Legislature:
Category:
Reset
Active:

ARMS Ltd — skema ta' irtar kmieni

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk reċentement f'ARMS Ltd kienx hemm skema ta' irtirar kmieni? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm applikaw għaliha, x'karigi kellhom dawk li applikaw u x'kundizzjonijiet riedu jiġu sodisfatti biex wieħed isir eliġibbli? Jista' jgħid kemm kienet is-somma globali ta' flus li ħadu dawk li kkwalifikaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumpanija ARMS Ltd nediet skema volontarja ta’ irtirar kmieni bi ftehim mal-GWU fl-aħħar tas-sena 2019. Għal din l-iskema setgħu japplikaw dawk il-ħaddiema kollha li għalqu 58 sena sal-aħħar tal-2019 u li kellhom ukoll minimu ta’ 5 snin servizz mal-ARMS u/jew mal-WSC. L-applikanti kienu 6 u l-karigi tagħhom kienu ta’ Agents, Lead Agents, u Senior Lead Agents . Is-somma globali kienet tammonta għal-€162,010.10.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-ilma – rapporti ta’ serqiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12625, jista’ l-Ministru jgħid x’diffikultà għandu biex jgħid kemm saru serqiet fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma u li ġew irrapportati lill-Pulizija? Il-Ministru huwa konxju li l-Ministeri kollha (jew kważi) wieġbu din il-mistoqsija? Għaċ-ċarezza, kull sena, kemm saru rapporti ta’ serq fl-2017, fl-2018 u fl-2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala rapporti ta’ serqiet ġew irrappurtati biss tnejn minn naħa tal-Enemalta u dawn ir-rapporti saru f’Diċembru tal-2019. Il-kumplament tal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma kien hemm l-ebda rapport ta’ serq.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — xogħlijiet minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jelenka, jekk hu l-każ, kull direct order jew simili, taħt kwalsiasi kappa jew isem, li kwalsiasi entità taħtu tat lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fl-2019 u fl-2020? Għal kull każ, jista’ jagħti l-ammont ta’ ħlas u r-raġuni ta’ dak ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-Artiklu 103 tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku, l-entità li tat direct order ta’ €59,000 lill-kumpanija inkwistjoni fil-perjodu indikat kienet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), għal servizzi ta’ awditjar fis-sena 2018.

COVID-19 — Ħlasijiet tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Peress li l-anzjani u l-persuni b’diżabilità ngħataw il-parir mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex ma joħorġux minn darhom biex jevitaw li jimirdu bil-Coronavirus u peress li ħafna minn dawn il-persuni s-soltu jħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma biss billi jmorru personalment fl-uffiċji tal-ARMS, jista’ l-Ministru jispjega lill-Parlament x’ser tkun il-pożizzjoni kwantu dawn il-persuni jekk jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ma jkunux jistgħu jħallsu l-kontijiet? Jista’ jagħti garanzija li sakemm iddum l-imxija tal-Coronavirus, dawn il-persuni ma jeħlux imgħaxijiet jew charges u lanqas jitwaqfilhom is-servizz tal-ilma u d-dawl?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ARMS għandha sistemi differenti ta' ħlasijiet mingħajr il-bżonn li l-konsumatur ikollu jmur personalment l-uffiċini tagħha. Sadanittant l-ARMS qed tesplora l-possibiltajiet kollha kif f’dawn iż-żminijet diffiċli tkun tista tgħin lill-konsumatur. Min ikollu xi diffikultà jista jagħmel kuntatt mal-customer care permezz tat-telefon (8007 2222) jew jibgħat email (customercare@arms.com.mt).

Żona ta Kordin — żieda fid-dawl ħdejn il-faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jara li fiż-żona ta' Kordin senjatament fejn hemm faċilitajiet sportivi jiġi installat iktar dawl pubbliku, għax hemm nuqqas ta’dawl b’perikolu għat-tfal u l-familji li jiffrekwentaw il-post filgħaxija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żona ta’ Kordin, fejn hemm faċilitajiet sportivi ma taqax taħt ir-responsabbilta tal-Enemalta.

Żjarat fil-Montenegro

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-kumplament tal-mistoqsija parlamentari 13348 (dik il-parti dwar id-dettalji tas-safar lejn il-Montenegro)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma — laqgħat

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12820, jista’ l-Ministru jgħid preċiżament mil-liema dispożizzjoni tal-liġi r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) huma projbiti milli jagħtu t-tagħrif mitlub f’dik il-mistoqsija u ċjoè: (1) kemm-il laqgħa saret mill-Bord tar-REWS xahar b’xahar mill-bidu tal-2017 sal-lum? (2) u jekk saru laqgħat tul dan iż-żmien, f’kemm minn dawk il-laqgħat ittieħed vot?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Board meetings tar-REWS tlaqqgħu skont kif meħtieġ mill-Att tar-Regolatur Kap. 545 tal-Liġijiet ta’ Malta. B’kollox saru 38 laqgħa mill-bidu tal-2017 sa llum u mill-informazzjoni li għandi, kull deċiżjoni ttieħdet b’mod unanimu u ma kien hemm bżonn ta’ l-ebda vot.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma – użu ta’ trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu hux qed jagħti xi tip ta’ inċentiv għall-ħaddiema tal-Ministeri u entitajiet li jaqgħu taħtu, biex jinkoraġġixxu lill-istess ħaddiema biex jużaw it-trasport tal-massa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġie kkummissjonat studju xjentifiku li, permezz tiegħu, kien mifhum liema mezzi ta’ trasport jintużaw l-aktar mill-ħaddiema biex jaslu għax-xogħol. Għaldaqstant tnieda l-ħsieb li jitfasslu u jiġu proposti numru ta’ miżuri li jħajru lill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku jagħmlu użu minn trasport alternattiv, inkluż fi proġetti-pilota jew PPPs. Dan hu wkoll f’sintonija mal-pjani tal-Gvern li fil-ġejjieni jsir użu aktar wiesa’ mit-trasport pubbliku fil-faxex kollha tas-soċjetà. Dawn l-inizjattivi għandhom jifformaw parti minn pjan wieħed ħolistiku ta’ trasport sostenibbli.

Żjarat fil-Montenegro

Question

Jista’ l-Ministru jgħid id-dati meta l-predeċessur tiegħu l-Ministru Konrad Mizzi żar il-Montenegro bħala Ministru għall-Enerġija bejn l-2013 u Diċembru 2019? F’kull żjara, minn min kien akkumpanjat u jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Programm Uffiċjali ta’ kull żjara?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; Data Settembru 2014 Ottubru 2014 Frar 2015 Ġunju 2015 Lulju 2015 Ottubru 2015 Novembru 2015 F’Jannar tal-2016, l-Hon Dr. Konrad Mizzi akkumpanja lill-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat fi żjara uffiċjali. Dettalji oħra qed jiġu miġbura. Il-Programm Uffiċjali ma jistax jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra għar-raġuni li s-safar kollu kien relatat ma’ xogħol Ministerjali fil-qasam tal-Enerġija.

Skema tal-pannelli tax-xemx – għaqdiet volontarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitħabbru l-għaqdiet volontarji li kkwalifikaw għall-iskema tal-pannelli tax-xemx li tħabbret f'Settembru 2019 u li r-riżultati tagħha kellhom jitħabbru fil-bidu ta' din is-sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċess miexi u fil-jiem li ġejjin se jibdew jitqassmu l-panelli tax-xemx kif kien ippjanat.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — użu ta' karozzi li jaħdmu bl-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn karozzi li jaħdmu bl-elettriku?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul din is-sena l-Ministeru se jkun qiegħed jara kif it-trasport ġenerali tal-Gvern jista’ jibda isir b’mod kollettiv, iċentralizzat taħt dipartiment wieħed permezz ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Dan il-proġett jista’ jkun suġġett għall-kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea. Sa dan it-tant ARMS bdiet il-proċess biex gradwalment taqleb it-tmien vetturi tagħha għal dawk li jaħdmu kompletament bl-elettriku. S’sissa ARMS għandha żewġ vetturi li jaħdmu bl-elettriku, u din is-sena ser tkun qiegħda tinvesti f’żewg karozzi oħra ta’ dan it-tip. L-erbgħa vetturi l-oħra huma pjanati biex jinqelbu kompletament għall-elettriku fis-snin li ġejjin. Minn naħa l-oħra, l-Enemalta tgħamel użu minn numru ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Dawn jinkludu vettura li tintuża f’mini taħt l-art, tlett fork lifters , żewġ vetturi żgħar, u kif ukoll van mikri li qed jintuża bħala prova. L-Enemalta qiegħda taħdem ukoll fuq speċifikazzjonijiet ta’ tender biex jinxtraw numru ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Ir-REWS jagħmlu użu ta’ żewġ karozzi li jaħdmu bl-elettriku minn flotta ta’ tlieta. Ta’ min jinnota li l-Continental Shelf u l-Melita Transgas ma jużaw l-ebda tip ta’ vettura. L-entitajiet l-oħra ma jużawx karozzi li jaħdmu bl-elettriku.

Għawdex — Ix-Xagħra - Triq il-Marġa - xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10814 jista’ l-Ministru jgħid fejn waslu t-tħejjijiet u meta ħa joħorġu t-tenders sabiex partijiet sostanzjali ta’ Triq il-Marġa fix-Xagħra, Għawdex tinbidel u tkun imsaħħa bil-konkos minħabba l-problema kbira ta’ drenaġġ li ilha għal diversi xhur taffetwa lill-bdiewa li għandhom l-għelieqi tagħhom imissu ma’ Triq il-Marġa fix-Xagħra Għawdex?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif imsemmi fil-Mistoqsija Parlamentari, hemm bżonn li parti sostanzjali tal-imsemmija triq tkun imsaħħa qabel ma jsir il-bdil tal-pajpijiet tad-drenaġġ fejn fuqhom saru diversi interventi mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sabiex jiġu mwaqqfa skular ta’ drenaġġ. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qegħda b’komunikazzjoni mal-Ministeru kkonċernat ħalli jsiru tħejjijiet li bihom tissolva din il-problema repettitiva.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament huwiex jipprovdi kwalsiasi konsulenza taħt kwalsiasi isem (bħal contract of service,contract for service eċċ.) f’kwalsiasi entità fid-dekasteru tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament ma jipprovdi l-ebda tip ta’ konsulenza, taħt l-ebda isem lill-ebda entita’ mid-dekasteru tiegħi.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — konsulenza, ħatra jew ingaġġ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kwalunkwe konsulenza, ħatra jew ingaġġ li ħa l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bejn April 2013 u Diċembru 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u d-dekasteru kollu li jaqa’ taħti la qatt talab konsulenza mingħand, u ma ta l-ebda ħatra jew ingaġġ lill-individwu li d-dettaji tiegħu ngħataw separatament.

Water Services Corporation – new water

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) sabiex bħala l-korporazzjoni responsabbli mis-servizz tan-New Water tara li dan l-ilma li qed jitqassam fir-raba’ ma jkunx hemm ħela tiegħu? Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni sabiex il-WSC tara li fir-raba’ fl-inħawi tal-Popeye Village fil-Mellieħa ma jkunx hemm ħela ta’ ilma minħabba abbuż jew ħsara fil-pajpijiet tal-ilma?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi: North u Gozo; Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma twassal l-ilma mill-impjant tagħha sal-ġibjuni tat-tqassim. Fil- mains tad-dħul u tal-ħruġ tal-ġibjun jeżistu numru ta’ dispensers tal-ilma li jitħaddmu mill-bdiewa permezz ta’ użu ta’ ‘ aquacard’ . Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha sistemi simili għal dawk li tuża fuq networks oħra biex tiżgura li ma jkunx hemm leakages . Meta leaks jiġu identifikati, il-Korporazzjoni issewwi dan minnufih. Minn dawn l-eżerċizzji ma jirriżultax li hemm xi volumi ta’ ilma li m’għaddewx mid-dispensers. Madanakollu bħalissa qed isir investiment ta’ madwar ħamsa u tletin miljun Ewro u dan barra li ser ikompli jestendi l-firxa ta’ dan l-ilma ser ikun qed jagħti aktar għodod lill-Korporazzjoni biex tkun tista’ tuża informazzjoni ġdida ħalli flimkien mal-awtoritajiet konċernati ssib l-iktar mod ekwu li bih jista’ jitqassam dan l-ilma. Il-Korporazzjoni ma jirriżultalhiex li hemm xi ħsarat fil-pajpijiet tan- New Water fl-inħawi ta’ Popeye Village. Kull suspett ta’ ħsara fuq kwalunkwe network tal-Korporazzjoni għandu jiġi rrapurtat minnufih fuq www.wsc.com.mt South ; Il-Korporazzjoni twassal l-ilma mill-impjant tagħha sal-ġibjuni tat-tqassim. It-tqassim tal-ilma mill-ġibjuni jsir minn ġo kanali li huma amministrati mid-Dipartiment tal-Agrikoltura. Bħala parti mill-investiment imsemmi, din is-sistema qed tinbidel u ser tiġi mibdula b’network modern u b’ dispensers awtomatiċi. Barra minn hekk qed isir xogħol fuq ħames ġibjuni li għandhom iwasslu stabbilta’ ferm aħjar fis-servizz. Ta’ min wieħed jerġa’ jsemmi li l-impjant tas-South hu affettwat ukoll minn rimi llegali li qiegħed itellef fil-produzzjoni. Pjan ħolistiku biex dan jiġi indirizzat qed jiġi attwat.

Malta Gas Board — pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Malta Gas Board ma ngħatawx il-pensjoni ekwivalenti għall-ħaddiema li kienu jaħdmu fil-Malta Electricity Board?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

WSC — impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjegat ġdid kien hemm mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) (inkluż meter readers), xahar b’xahar mill-1 ta’ Novembru 2019 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Jista' jgħid jekk kienx hemm sejħa pubblika jew le f’kull każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-ilma — Direct Orders

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12589, jista' l-Ministru jgħid kull direct order lil min ingħatat (individwi u/jew kumpaniji)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħta f’seduta oħra.

Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret mill-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Energija u l-Ilma xahar b’xahar mill-bidu tal-2017 s’issa, u f’dawk il-laqgħat kemm-il darba ttieħed vot mill-membri?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma ma jistgħux jagħtu din it-tip ta’ informazzjoni minħabba li huma kemm legalament u kif ukoll funzjonalment indipendenti u kif ukoll awtonomi skond l-istatut leġislattiv tal-fundaturi tiegħu.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — Rapporti ta' serqiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet li ġew rapportati lill-Pulizija li saru mill-Ministeru, dipartimenti, id-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu kull sena matul l-2017, 2018 u 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tispeċifika għal-liema tip ta’ serq qed tirreferi.