Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qafas dwar l-imġiba tal-istudenti fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti ż-żmien previst għall-konsultazzjoni, il-pubblikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-qafas dwar l-imġiba tal-istudenti fl-iskejjel, inklużi l-proċeduri ta’ tfittxija u ta’ rispons għal emerġenzi? Jista’ wkoll jispeċifika liema skejjel ser ikunu koperti, min ser jiġi kkonsultat, l-ispiża stmata, it-taħriġ previst għall-persunal, is-salvagwardji għad-drittijiet u l-benesseri tal-istudenti, u kif ser jitkejjel u jiġi evalwat l-impatt tal-qafas?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Kapijiet tal-Iskejjel attendew laqgħat bejn il-15 u s-16 ta’ Ottubru, li matulhom ġew ippreżentati l-prinċipji ewlenin tal-Qafas, flimkien mad-dokumenti relatati. Ingħata wkoll spazju għal mistoqsijiet u kjarifiki. Il-Qafas huwa maħsub biex jipprovdi direzzjoni u gwida komuni lill-iskejjel, filwaqt li jirrispetta l-kuntest u l-politiki rispettivi tagħhom. Huwa previst ukoll li matul it-tieni term ikomplu d-diskussjonijiet dwar aspetti relatati mas-sigurtà u l-bżonnijiet ta’ taħriġ, kif ukoll dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu.

Għawdex - Korsijiet tal-Lifelong Learning

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm qed jiġu offruti korsijiet tal-Lifelong Learning f’Għawdex, fil-preżent, u jipprovdi lista ta’ dawn il-korsijiet u għal kull kors jindika n-numru ta’ studenti rreġistrati u l-post fejn qed isiru l-lezzjonijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qedgħa titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Għawdex - Ċentru ddedikat għal-Lifelong Learning

Question

Fid-dawl li l-iskola f'Għajnsielem, li bħalissa qed tintuża mill-MCAST, ma baqgħetx disponibbli għal-lezzjonijiet tal-Lifelong Learning, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex jitwaqqaf ċentru ddedikat f’Għawdex, fuq il-mudell ta’ dak li hemm f’Malta, sabiex il-korsijiet jinġabru f’post wieħed minflok jibqgħu mifruxin f’diversi lokalitajiet?  Jista’ jgħid ukoll jekk tali ċentru jkunx jinkludi klassijiet u workshops attrezzati bir-riżorsi u l-għodod meħtieġa għall-korsijiet offruti sabiex l-għalliema u l-istudenti jkollhom faċilitajiet adegwati għat-tagħlim teoretiku u prattiku?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li huwa żbaljat meta jgħid f’Malta l-korsijiet kollha jingħataw minn post wieħed. Jekk ikun hemm il-fakulta li f'Għawdex isir hekk, bħal dejjem naraw li jiġi provdut l-aħjar servizz.

Moderating Panel – Lista ta’ stennija għall-assessjar – Ġeneru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, f’numri u persentaġġi, kemm mit-tfal li bħalissa qegħdin fuq il-lista ta’ stennija għall-assessjar mill-Moderating Panel biex jiġi ddeterminat jekk għandhomx bżonn LSE, huma bniet, subien jew ta’ ġeneru ieħor?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ingħatajt parir biex din l-informazzjoni ma tkunx publikata minħabba preġudizzji. Lill-Onorevoli membru nofrilha li ngħaddi din l-informazzjoni b'mod privat.

Moderating Panel – Lista ta’ stennija għall-assessjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal fuq il-lista ta’ stennija biex jiġu assessjati mill-Moderating Panel sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhomx bżonn LSE?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li dan hu proċess kontinwu u rigoruż, bħalma hu proċess kontinwu dak li jara li jkollna kemm jista’ jkun riżorsi kif spjegat fi tweġiba parlamentari 3326.

Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 690 u jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liem sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 975.

Ħal Far – Faċilità tal-kwart ta’ mil – Wiċċ tal-konkos – Parir mingħand esperti

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li nkiseb parir, permezz tal-Malta Motorsport Federation, mingħand esperti mir-Renju Unit, partikolarment mingħand il-kumpaniji Britanniċi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, dwar il-wiċċ tal-konkos tal-faċilità tal-kwart ta’ mil f’Ħal Far? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza kollha skambjata bejn il-Malta Motorsport Federation, il-kumpaniji msemmija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, SportMalta u Infrastructure Malta dwar din il-materja?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4077.

Ħal Far – Faċilità tal-kwart ta’ mil – Deflection fil-wiċċ tal-konkos

Question

Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi biex titneħħa d-deflection li hemm fil-wiċċ tal-konkos tal-faċilità tal-kwart ta’ mil f’Ħal Far, fejn reċentement saru xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni, partikolarment qrib il-parti minn fejn jitilqu jiġru l-karozzi, u li tvarja minn nofs pulzier għal pulzier?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li x-xogħol fuq il-kwart ta’ mil riesaq lejn l-aħħar fażijiet tiegħu u nfurmat ukoll li t-tekniċi qed iżommu komunikazzjoni kontinwa mal-federazzjoni li tirrapreżenta lil dawk kollha involuti fil-motorsport. Dan sabiex ukoll ikun żgurat li t-trakka tikseb l-approvazzjoni meħtieġa skont l-istandards tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Karozzi (FIA). Infurmat ukoll li mix-xogħol li sar fl-aħħar xhur u snin, issa fadal l-aħħar fażi li tinvolvi xogħol fuq il-wiċċ tal-korsa bi proċess ta’ grinding tal-konkos. Infurmat li dan ix-xogħol huwa parti integrali mill-proċess tal-bini tal-wiċċ tal-korsa skont ir-rekwiżiti tal-FIA.

Skejjel tal-Gvern - Counsellors impjegati full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm warranted counsellors impjegati full-time fl-iskejjel tal-gvern, maqsuma skola skola? Fejn m’hemmx counsellors impjegati full-time fl-istess skola, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba fil-ġimgħa jkun hemm servizz ta’ counselling minn warranted counsellors f’dawn l-iskejjel, maqsuma skola skola, u għal kemm sigħat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dan is-servizz iħaddan disa’ (9) Principal Education Support Practitioners (Counsellor), sitta (6) Senior Education Support Practitioners (Counsellor), ħamsa (5) Senior Education Support Practitioners (Psychoterapists) u tlieta (3) Psikoterapisti (on teaching conditions). Is-servizz offrut mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Isport, jiġi kkumplimentat bis-servizz tal-Blossom, servizz offrut minn the Malta Trust Foundation. Is-servizz tal-Counselling u Psikoterapisti huwa preżenti f’kull kulleġġ u t-tqassim tas-servizz ivarja minn skola għal skola u jiġi bbażat fuq sistema ta’ triaging li jsir mill-Principal Education Support Practitioners.

L-Imsida – Life Long Learning Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Life Long Learning Centre tal-Imsida kellux jagħlaq temporanjament minħabba xogħlijiet ta’ tiswija fil-bini? Jekk iva, x’inhuma r-raġunijiet għal dawn it-tiswijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li wara li ġiet identifikata l-ħtieġa li jsiru xi xogħlijiet fiċ-Ċentru tat-Tagħlim Tul il-Ħajja fil-Msida, saru interventi ta’ adattament u titjib sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jkomplu t-taħriġ prattiku tagħhom f’ambjent sigur u xieraq. Sabiex ix-xogħlijiet jitlestew fl-iqsar żmien possibbli, il-lezzjonijiet fiċ-Ċentru ma sarux bejn it-13 u l-15 ta’ Ottubru. Kull student tilef lezzjoni waħda biss, li se tiġi skedata mill-ġdid u ssir fil-ġimgħat li ġejjin sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fit-tagħlim tagħhom. Infurmat ukoll li ċ-Ċentru reġa beda jopera b’mod kompletament normali.

MUT – Direttiva dwar xogħol relatat ma’ SDPs

Question

Fid-dawl tad-direttiva maħruġa mill-Malta Union of Teachers (MUT) għall-ewwel darba fl-14 ta’ Ottubru 2020, u li reġgħet inħarġet fit-13 ta’ Ottubru 2021, li tipprekludi lill-membri tagħha milli jwettqu xogħol relatat mal-Pjanijiet ta’ Żvilupp tal-Iskejjel (School Development Plans – SDPs), jista’ l-Ministru jispjega x’inhuma l-punti ewlenin li għadhom qed ixekklu l-kisba ta’ ftehim, x’inhi l-pożizzjoni attwali tal-Ministeru dwar dawn il-punti, u jekk hemmx skeda ta’ żmien stabbilita biex din il-kwistjoni tiġi riżolta, fid-dawl tal-importanza tal-SDPs għall-ippjanar strateġiku, it-tmexxija u t-titjib kontinwu tal-iskejjel?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3569.

MUT – Direttiva dwar xogħol relatat ma’ SDPs – Diskussjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’diskussjonijiet saru jew qed isiru mal-Malta Union of Teachers (MUT) sabiex tinstab soluzzjoni għad-direttiva li nħarġet għall-ewwel darba fl-14 ta’ Ottubru 2020, u li reġgħet inħarġet fit-13 ta’ Ottubru 2021, li tipprekludi lill-membri tagħha milli jwettqu xogħol relatat mal-Pjanijiet ta’ Żvilupp tal-Iskejjel (School Development Plans – SDPs)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li hemm diskussjonijiet għaddejjin mal-MUT.

Student Support Services – Ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jintlaħaq ftehim fuq il-gradi ta' Student Support Services li skada fl-2023? Jista’ jgħid ukoll fiex waslu n-negozjati mal-Malta Union of Teachers (MUT) u x'qed iżomm biex jintlaħaq ftehim?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li d-diskussjonjiet bejn il-partijiet għadhom għaddejjin, fi spirtu ta’ djalogu u kooperazzjoni, bil-għan li jintlaħaq ftehim sostenibbli li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-impjegati kkonċernati.

Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport – Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3036 u jgħid kemm persuni ġodda ġew impjegati fl-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul din is-sena, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħataw promozzjonijiet interni matul l-istess perjodu? Jista’ wkoll jipprovdi d-dettalji mitluba separatament għal kull entità u awtorità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.

Għalliema tal-Malti – Taħriġ fit-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema tal-Malti li għandhom taħriġ speċjalizzat fit-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ninsab infurmat li mill-2017 ’l hawn, 148 għalliem tal-Malti li ggradwaw irċevew taħriġ mill-Università fit-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija. Barra minn hekk, numru ta’ għalliema segwew il-kors Postgraduate Certificate in Teaching Maltese as a Foreign Language, li ilu jiġi offrut sa mill-2019. L-Istitut għall-Edukazzjoni wkoll ilu joffri, sa mill-2020, taħriġ fit-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija lil dawk li qed isegwu l-kors fil-pedagoġija tal-Malti. Dawn l-inizjattivi jkomplu jsaħħu t-tħejjija professjonali tal-edukaturi biex ikunu jistgħu jappoġġjaw lill-istudenti li qed jitgħallmu l-Malti bħala lingwa addizzjonali.

Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport – Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-infiq fuq reklamar, marketing u relazzjonijiet pubbliċi mill-Ministeru tiegħu u minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità taħt ir-responsabbiltà tiegħu, separatament għas-sena 2025 u għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jipprovdi l-informazzjoni f’tabella li tindika, għal kull nefqa, l-entità li għamlitha, l-isem tal-fornitur, il-kampanja jew is-servizz, it-tip ta’ mezz użat, id-data jew il-perjodu tas-servizz, il-metodu ta’ akkwist u l-ammont, filwaqt li jispeċifika jekk dan jinkludix il-VAT?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u Sport, flimkien mad-dipartimenti, l-aġenziji, l-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għandu r-responsabbiltà u l-obbligu li jżomm lill-pubbliku infurmat dwar is-servizzi, il-proġetti u l-inizjattivi tal-Gvern, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom. Għal dan il-għan, fl-Estimi Finanzjarji tal-Gvern hemm provvediment taħt il-Vot 29, Information Services, li jinkludi allokazzjoni għall-pubblikazzjoni ta' avviżi, kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni, u materjal ieħor ta' komunikazzjoni permezz ta' diversi mezzi. Dawn l-estimi huma diġà ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tar-rendikont dettaljat mitlub, għandu jiġi ċċarat li l-ġbir, il-verifika u l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni għal kull nefqa, minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità, skont il-kategoriji u l-perjodi indikati fl-interpellanza, jirrikjedu eżerċizzju amministrattiv estensiv u l-użu ta' riżorsi sostanzjali. Dan l-eżerċizzju jkun jinvolvi ħin u riżorsi li għandhom jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa li l-amministrazzjoni tkompli twettaq il-funzjonijiet u s-servizzi tagħha b'mod effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.