ERA - Deċiżjonijiet dwar proġetti ta’ impatt ambjentali sinifikanti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2467, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jintroduċi miżuri sabiex id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar proġetti b’impatt ambjentali sinifikanti jkunu akkumpanjati minn spjegazzjoni dettaljata tal-kriterji tekniċi u xjentifiċi applikati, il-valutazzjoni tal-alternattivi kkunsidrati, u r-raġunijiet għalfejn ġew aċċettati jew miċħuda r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttorat u l-oġġezzjonijiet imressqa mill-pubbliku?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar proġetti b’impatt ambjentali sinifikanti huma msejsa fuq spjegazzjoni dokumentata mħejjija mid-Direttorat tal-Affarijiet Regolatorji fi ħdan l-ERA, li fost oħrajn tinkludi rendikont tal-proċess segwit, il-kriterji tekniċi u xjentifiċi rilevanti li jkunu tqiesu bħala parti mill-valutazzjoni tal-proġett, il-valutazzjoni tal-alternattivi kunsidrati, il-kummenti ambjentalment rilevanti li l-Awtorità tkun irċeviet matul il-proċess, u r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttorat imsemmi. Din id-dokumentazzjoni tkun ukoll disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità, hekk kif stabbilit fir-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (VIA).
Il-minuti tal-laqgħat tal-Bord huma disponibbli għall-pubbliku li jiddokumentaw id-deċiżjoni tal-Bord jinkludu riferiment għall-preżentazzjonijiet li jsiru waqt il-laqgħa tal-Bord (kemm mill-konsulenti li jkunu wettqu l-istudju kif ukoll mid-Direttorat), li jkunu bbażati fuq id-dokumentazzjoni msemmija, u l-kummenti li jsiru mill-parteċipanti inkluż il-pubbliku preżenti. L-istess minuti jirreġistraw id-diskussjoni u/jew il-punti mqajma mill-membri tal-Bord, kif ukoll jekk il-Bord jaqbilx mar-rakkomandazzjonijiet u mar-raġunament tad-Direttorat. Anke dawn il-minuti jkunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità, bħalma jesiġu r-Regolamenti dwar il-VIA.
Tista’ l-Ministru tgħid liema miżuri speċifiċi qed jittieħdu mill-Gvern biex jipproteġi l-ambjent naturali ta’ Kemmuna, fid-dawl tal-iżviluppi proposti u tal-istatus ta’ Kemmuna bħala żona ta’ valur ambjentali u naturali sinifikanti? Tista’ tgħid ukoll jekk sarux valutazzjonijiet kumulattivi tal-impatt ambjentali tal-iżviluppi preżenti u proposti fuq Kemmuna, u jekk iva, iqiegħed kopja ta’ dawn il-valutazzjonijiet fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa qegħdin jiġu implimentati diversi inizjattivi sabiex jipproteġu u jtejjbu l-ambjent naturali ta’ Kemmuna. Dawn jinkludu:
Ir-restawr ta’ ħabitats naturali permezz ta’ proġetti mmexxija mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u Ambjent Malta, fosthom ir-riabilitazzjoni tal-artijiet mistagħdra fil-Qala ta’ Santa Marija u r-restawr ta’ żoni agrikoli abbandunati permezz tat-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli indiġeni.
Ir-reintroduzzjoni ta’ speċi mhedda li nqerdu minn Kemmuna, bit-taħwil ta’ speċi rari u r-reintroduzzjoni ta’ annimali rari, permezz ta’ pjan għar-restawr, bħalma huma l-bużaqq (il-ħuta nazzjonali) u r-ruppja (pjanta tal-art mistagħdra).
Qed jiġu mneħħija speċi aljeni invażivi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-bijodiversità lokali, flimkien ma’ miżuri biex jiġu protetti u rriġenerati l-ambjenti naturali u l-veġetazzjoni indiġena tal-gżira.
Qed isir xogħol ta’ protezzjoni ta’ żoni ekoloġikament sensittivi, fosthom l-għaram tar-ramel (sand dunes) u l-frigana (tip ta’ xagħri endemiku għal Malta), permezz ta’ delimitazzjoni ta’ żoni, kontroll tal-aċċess u ġestjoni ta’ passaġġi sabiex jitnaqqsu l-ħsarat ikkawżati mit-tgħaffiġ tal-veġetazzjoni u mill-attività tal-bniedem.
Fl-istess waqt, għaddej it-tkattir ta’ speċi mhedda, permezz ta’ arranġament mal-Ġonna Botaniċi tal-Argotti, sabiex ikollna materjal indiġenu għar-reintroduzzjoni u r-restawr f’Kemmuna.
It-titjib tal-indafa u l-ġestjoni ambjentali, inkluż it-tneħħija ta’ skart u strutturi mhux xierqa, inizjattivi ta’ tindif fuq l-art u fil-baħar, u miżuri ta’ sorveljanza u infurzar sabiex jitnaqqsu l-pressjonijiet fuq l-ambjent naturali, huma wkoll inizjattivi oħrajn li qed isiru f’Kemmuna.
Dan flimkien ma’ ġestjoni aħjar tal-viżitaturi fiż-żona tal-Blue Lagoon, permezz ta’ sistema ta’ prenotazzjoni u kontroll tan-numru ta’ viżitaturi, li qed issir minn entitajiet terzi, flimkien ma’ titjib fil-ġestjoni tal-iskart, faċilitajiet sanitarji u infurzar, bil-għan li titnaqqas il-pressjoni fuq din iż-żona ambjentalment sensittiva.
Bħalissa għaddej ukoll proġett b’kofinanzjament mill-UE sabiex nimplimentaw il-miżuri għal ħarsien tal-Marine Protected Area, li tinkludi wkoll miżuri għall-ħarsien tal-alka.
Dawn l-inizjattivi jiffurmaw parti minn ħidma kontinwa sabiex Kemmuna tibqa’ titgawda mill-pubbliku, filwaqt li jiġi żgurat li l-ħabitats naturali, l-ispeċi u l-karatteristiċi ekoloġiċi tagħha jkunu protetti għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Ninforma wkoll li l-proġett tal-lukanda u l-bungalows f’Kemmuna, li kien kopert mill-applikazzjoni għall-permess tal-iżvilupp PA 04777/20, kien suġġett għal Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u għal valutazzjoni skont ir-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali. F’dawn il-valutazzjonijiet jitqies ukoll l-impatt kumulattiv fuq l-ambjent, u għal dan il-għan jiġu kunsidrati anke żviluppi oħrajn li jkunu jinsabu fiż-żona ta’ influwenza tal-proġett. Abbażi ta’ dan il-proċess, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irrakkomandat għadd ta’ kundizzjonijiet u miżuri biex l-impatt fuq l-ambjent naturali ta’ Kemmuna jittaffa jew jiġi evitat. Id-dettalji rilevanti huma disponibbli pubblikament fuq is-sit elettroniku tal-ERA, u jistgħu jinkisbu minn fuq il-paġna
https://era.org.mt/era-project/ea-21-00001/
.
Tista’ l-Ministru telenka l-miżuri li qed jittieħdu mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha biex jitrażżan l-użu eċċessiv ta’ sors ta’ enerġija li tista’ tkun ta’ ħsara għall-ambjent? Tista’ telenka x’inċentivi qed jingħataw biex il-pubbliku jagħmel aktar użu ta’ sorsi ta’ enerġija nadifa?
San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – Riħa ta’ drenaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hix qed tittieħed azzjoni fuq ir-riħa tinten ta’ drenaġġ fi Triq San Pawl, f’San Pawl il-Baħar (bejn Triq Ramon Perellos u Triq Jean de la Valette)? Jekk iva, x’azzjoni qed tittieħed?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rċeviet l-ebda rapport dwar irwejjaħ fiż-żona indikata tul dawn l-aħħar erba’ xhur. Minkejja dan, il-Korporazzjoni aċċessat Triq San Pawl u bdiet tissiġilla għadd ta’ tappieri li setgħu kkontribwew għall-ħruġ ta’ rwejjaħ fl-inħawi.
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta’ Ġnien il-Kunsill, fl-inħawi Tal-Barmil fix-Xewkija, li tħabbar f’Awwissu 2023 bħala l-ewwel ġnien “carbon neutral” f’Għawdex, u jgħid:
i. liema xogħlijiet saru s’issa u liema għadhom iridu jitwettqu;
ii. jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalih;
iii. x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett;
iv. jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u
v. meta hu mistenni jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-kuntrattur magħżul biex iwettaq il-proġett ta’ Ġnien il-Kunsill kien ipprovda d-dokumenti u l-istudji meħtieġa skont l-obbligi kuntrattwali tiegħu, kif ukoll installa ċint temporanju madwar is-sit. Madankollu, ma ġewx irreġistrati xogħlijiet ulterjuri fuq is-sit u għaldaqstant ma sar l-ebda pagament lill-kuntrattur.
Fid-dawl ta’ dan, Project Green infurmat lill-kuntrattur bit-terminazzjoni tal-kuntratt u imponiet penali li jammontaw għal €54,148, li jirrappreżentaw il-massimu permess skont il-kundizzjonijiet kuntrattwali.
L-Aġenzija qed tevalwa l-passi li jmiss sabiex il-proġett ikun jista’ jitkompla, inkluża l-possibbiltà li jiġu segwiti proċeduri alternattivi ta’ akkwist.
Project Green se tkun qed iżżomm lill-Kunsill Lokali tax-Xewkija infurmat dwar il-passi li se jittieħdu sabiex il-proġett jitmexxa ’l quddiem.
Tista’ l-Ministru tgħid meta sar l-aħħar test tekniku jew condition assessment fuq kull wieħed mit-tliet feeders ta’ 33kV li jfornu lil Għawdex u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati tat-testijiet li saru matul l-aħħar ħames snin?
Tista’ l-Ministru tgħid, għal kull wieħed mit-tliet feeders ta’ 33kV li jfornu lil Għawdex, f’liema sena ġie installat u kkummissjonat, x’tip ta’ cable ntuża, x’inhi l-kapaċità nominali tiegħu u x’inhi l-ħajja teknika mistennija tiegħu?
Għawdex – Ħsarat fil-feeders tal-elettriku – Rapport tekniku
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tekniku sħiħ, hekk kif dan jitlesta, dwar il-ħsarat li żviluppaw inkluża root-cause analysis u r-rakkomandazzjonijiet tekniċi li joħorġu minnu, fejn tnejn mit-tliet feeders ta’ 33kV prinċipali li jfornu lil Għawdex ikkaġunaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku fit-28 u fid-29 ta’ Awwissu 2026?
Tista’ l-Ministru tispjega kif tnejn mit-tliet feeders prinċipali li jfornu lil Għawdex setgħu jiżviluppaw ħsara fl-istess perjodu? Tista’ tgħid ukoll jekk l-Enemalta tqisx dawn iż-żewġ ħsarat bħala relatati jew bħala żewġ failures indipendenti?
Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet il-kawża teknika tal-ħsarat li żviluppaw fuq tnejn mit-tliet feeders ta’ 33kV li jfornu lil Għawdex? Tista’ tgħid jekk ġiex stabbilit jekk dawn il-ħsarat kinux relatati ma’ sħana eċċessiva, overloading, degradazzjoni tal-cable, ħsara f’joints, ilma jew umdità, jew kawża oħra?
Tista’ l-Ministru tagħti kronoloġija dettaljata tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku li affettwa lil Għawdex fit-28 u fid-29 ta’ Awwissu 2026, inkluż il-ħin ta’ meta seħħet kull ħsara, meta ġiet identifikata, meta beda x-xogħol ta’ tiswija u meta reġgħet ingħatat il-provvista lil kull lokalità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-tweġiba tapplika wkoll għal mistoqsijiet parlamentari oħrajn minn dawk li ssottometta dwar l-istess suġġett.
Ninsab infurmata li fit-28 ta’ Awwissu 2026 żviluppaw żewġ ħsarat fuq tnejn mit-tliet feeders ta’ 33kV li jfornu lil Għawdex.
L-ewwel ħsara kienet fuq il-cable bejn iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni f’Kemmuna u ċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni fix-Xewkija. Dan il-feeder intefa’ fit-28 ta’ Awwissu 2026 fis-19:28. Malli rriżultat il-ħsara, minnufih skatta x-xogħol meħtieġ biex jinstab fejn kienet u malli din ġiet lokalizzata f’Għawdex stess, inbeda t-tħaffir u x-xogħol kollu li kellu jsir biex sussegwentement il-cable reġa’ nxtegħel fid-29 ta’ Awwissu 2026 fis-13:10.
It-tieni ħsara kienet fuq il-cable bejn iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni f’Kemmuna u ċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni fil-Qala. Dan il-feeder intefa’ fit-28 ta’ Awwissu 2026 fid-20:44. F’dan il-każ ukoll skattat minnufih ħidma biex jinstab fejn kienet il-ħsara, li eventwalment ġiet lokalizzata f’Kemmuna. Għaldaqstant, kellhom jiġu mobilizzati l-inġenji rispettivi biex ġew trasferiti bejn Għawdex u Kemmuna. Hemm ukoll kellu jsir tħaffir u x-xogħol kollu meħtieġ sakemm il-cable reġa’ nxtegħel fid-29 ta’ Awwissu 2026 fl-21:41.
Matul dan il-perjodu, it-timijiet tekniċi tal-Eenemalta ħadmu biex ġew lokalizzati, iżolati u msewwijin il-ħsarat. Ir-restawr tal-provvista sar b’mod gradwali sabiex tiġi evitata kwalunkwe ħsara ulterjuri fis-sistema.
Mill-eżami tekniku li sar, il-ħsarat ġew identifikati li kienu fil-ġonot tal-cables rispettivi. Wara fault location ġie indikat li l-ewwel ħsara kienet taħt l-art fix-Xewkija, filwaqt li t-tieni ħsara nstabet f’Kemmuna. Meta jinbeda x-xogħol jiġi verifikat u jsiru t-testijiet meħtieġa biex jiġi determinat ikunx hemm moisture content jew ilmijiet. Dan il-proċess isir fuq kull ħsara li jkun hemm meta tkun relatata ma’ cables.
Infurmata li ż-żewġ ħsarat seħħew fuq feeders differenti u fuq partijiet differenti tan-network. Għaldaqstant, dawn il-ħsarat qed ikunu meqjusa mill-Enemalta bħala li kienu indipendenti minn xulxin.
Għal ħsara infrastrutturali ta’ din ix-xorta, l-Enemalta għandha proċedura li tiġi segwita waqt ix-xogħlijiet ta’ tiswija. It-tim tekniku li jkun fuq il-post jagħmel analiżi permezz ta’ testijiet biex jiddetermina li, ġaladarbda titneħħa l-ġonta li tkun falliet, jiġi aċċertat li l-cable rispettiv ikun f’qagħda b’saħħtu biex isir l-intervent fuqu ħalli jerġa’ jiġi f’qagħda operabbli. Wara li x-xogħlijiet ikunu tlestew, il-cable jiġi spezzjonat minn inġinier fejn issir sensiela ta’ testjar biex ikun assigurat li x-xogħol sar skont is-sengħa qabel l-istess cable jibda jiġi loaded permezz tal-kurrent.
Fil-każ tat-tliet feeders li jfornu lil Għawdex, cable minnhom huwa cable tal-aluminju b’kapaċità ta’ 300mm² b’rating ta’ 340A. It-tieni cable huwa cable tal-aluminju ta’ 240mm² b’rating ta’ 304A. It-tielet cable huwa cable tar-ram ta’ 185mm² b’rating ta’ 350A.
Il-ħajja teknika ta’ cable tiddependi mit-tip u mill-kostruzzjoni tagħhom, kif ukoll mill-kundizzjonijiet ambjentali u operazzjonali. Għaldaqstant, m’għandhiex tiġi attribwita ħajja teknika waħda u uniformi lit-tliet feeders kollha. Waqt ix-xogħlijiet il-cable jiġi spezzjonat biex jiġi identifikat li l-kundizzjoni tal-conductor tkun f’kundizzjoni tajba.
L-Enemalta tissorvelja kontinwament in-network, inkluż it-tagħbija fuq il-feeders, sabiex l-infrastruttura titħaddem fil-limiti operattivi stabbiliti. Fuq kull wieħed mit-tliet feeders, isiru spezzjonijiet permezz ta’ għaddasa darbtejn fis-sena biex tiġi spezzjonata l-integrità tal-cables. Mill-Kamra tal-Kontroll ikun qed jiġi monitored il-power flow li jkun għaddej minn ġo dawn it-tip ta’ cables. Is-switchgears rilevanti għandom monitoraġġ ta’ partial discharge kontinwu, filwaqt li kull erba’ xhur il-ħaddiema tekniċi tal-Enemalta jagħmlu wkoll testing manwali.
Qabel il-ħsarat tat-28 ta’ Awwissu 2026 ma kien hemm xejn li jindika failure imminenti fuq xi wieħed miż-żewġ feeders li sussegwentement ġew affettwati. Fis-sigħat ta’ qabel seħħew il-ħsarat, it-tagħbija fuq it-tliet feeders kienu qed jitħaddmu fil-limiti normali. L-ebda wieħed mill-feeders ma qabeż il-limiti operattivi tiegħu fil-perjodu inkwistjoni. Għaldaqstant, il-ħsarat ma seħħewx f’kundizzjonijiet fejn xi wieħed mill-feeders kien qed jitħaddem lil hinn mil-limiti operattivi tiegħu.
Infurmata wkoll li, wara li ż-żewġ feeders ġew affettwati mill-ħsarat, il-feeder li baqa’ fis-servizz kompla jopera fil-limiti normali u fl-ebda ħin ma qabeż il-limiti operattivi tiegħu. Il-kapaċità disponibbli minn feeder wieħed ma kinitx biżżejjed sabiex tagħmel tajjeb għad-domanda adizzjonali li kienet maqsuma fuq iż-żewġ feeders l-oħra.
Biex tilqa’ għad-domanda li Għawdex jista’ jkollu fis-snin li ġejjin, l-Enemalta qed twettaq aktar investimenti li se jinkludu żewġ cables ġodda ta’ 33kV taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex, konnessjoni ġdida ta’ 132kV bejn iż-żewġ gżejjer, żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni u aktar tisħiħ tal-konnettività interna tan-network ta’ 33kV f’Għawdex.
Dan ikompli jibni fuq l-investimenti li diġà saru fl-aħħar snin. Mill-2023 ’il hawn, l-Enemalta kkummissjonat 18-il substation ġdida f’Għawdex, lestiet erba’ transformer upgrades, poġġiet 24 kilometru ta’ cables ta’ vultaġġ medju, issostitwiet tagħmir f’disa’ switchgear installations u awtomatizzat 43 substation sabiex jitjiebu l-monitoraġġ, l-identifikazzjoni tal-ħsarat u l-ħinijiet ta’ restawr.
B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx jew hux ser isir studju dwar il-livelli ta’ storbju mistennija mill-faċilità, inkluż storbju minn vetturi tqal, tagħmir industrijali u operat matul il-lejl? Tista’ tgħid ukoll x’limiti operattivi u miżuri ta’ mitigazzjoni huma previsti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 2637.
B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx jew hijiex ippjanata evalwazzjoni speċifika dwar xi impatt potenzjali tal-faċilità fuq il-kwalità ambjentali u tal-ilma fl-Għadira u fil-Bajja tal-Mellieħa? Jekk iva, tista’ tqiegħed din l-evalwazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 2637.
Il-Mellieħa – Agricultural Waste Treatment Plant – Riskju ta’ kontaminazzjoni
Question
B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, tista’ l-Ministru tgħid xi studji saru jew huma ppjanati dwar ir-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija, l-ilma ta’ taħt l-art u tal-baħar minħabba t-trasport, il-ħażna u l-ipproċessar ta’ demel, slurry u skart agrikolu fis-sit propost?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 2637.
B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx jew hux ser isir air-quality modelling għall-faċilità proposta, inkluż l-impatt tat-traffiku addizzjonali u l-emissjonijiet mill-operat tal-impjant? Jekk iva, tista’ tqiegħed ir-riżultati u l-metodoloġija użata fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 2637.
B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, tista’ l-Ministru tgħid x’evalwazzjoni saret dwar l-impatt potenzjali tal-irwejjaħ ikkawżati mit-trasport, mill-ħażna u mill-ipproċessar ta’ bejn 300,000 u 350,000 tunnellata ta’ demel, slurry u skart agrikolu fis-sena fis-sit propost?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 2637.
B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għamlitx screening jew xi evalwazzjoni ambjentali tal-proġett propost? Jekk iva, tista’ tqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra u tgħid jekk il-proġett hux ser ikun soġġett għal Environmental Impact Assessment sħiħ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess fir-rigward tal-proġett propost għadu fi stadju preliminari. Kull proposta li titressaq formalment quddiem l-awtoritajiet kompetenti tkun suġġetta għall-proċessi regolatorji applikabbli u jsiru l-istudji u l-evalwazzjonijiet li jkunu meħtieġa skont il-liġi.
Fid-dawl li fl-2025 intefqu biss €200 mill-allokazzjoni għall-manutenzjoni tas-santwarji tal-annimali, tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu applikazzjonijiet u kemm minnhom ġew approvati, liema santwarji bbenefikaw, għaliex il-bqija tal-fondi ma ntefqux, u x’sar minn dawn il-fondi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema għar-rifużjoni ta’ spejjeż relatati mal-manutenzjoni tal-binjiet okkupati minn santwarji tal-annimali kienet infetħet fl-2024. Kien hemm sitt applikazzjonijiet u kollha ġew approvati. Il-benefiċjarji kienu sitt santwarji tal-annimali eliġibbli taħt l-iskema. Minħabba li l-kuntratti ġew konklużi aktar tard milli kien antiċipat, ix-xogħlijiet rispettivi ġew estiżi għas-sena 2026 u għaldaqstant ma sarux rifużjonijiet matul is-sena 2025. Il-fondi relatati baqgħu disponibbli għall-finijiet tal-iskema sabiex isiru r-rifużjonijiet dovuti wara li jitlestew u jiġu verifikati x-xogħlijiet eliġibbli.
Inżid li l-ammont imsemmi mill-Onor. Interpellant ma kienx relatat mal-iskema li qed jirreferi għaliha.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex fl-2025 intefqu biss €49,801 mill-allokazzjoni għall-‘Cat Neutering Campaign’, minn allokazzjoni ferm ogħla? Tista’ tgħid ukoll x’sar mill-bqija tal-allokazzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fl-2025 intefqu €49,801 mill-allokazzjoni prevista għall-‘Cat Neutering Campaign’, però l-ispiża relatata mal-‘Cat Neutering Campaign’ matul l-2025 ma kinitx limitata għall-ammont imħallas mill-allokazzjoni speċifika tal-kampanja. Fil-fatt, spejjeż relatati mal-kampanja qegħdin taħt allokazzjonijiet oħrajn tad-Direttorat, b’tali mod li l-infiq totali relatat mal-‘Cat Neutering Campaign’ matul l-2025 kien jammonta għal €182,041.
Tista’ l-Ministru tagħti aġġornament dwar ix-xogħol li qed jiġi svolt mill-Bord tal-Isptar Veterinarju Nazzjonali, u tgħid jekk ġiex identifikat min se jkun qed jopera dan l-isptar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Isptar Veterinarju Nazzjonali ġie stabbilit. Fil-preżent qegħdin isiru l-preparamenti meħtieġa sabiex l-Isptar Veterinarju Nazzjonali jkun jista’ jibda jopera skont il-proċessi u l-approvazzjonijiet applikabbli. Il-proċess għall-identifikazzjoni tal-operatur għadu għaddej u għaldaqstant għadu ma ġiex identifikat min ser jopera l-isptar. Ma jkunx prudenti li jiġu preġudikati l-proċessi applikabbli qabel dawn jiġu konklużi.