bħalissa għaddejjin diversi proġetti f'diversi stadji ta' ppjanar, akkwist, implimentazzjoni u tlestija. Għaldaqstant, il-kunċett ta' xogħlijiet "pendenti" huwa wieħed dinamiku, peress li proġetti ġodda jinbdew filwaqt li oħrajn jitlestew jew javvanzaw skont il-pjanijiet ta' implimentazzjoni. Il-Ministeru jibqa' responsabbli mill-funzjonijiet u l-proġetti li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu, inklużi dawk relatati mal-Gvern Lokali, Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni u max-xogħlijiet pubbliċi u jkompli jwettaq dawn ir-responsabbiltajiet permezz tad-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet kompetenti.

Ħmieġ tal-annimali – Multi

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 649 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u tgħid kemm kien hemm persuni li weħlu multi fuq ħmieġ tal-annimali, maqsuma lokalità b’lokalità?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Gżejjer ta’ San Pawl – Statwa ta’ San Pawl – Floodlight

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 557 dwar il-‘floodlights’ tal-istatwa ta’ San Pawl fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl, tista’ l-Ministru tgħid meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol meħtieġ u l-istatwa terġa’ tixgħel?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata li t-tiswijiet saru u l-istatwa qeda tiġi mdawla kull filghaxija bi sistema tal-panelli.

Knejjes u kappelli – Xogħol ta’ restawr

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema kunsilli lokali qegħdin iwettqu xogħol ta’ restawr fuq knejjes u kappelli? Tista’ tgħid ukoll, fuq liema knejjes u kappelli qed isir dan ir-restawr, għal kull kunsill u f’kull każ tgħid kif ser ikun iffinanzjat dan ir-restawr?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Marsaskala – Bajja ta’ San Tumas – Parkeġġ – Ħlas

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk huwiex intenzjonat li l-parkeġġ fil-Bajja ta’ San Tumas ġewwa Marsaskala jibqa’ mingħajr ħlas għall-pubbliku jew jekk hemmx pjan biex ikun bi ħlas?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Marsaskala – Bajja ta’ San Tumas – Parkeġġ – Ftehim/konċessjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk jeżistix xi ftehim jew konċessjoni bejn il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala u s-sid privat tal-parkeġġ fil-Bajja ta’ San Tumas ġewwa Marsaskala? Jekk iva, tista’ tqiegħed kopja tal-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li r-risposta hi fin-negattiv.

Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ – Applikazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna applikat għall-programm ta’ taħriġ tal-Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ fil-Qasam tal-Gvern Lokali li sal-ġurnata li fiha qed tingħata t-tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari, ġew riċevuti 316 -il applikazzjoni għall-programm ta’ taħriġ.

Bankini

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan konkret biex issir ħidma estensiva u jkun assigurat li l-bankini kollha ta’ Malta u Għawdex ikunu jistgħu verament jintużaw minn kulħadd, inkluż dawk li għandhom diffikultajiet ta’ mobbiltà? Jekk iva, tista’ tagħti d-dettalji ta’ dan il-pjan, inkluż il-perjodu ta’ żmien previst għall-implimentazzjoni tiegħu?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Il-Ministeru jemmen fl-awtonomija tal-Kunsilli Lokali u ser ikompli jagħtihom is-sostenn u l-għodod neċessarji biex iwettqu l-ħidma fil-lokalitajiet rispettivi skont il-prijoritajiet li jagħżlu huma. Mezz li permezz tiegħu jagħti dan is-sostenn huwa l-programm imħaddem mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet Pubbliċi li qed terġa tpoġġi għad-disponibbiltà tal-Kunsilli Lokali miljuni ta’ ewro biex ikunu investiti direttament fl-infrastruttura tal-lokalitajiet. Inżid li permezz ta’ din l-inizjattiva, fejn kunsill jindika l-ħtieġa ta’ bankina ġdida, (diment li ma toffrix sfidi ta’ materji storiċi jew arkejoloġiċi) din tinbena b’tali mod li tassigura li kull bankina jew spazju għal pubbliku jkun aċċessibli għal kulħadd inkluż għal persuni bi sfidi ta’ mobiltà.

Ħaż-Żabbar – Misraħ tal-Madonna Medjatriċi – Funtana

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx mod biex tissewwa u terġa’ tibda taħdem il-funtana f’Misraħ tal-Madonna Medjatriċi, f’Ħaż-Żabbar?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata li l-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar qiegħed jippjana proġett sabiex il-funtana f’Misraħ tal-Madonna Medjatriċi tiġi mibdula. Dan minħabba li l-funtana teħtieġ intervent estensiv ta’ manutenzjoni fl-infrastruttura taħt l-art u t-tiswija tagħha mhijiex waħda sempliċi.

Ħaż-Żabbar – Bandli ta’ St. Peter’s – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu x-xogħlijiet fil-bandli ta’ St. Peter’s, f’Ħaż-Żabbar?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar li x-xogħlijiet fil-bandli ta’ St Peter’s kellhom jitwaqqfu minħabba li l-offerent li ngħata l-kuntratt ma bediex ix-xogħlijiet kif stipulat fil-kuntratt. Konsegwentament, il-Kunsill Lokali kien obbligat isegwi l-proċeduri previsti mir-Regolamenti tal-Akkwist Pubbliku, li ma jippermettux il-kontinwazzjoni immedjata tax-xogħlijiet.