Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — Permanent Secretary – covering letter għal position of trust

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-covering letter maħruġa mill-Permanent Secretary għal kull position of trust fil-Ministeru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija Parlamentari numru 22956.

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli – parkeġġi riżervati fil-Belt Valletta

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16352, tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm spazji riżervati għall-parkeġġ għall-Ministeru tagħha li għandhom l-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta sat-30 ta’ Ottubru 2021 u taqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment rispettiv?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 7 parkeġġi riservati ħdejn il-Ministeru tiegħi.

Skema ta’ xiri ta’ karozzi electric/hybrid

Question

B’referenza dwar il-grant li qed joffri l-gvern dwar min jixtri karozzi electric/hybrid, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-karozza ma tasalx sa qabel budget ieħor xorta intitolat għal grant? Jekk jintużaw il fondi kollha għall-iskema, x’se jiġri? Xorta min laħaq xtara l-karozza għandu dritt għar-rifużjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Ġnien is-Serenità — riġenerazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu s’issa fir-rigward ir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija wara dak dikjarat f’Lulju 2021?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, wara snin ta’ telqa, dan l-ispazju miftuħ ġewwa Ġnien is-Serenita se jkun qed jiġi riġenerat għat-tgawdija tar-residenti. Parks Malta lestew diversi xogħolijiet amministrattivi u tekniċi bi preparazzjoni għax-xogħolijiet fiżiċi u ambjentali li jridu jsiru. Dan jinkludi t-tħejjija tal-pubblikazzjoni għas-sejħa tal-offerti u d-disinn tal-proġett li qed isir bl-għan li jikkomplimenta Ġnien is-Serenita. Permezz ta’ dan l-investiment ta’ nofs miljun ewro, se jinħoloq spazju rikreattiv ieħor fin-Nofsinhar ta’ Malta għal individwi ta’ kull eta’. Se jkun post ideali fejn wieħed jista’ jirrilassa, jissoċċjalizza jew jagħmel attivita’ fiżika. Se jkun mammar biex iservi għall-attivitajiet mużikali, kulturali u edukattivi. Ix-xogħolijiet f’dan l-ispazju miftuħ huma mistennija li jitlestew s-sena d-dieħla.

Parks Malta – parks fejn qed isiru interventi

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ parks fejn l-aġenzija Parks Malta bħalissa qed tagħmel interventi fihom biex ikunu jistgħu jitgawdew aħjar mill-pubbliku? Tista’ tispeċifika x’tip ta’ xogħol qed isir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Parks Malta tagħmel xogħolijiet differenti f’diversi spazji miftuħa, widien u Parks, fosthom fil-Park tal-Familja f’ Marsaskala, il-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar, il-Park tal-Inwadar u l-Petting Farm u l-Picnic Area f’ Ta’ Qali. Minn barra kura ambjentali, jsiru wkoll xogħolijiet ta` manutenzjoni fuq l-istrutturi fiżiċi bħal ma huma bankijiet , railings , gazebos u tagħmir ieħor għat-tgawdija u l-użu tat-tfal. Parks Malta tirrestawra u tmantni strutturi sabiex tiżdied l-ħażna ta’ l-ilma tax-xita. Din il-ħażna tintuża fil-manteniment tal-istess żona sabiex b’hekk nagħmlu dawn l-ispazji aktar sostenibbli. Barra minn hekk, qed jiġu installati sistemi ta’ irrigazzjoni effiċjenti biex titnaqqas l-ħela tal-ilma. F’10 xhur, Parks Malta ħawlet ‘il fuq minn 1,100 siġra f’diversi żoni filwaqt li qed tiffaċilita proġetti ta’ afforestazzjoni minn fondazzjonijiet u organizazzjonijiet mhux governattivi. Riċentement ġie iffirmat ftehim ma’ Fondazzjoni Ġermaniża li b’donazzjoni ta’ €50,000, se jitħawwlu aktar minn 3,000 siġra fuq medda ta’ erba’ snin fil-Park tal-Majjistral. Biex tissaħħaħ il-biodiversita u nipproteġu l-ambjent naturali, qed isiru bosta xogħolijiet fil-widien. Dawn jinkludu t-tisħiħ tal-kanali għall-ilma, pontijiet tal-ġebel, ħitan tas-sejjieħ, it-tneħħija ta’ materjal li jakkumula, u l-kontroll ta’ speċi aljeni u inva¿ivi. Din il-ħidma tipproteġi l-abitat għal diversi speċi endemiċi jew f’riskju li jinqerdu. Huwa important wkoll li l-pubbliku li jżur dawn l-ispazji jieħu ħsieb l-ambjent ta’ madwaru. Fil-fatt Parks Malta varat kampanja edukattiva – Clean Up campaign – li fiha ssieħbu diversi kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi biex jinġabar skart mormi illegalment. Permezz ta’ din il-kampanja ta’ tindif, huwa mistenni li sal-aħħar tas-sena se jkun inġabar ‘il fuq minn 750 tunnellata ta’ skart. Ħadna wkoll l-inizjattiva li Parks Malta tħawwel żewġ siġriet għal kull tunnellata. Sal-lum dan ifisser li Parks Malta se tkun qed tħawwel xejn anqas minn 1,500 siġra jew arbuxxel. Parks Malta għaddejja wkoll b’xogħol amministrattiv relatat ma’ investimenti kapitali li se jkunu qed jitwettqu fis-sena 2022 u fis-snin li ġejjin. Dan jinkludi l-Afforestazzjoni tal-Park tal-Inwadar li jestendi min-naħa tax-Xgħajra saż-Żonqor. Anke f’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali, Parks Malta hija kommessa li toħloq spazji miftuħa ġewwa l-lokalitajiet għat-tgawdija tar-residenti.

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — nefqa rikorrenti vvutata għal pagi ta' persons of trust

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’persentaġġ tal-nefqa rikorrenti vvutat għall-Ministeru tagħha ser imur biex jitħallsu l-pagi u kuntratti ta’ persuni ingaġġati bħala “Persons of Trust” fil-Ministeru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Enemed – xiri ta’ trakkijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22787, tista' l-Ministru tgħid minn min inxtraw it-trakkijiet tal-fuel b'direct order, meta, kemm-il trakk u x'kienet l-ispiża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lil Onor. Interpellant li s-suq għar-road tankers huwa limitat ħafna. Ħafna drabi dawn jinxtraw mir-Renju Unit minħabba s-sistema ta’ sewqan fuq il-lemin. Għalhekk ġie kummissjonat spettur fl-Ingilterra biex jara dan it-tagħmir u jagħti parir lil-Enemed fuq il-kundizzjoni tagħhom. Fil-perjodu indikat fil-Mistoqsija Parlamentari 22787 inxtraw tliet road tankers minn Northern Tankers, UK b’valur ta’ £139,000. Wara 20 sena ta’ nuqqas ta’ investiment f’trakkijiet li jġorru l-fjuwil inxtraw ukoll seba’ aircraft refuellers mingħand Stokota, Belgium b’valur ta’ €2,775,600.

Charging points/ pillars installati

Question

Tista’ l-Ministru tispjega kemm se jkun hemm charging points/pillars installati fil-pajjiż u li jistgħu jintużaw sal-aħħar ta’ din is-sena? X’inhuma l-pjani tal-Gvern f’dan ir-rigward mis-sena d-dieħla?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li se jkun hawn total ta’ 186 charging pillar sa l-aħħar ta’ din is-sena. 130 minnhom huma ġodda, dawn jammontaw għal total ta’ 260 charging point, filwaqt lis-56 charging pillar oħra ilhom installati sa mis-sena 2012. Dan ifisser li sa’ l-aħħar ta’ din is-sena se jkollna 362 charging point. It-teknoloġija li addottajna se tkun tinkludi fast charging pillars fejn se jkun hemm 44 fast charging points disponibbli għall-pubbliku. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-Gvern huwa kommess li fix-xhur li ġejjin, se jinbidlu l-pillars eżistenti (56) għal pillars b’teknoloġija iżjed moderna u kompatibbli mas-sistema l-ġdida. Għaxar pilastri minn dawk eżistenti se jiġu mgħammra b’teknoloġija fast charging. Qed nimmiraw li minn issa l-quddiem ikollna infrastruttura intelliġenti tal-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi li tista' faċilment tikkomunika mal-grid nazzjonali tal-enerġija. Sabiex jiġri dan jeħtieġ li nimxu ma’ protokolli ta' komunikazzjoni interoperabbli u miftuħa li jistgħu jappoġġjaw il-funzjonalità kollha meħtieġa anke mir-regolament Ewropew. Se jkomplu jiġu installati charging pillars oħra madwar Malta u Għawdex. Huwa mistenni li matul it-tliet snin li ġejjin jiġu installati madwar 600 charging pillar ġdid li jammontaw għal 1,200 charging point oħra.

San Pawl il-Baħar – Triq Sir Luigi Preziosi u l-Plajja tal-Bognor – tranġar ta’ bozoz maqtugħin

Question

Tista’ l-Ministru tara li bozoz maqtugħin f’toroq Sir Luigi Preziosi u l-Plajja tal-Bognor f’San Pawl il-Baħar, jinbiddlu/jitranġaw?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta ħadu azzjoni immedjata fuq rapport tal-Kunsill Lokali u saru t-tiswijiet neċessarji.

Lista ta’ benefiċjarji tal-iskema Construction Industry Scheme

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' benefiċjarji tal-iskema tal-Malta Enterprise 'Construction Industry Scheme' li ħarġet fis-sena 2020 inkluż l-ismijiet ta' kull benefiċjarju, kemm ingħata u l-proġett għaliex ingħata l-grant?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise hi koperta bil-kunfidenzjalita' imposta skont l-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) u l-Artiklu 33 tal-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act) u għalhekk ma tistax telenka l-ismijiet tal-kumpaniji. L-ammont ta’ assistenza approvata lill-40 benefiċjarju taħt l-iskema Support for the Construction Indusry to Replace existing machinery with new, more Environmentally Friendly Machinery and Equipment tammonta għal 4 miljuni. It-tnaqqis ta’ emissjonijiet wara li jsir dan l-investiment ser ikun: Unburnt Hydrocarbon HC9g): 83% Carbon Dioxide CO2 kg:50.5% Carbon Monoxide CO (g): 80.8% Nitrogen Oxides Nox: 96.45% Particulate Matter PM: 91% Sulphur Dioxide SO2: 42%

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili li saru fis-snin 2019 u 2020 u fis-sena 2021 sa issa mill-Ministeru, id-Dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha? F'kull każ tista' tgħid liema kienet l-entità li għamlet/tat il-grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili, kemm kien l-ammont, min kien il-benefiċjarju u x'kienet ir-raġuni għalxiex ingħatat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

SAN PAWL IL-BAĦAR — ĦIDMA BIEX JISSEWWA IN-NETWORK TAD-DRENAĠĠ

Question

B'referenza għall-komunikazzjoni li ħarġet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fit-8 ta' Novembru, 2021, bit-titlu : ĦIDMA BIEX JISSEWWA IN-NETWORK TAD-DRENAĠĠ F’SAN PAWL IL-BAĦAR, tista' l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli tagħti dettalji dwar fiex jikkonsisti l-pjan tal-Korporazzjoni msemmi fl-istess komunikazzjoni? Fiex ser ikun qed jikkonsisti l-investiment għal titjib fis-servizz biex jilqa’ għad-domanda preżenti u tal-futur?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li żviluppaw ħsarat maġġuri fuq ir-rising mains li jitilgħu mill-Pumping Station tax-Xama ġewwa San Pawl il-Baħar fil-limiti tal-iskola primarja, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bdiet proċess ta’ tiswija ta’ emerġenza. Bħala parti mill-Business Plan tal-Korporazzjoni mħabbar is-sena l-oħra, din iż-żona ingħatat priorita minħabba iż-żieda fid-domanda reġistrata matul l-aħħar 15 il-sena. Beda l-ivettjar intern ta’ proġett ta’ mina tad-drenaġġ b’tul ta’ 2 kilometri. Dan ix-xogħol ser jadotta metodoloġija ‘trenchless’ biex b’hekk jitnaqqas l-inkonvenjent lir-residenti u t-traffiku fl-akwati. Erba ‘pumping stations’ ser ikunu qed jitfgħu direttatment ġo din il-mina u għaldaqstant ma’ dan il-proġett ser jinbidlu ukoll numru ta’ ’rising mains’ biex b’hekk ikollna sistema iktar effiċjenti u sostenibli. Wara li din is-sistema tibda’ topera, ser isir renovar tal-mejnijiet antiki fi Triq San Pawl permezz ta’ ‘lining’ intern tas-sistema eżistenti. Din l-istess teknoloġija ser tkun adottata ukoll fuq il-mejnijiet eżistenti fit-Telgħa tax-Xemxija.

Triq Ħal Farruġ – jet fuel leak — ħsarat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'wassal għal ħruġ ta' jet fuel fiż-żona ta' Ħal Farruġ din il-ġimgħa u jekk il-ħruġ ta’ dan il-jet fuel affetwax il-water table tal-inħawi u l-ambjent tal-madwar? X’prekawzjonijiet ser jieħu l-Gvern biex inċidenti oħra bħal dan ma jirrepetux rwieħhom fil-futur? Kemm sewa flus dan il-leak kemm f’termini ta’ telf ta’ jet fuel, f’termini ta’ xogħol biex jitneħħew traċċi tal-leak ta’ jet fuel, telf ta’ ilma mill-water table, kif ukoll f’termini ta’ ħsara ambjentali? Tista’ sserraħ ras ir-residenti ta' Ħal Farruġ li inċidenti bħal dawn ser jiġu evitati fil-futur?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-ewwel investigazzjonijiet illi saru jidher li waqt il-process tal-mili ta’ trakk li jforni l-Jet Fuel tal-Ajruplani, infetaħ drain valve li wara din l-operazzjoni ma ngħalaqx kif suppost. L-ammont ta’ fjuwil li ħareġ kien wieħed minimu u beda jinġabar mal-ewwel. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li dan affettwa l-ilma tal-pjan. Wara l-investigazzjonijiet li saru mill-Enemed flimkien mal-ERA, il-kumpanija se timmodifika s-sistema tal-valve. Sa issa l-ispiża hi ta’ €365. L-Enemed qed tagħmel l-almu tagħha biex inċidenti bħal dawn ma jirrepetux ruħhom.

Għawdex – New Water — katusi

Question

Tista' l-Ministru tgħidilna kemm tpoġġew kilometri ta' katusi għall-provvista ta' "New Water" f'Għawdex mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u kemm huma l-bdiewa li s'issa jistgħu jużaw dan l-ilma riċiklat? Kemm qed jintuża volum ta' ilma riċiklat fil-preżent? Kemm baqa' tul ta' katusi li għad iridu jitpoġġew f'Għawdex sabiex jitlesta dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha madwar 15-il kilometru ta’ pajpiet tan-“New Water” f’Għawdex. Biex inkomplu nespandu dan in-network, dan il-proġett fadallu madwar 3 kilometri oħra biex jitlesta. Illum f’Għawdex hemm madwar 486 persuna li għandhom aċċess għal dan l-ilma, b’konsum medju ta’ madwar 600m3 kuljum.

Qasam Industrijali tax-Xewkija – Triq it-Taflija u Triq il-Biċċerija – provista ta’ new water

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta ser jiġu rranġati Triq it-Taflija u Triq il-Biċċerija fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija li fihom għaddew trinka sabiex jgħaddu l-katusi għall-provvista ta' New Water bosta xhur ilu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fit-toroq msemmija mistennija jibdew lejn l-aħħar tax-xahar ta’ Novembru ta’ din is-sena.

Ħondoq ir-Rummien – Reverse Osmosis – impjant ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ser jiġi jiswa l-impjant il-ġdid tar-Reverse Osmosis f'Ħondoq ir-Rummien, kif ġiet iffinanzjata din l-ispiża kapitali, meta ser jibda jaħdem dan l-impjant u x'inhu l-volum proġettat ta' ilma li jista' jiġi prodott minn dan l-impjant?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant il-ġdid tar-Reverse Osmosis f’Ħondoq ir-Rummien huwa nvestiment ta’ l-fuq min 11-il miljun ewro li qed jiġi ffinanzjat parzjalment mill-finanzi tal-Unjoni Ewropea u parzjalment minn fondi nazzjonali. B’hekk Għawdex ser ikollu l-ewwel impjant ta’ reverse osmosis, u jkun verament ‘self-sufficient’ f’dak li jirrigwarda produzzjoni tal-ilma. Dan l-impjant se jibda’ jaħdem fil-ġimgħat li ġejjin. Huwa ppjanat li dan l-impjant ikollu produzzjoni peak ta’ 9,000 m3 kuljum ta’ ilma tax-xorb.

Impjanti tar-Reverse Osmosis – konsum tal-enerġija elettrika

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien il-konsum ta' enerġija elettrika minn kull impjant ta' reverse osmosis bejn l-2015 u l-2020? Tista' l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa medjament kull metru kubu ta' ilma prodott minn dawn l-impjanti ta' reverse osmosis matul l-istess snin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab haw taħt; Lapsi Reverse Osmosis: 147,308,800kwHr Ċirkewwa Reverse Osmosis: 86,952,600kwHr Pembroke Reverse Osmosis: 310,998,200kwHr L-ispiża medja ta’ produzzjoni matul il-perjodu indikat kienet ta’ €0.752 għal kull metru kubu ta’ ilma.

Il-Qala – Triq San Piju XII — xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22011 li saret lill-Ministeru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u tgħid meta se jsiru dawn ix-xogħlijiet fuq Triq San Piju XII fil-Qala Għawdex: a. Mogħdija ta' servizzi ġodda, partikolarment dak tal-ilma li fil-preżent jasal għand ir-residenti mdardar u kollu sadid; u b. Wiċċ ġdid li jixraq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fit-triq msemmija mistennija jitlestew matul dan ix-xahar.