Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #15440 Sitting 344 2020-06-16 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Childcare Centres – protokolli ta’ saħħa u sigurtà

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet 15038, 15039, 15040 jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-protokolli ta’ saħħa u sigurtà li ġew adottati mal-ftuħ taċ-childcare centres?

Response (BONNICI, OWEN)

Għal waqt il-pandemija tal-COVID-19, kull Childcare Care Centre jrid jimxi mal-linji gwida maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa: Guidelines for Childcare Centres li kopja tiegħu qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #15441 Sitting 344 2020-06-16 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

SkolaSajf – protokolli ta’ Saħħa u Sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15041 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-protokolli ta’ saħħa u sigurtà li se jiġu adottati mal-ftuħ ta’ SkolaSajf?

Response (BONNICI, OWEN)

Bħalissa qed isiru diskussjonijiet mal-Awtorità tas-Saħħa u stakeholders oħra dwar il-linji gwida għall-ftuħ tal-iskejjel tas-sajf fid-dawl tal-pandemija COVID-19. Kif il-linji gwida jkunu pubbliċi, il-ħaddiema kif ukoll il-ġenituri jkunu infurmati.
Leg 13 PQ #15442 Sitting 344 2020-06-16 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Korsa taż-Żwiemel tal-Marsa – impjegati full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema impjegati full-time mal-Korsa taż-Żwiemel tal-Marsa bħalissa u x’inhi r-responsabbiltà tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Malta Racing Club huwa klabb awtonomu.

Xgħajra – skola primarja — oġġetti

Question

Jista’ l-Ministru jara li d-diversi oġġetti li jinsabu barra mill-Iskola Primarja tax-Xgħajra jiġu miżmuma aħjar għal meta jkun jistgħu jiġu utilizzati għada pitgħada?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant kjarifika dwar x'qiegħed jinftiehem barra mill-iskola.
Leg 13 PQ #15434 Sitting 343 2020-06-15 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Kinder 1 – Class Support

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 14925 u 15170, jista’ l-Ministru jikkonferma hux minnu li f’April li għadda ħarġu struzzjonijiet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex is-sistema tal-Class Support li ġiet introdotta fil-Kindergarten 1 tiġi xolta? Jekk dan huwa minnu x’kien il-ħsieb wara dawn l-istruzzjonijiet? Peress li dan kien parti mill-ftehim kollettiv jista’ jgħid jekk kienx hemm ftehim mal-union dwar dan? Jekk dan mhux minnu, jista’ jgħid jekk il-capacity building sarx u jekk l-LSE Class Support hux se jkun kif stipulat fil-Ftehim Settorali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Leg 13 PQ #15435 Sitting 343 2020-06-15 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Kinder 1 — LSEs

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamenatri 14925 u 15170, jista’ l-Ministru kemm hemm total ta’ LSEs? Kemm hemm LSEs f’kull sena skolastika? Kemm mil-LSEs tal-Kindergarten 1 ħadmu bħala Class support u kemm baqgħu one to one?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li sal-Ġimgħa, 12 ta' Ġunju 2020, il-MEDE għandu 2,621 LSE fl-iskejjel tal-Istat. Matul is-sena skolastika 2019/20 kien hemm 90 LSE li ħadmu bħala Class Support mal-klassijiet tal-Kindergarten 1 u 132 LSE li kienu mal-istudenti statemented FT 1-1. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, qed tintalab kjarifika għax mhix ċara jekk hix tirreferi għal kull Year Group fis-sena skolastika 2019/2020 jew kemm kien hemm LSEs f’kull sena skolastika fil-Primarji ta-Istat qabel is-sena skolastika 2019/2020.
Leg 13 PQ #15436 Sitting 343 2020-06-15 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Kinder 2 – Class Support

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 14925 u 15170 jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi ffirmat d-dokument mal-knisja ta’ capacity building? Meta saret il-laqgħa li fiha ntlaħaq qbil dwar l-LSE Class support mar-rappreżentanti tal-knisja?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-MEDE jikkonferma li l-capacity building tat-Teaching staff ġie ffirmat u din il-ġimgħa reġa’ beda l-eżerċizzju li jwassal għall-għeluq tan-Non-teaching staff, wara li kien hemm l-approvazzjonijiet ta’ miżuri meħtieġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa għax dan hu abbinat ma’ sights visits. Il-capacity building tan-Non-Teaching għandu jiġi konkluż sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Sadanittant, tajjeb jiġi nnotat li l-iStatementing Panels bdew joperaw mill-10 ta’ Ġunju 2020, wara li l-miżuri meħtieġa ġew ukoll approvati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u minn din is-sena bdiet titħaddem ukoll sistema onlajn fejn tinġabar id-dejta meħtieġa mill-iskejjel tal-Knisja dwar studenti statemented u kemm ikun hemm bżonn ta’ LSEs allokati magħhom. Għalhekk il-proċess tal-approvazzjoni tal-capacity building tal-LSEs se jsir bħal ma dejjem sar fejn jibda jiġi diskuss f’Lulju biex jintemm sal-aħħar t’Awwissu. Dan se jkun qiegħed jimxi pari passu mad-deċiżjonijet li se jittieħdu fl-Iskejjel Statali minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija u l-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Leg 13 PQ #15437 Sitting 343 2020-06-15 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Studenti li ma humiex eleġibbli għall-benefiċċju tal-COVID-19

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 14045 u 14924 jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istudenti li ħadmu wkoll part-time u ħallsu NI bħal kull ħaddiem ieħor humiex se jieħdu l-benefiċċju tal-COVID-19 li ġie miċħud lilhom mill-Gvern fit-tliet xhur li għaddew?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif ġie spjegat mill-Onor. Prim Ministru, permezz tar-reviżjonijiet li saru fil-miżura tal-wage supplement iċċitata fid-domanda, issa anke l-istudenti jistgħu jgawdu. Għaldaqstant, min iħaddem issa jista’ japplika għas-sussidju fuq il-pagi anke ta’ studenti.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni f’kull entita/dipartiment/aġenzija/korporazzjoni/kumpanija li jaqgħu taħtu, xahar b’xahar, minn Jannar 2017 ‘il hawn u jaqsam l-informazzjoni skont l-entità u jagħti l-informazzjoni grad bi grad (mingħajr ma’ jagħti l-ismijiet tal-persuni)?

Response (BONNICI, OWEN)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar persuni impjegati minn Jannar 2017 ‘il hawn.

Argotti and Botanic Gardens Resource Centre – inizjattivi u studji

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14257, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jidhirlux li l-budget annwali ta’ madwar €10,500 (li ma jinkludix il-pagi) ma huwiex biżżejjed sabiex issir l-ħidma u r-riċerka fl-Argotti and Botanic Gardens Resource Centre, post strateġikament importanti għall-pajjiżna senjatament ukoll sabiex ikun hemm ġnien botaniku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għal bosta snin u sal-lum il-ġurnata il-baġit annwali baqa' l-istess. Iċ-Ċentru kien ħa sehem fi proġetti finanzjati minn entitajiet oħra u b’hekk seta’ jagħmel xogħol importanti u iktar voluminuż minkejja d-daqs modest tal-baġit allokat lilu. Kif kien ġie spjegat, proġett wieħed kien jinvolvi żvilupp ta' pakketti edukattivi marbutin mal-immaniġġjar tal-ġonna, u l-ieħor kien jinvolvi ġbir ta' żerriegħa u bini ta' bank taż-żerriegħa. Għalhekk, barra minn dawn il-proġetti, ir-riċerka li saret kienet dik li saret minn studenti ta' dipartimenti diversi. Hija l-fehma tal-bord tal-Argotti li din id-direzzjoni għandha tkompli u tissaħħaħ.
Leg 13 PQ #15140 Sitting 342 2020-06-10 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għaqdiet Volontarji f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għaqdiet volontarji f'Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 1559 organizzazzjoni reġistrati b’VO number. Barra minn hekk hemm 18-il organizzazzjoni oħra fit-Tieni Reġistru tal-CVO. Infurmat li hemm ukoll 85 organizzazzjoni li qed jiġu proċessati iżda qegħdin jistennew feedback mingħand il-klijenti.
Leg 13 PQ #15221 Sitting 342 2020-06-10 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – impjieg ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandhiex xi impjieg jew kuntratt ta’ xi forma mal-Ministeru tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament m'għandhiex xi impjieg jew kuntratt ta’ xi forma mal-Ministeru tiegħi.
Leg 13 PQ #15222 Sitting 342 2020-06-10 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – ħlas lil persuna

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kull ħlas li qatt sar mill-baġit tal-Ministeru tiegħu lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 sal-lum? Jista’ jagħti t-total għal kull sena bir-raġun għall-ħlas?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li mid-Direttorati/Entitajiet fi ħdan il-Ministeru tiegħi qatt ma ngħata ħlas lill-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament mill-2013 sal-lum.
Leg 13 PQ #15223 Sitting 342 2020-06-10 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – karozzi mixtrija/mikrija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi mikrija jew mixtrija li jintużaw mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħtu u f’liema sena ġew mixtrija jew mikrija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant, ħlief għal entità waħda, hu kif muri fil-lista li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li għad jonqos tingħata informazzjoni mill-Università ta' Malta. Dan it-tagħrif ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tingħatali din l-informazzjoni. L-Entitajiet l-oħra fi ħdan il-MEDE m’għandhomx karozzi mixtrija jew mikrija.
Leg 13 PQ #72 Sitting 341 2020-06-09 Written · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għawdex — Skolasajf

Question

Jista' l-Ministru jgħid dwar SkolaSajf f'Għawdex: a. meta mistennija tibda; b. f'liema skejjel ser tinżamm f'Għawdex; u c. kemm applikaw tfal Għawdxin biex jattendu SkolaSjf s'issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li Skolasajf ser tibda fl-1 ta’ Lulju u ser tkun imqassma kif ġej: - l-1 ta’ Lulju jibdew Year 4 ‘il fuq - it-2 ta’ Lulju jibdew Year 1 sa Year 3 - it-3 ta’ Lulju jibdew Kinder 1 u Kinder 2 Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, infurmat li f’dan l-istadju, peress li l-applikazzjonijiet għadhom miftuħin, l-FES għad trid tiddeċiedi liema ċentri ser jiftħu. Infurmat ukoll li sal-lum applikaw 278 tifel u tifla fi SkolaSajf f'Għawdex.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji — tmexxija

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14343, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija u jgħid min huma l-persuni li qed jokkupaw il-karigi msemmija fil-lista mogħtija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Virtual Learning Platform – ħidma tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat tal-ħidma tal-Gvern biex fis-sistema edukattiva, tiddaħal il-Virtual Learning Platform fl-iskejjel pubbliċi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Hei-Pladi Erasmus + (2018-2020) u SiMaSeed-Italia Malta (2018-2020)

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14257, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’riżultati ġew miksuba permezz tal-Hei-Pladi Erasmus + (2018-2020) kif ukoll dak ta’ SiMaSeed-Italia Malta (2018-2020) u jista’ jindika għaliex dak il-proġett ma baqax l-Argotti u għadda fid-Dipartiment tal-Bijoloġija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li skont ir-rapport finali, Innovazzjoni f'Sħubiji strateġiċi Erasmus +, It-tieni studju tal-impatt dwar ‘Higher Education Innovation in Plant Diversity: flexible learning paths for emerging labour market’, referenza 2015-1-IT02-KA203-014874 li kien tmexxa mill-Università degli studi del Molise, il-proġett HEIPLADI żviluppa, ittestja u implimenta programm pilota ta' edukazzjoni għolja fuq diversi kwistjonijiet tal-bijodiversità tal-pjanti. HEIPLADI isegwi l-prijoritajiet tal-aġenda ta' modernizzazzjoni tal-UE 2011 biex jgħammar il-ġenerazzjonijiet iżgħar b'ħiliet trasversali għas-swieq tax-xogħol ġodda emerġenti, bħall-impjiegi ħodor relatati mal-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent. Ħames moduli ta' tagħlim elettroniku ġew implimentati, disponibbli u użati minn suġġetti differenti: studenti, edukaturi, laboratorji, erbarja, mużewijiet, banek tal-ġeroplasmi, ġonna botaniċi, parks naturali tal-mixtli nazzjonalment u internazzjonalment. Seba' attivitajiet ta' taħriġ għal żmien qasir ġew organizzati waqt il-proġett bħala xogħol fuq il-post u bil-għan li jiżviluppaw ħiliet, japprofondixxu l-għarfien dwar is-suġġetti tal-modulu tat-tagħlim elettroniku. Dan il-progett wasal fit-tmiem tiegħu, waqt li dak tas-SiMaSeed ma baqax fi ħdan l-Argotti bi qbil mal-ex kuratur u koordinatur tal-proġett.

Community Work Scheme – ħaddiema ingaġġati

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14283, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa d-dħul annwali fl-2019 tal-ħaddiema ngaġġati fl-iskema Community Work Scheme Enterprise Foundation? Jista’ jinforma lill-Kamra f’liema postijiet qed jagħtu s-servizzi tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-dħul annwali fl-2019 tal-ħaddiema ingaġġati fl-iskema Community Work Scheme Enterprise Foundation huwa kif ġej: · Dawk l-impjegati li daħlu fl-2016 għandhom salarju annwali ta’ €11,699.52c + Bonuses tal-Gvern + Performance Bonus sa massimu ta’ €450 · Dawk l-impjegati li daħlu fl-2018 u wara, għandhom salarju annwali ta’ €11,543.52c + Bonuses tal-Gvern + Performance Bonus sa massimu ta’ €450 Dawn il-ħaddiema qed jagħtu s-servizzi tagħhom fil-postijiet kif indikat fit-tabella t’hawn taħt. MEDE 15 Ministry for Gozo 238 Local Councils 296 NGOs 70 Public Entities 67 State Colleges 231 Roaming 3
Leg 13 PQ #15169 Sitting 341 2020-06-09 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ftuħ ta’ Childcare Centres u Skolasajf – risk assessments

Question

Wara li tħabbar il-ftuħ taċ-Childcare Centers u Skolasajf, jista’ l-Ministru jippubblika r-risk assessments li saru?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.