Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wirt Kulturali Intanġibbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistix elenku tal-wirt kulturali intanġibbli ta' pajjiżna bħal għana, djaletti eċċ.?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent ma jeżistix elenku tal-wirt kulturali intanġibbli, madanakollu l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti se joħroġ lista f’dan ir-rigward.

Shooting ranges

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm żviluppi partikulari dwar il-possibilità li f'Malta jkollna iktar shooting ranges ta' livell internazzjonali, li fihom ikunu jistgħu jinżammu kompetizzjonijiet internazzjonali? Jekk iva, fejn mistenni jinbnew dawn ix-shooting ranges?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma hemmx żviluppi f’dan ir-rigward. Madanakollu l-isforzi għadhom għaddejjin.

studenti f'livell terzjarju li applikaw għal scribe

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti fil-livell terzjarju li applikaw għal scribe f'din is-sena skolastika? Tista' tgħid kemm intlaqgħu u x'ġara fil-każ ta' dawk l-istudenti li t-talba tagħhom ma ġietx milqugħa? X'sapport qed jingħataw dawn l-istess studenti biex ikompli għaddejin bl-istudji tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-Universita’ ta’ Malta għas-sena akkademika 2009-2010, żewġ studenti talbu għal scribe. Iż-żewġ studenti ngħataw scribe. L-ewwel student nieqes mid-dawl ( blind) ingħata scribe għall-eżami jew parti mill-eżami li hija multiple choice. Fil-kumplament hu juża laptop mhux scribe . It-tieni student għandu cerebral palsy u għalhekk ma jistax juża idejh biex iħaddem il-laptop . Dan jiġi mitlub jispelli l-kliem tekniċi (t-terminoloġija). It-talba għal scribe ssir f’każijiet ta’ studenti b’diżabilità fiżika li ma jistgħux jużaw idejhom biex iħaddmu laptop . L-istudenti l-oħra jużaw laptop . L-MCAST għandu student wieħed li qed isegwi programm ta’ Diploma Nazzjonali Ogħla (HND) u li waqt l-eżamijiet/assessjar jitlob l-għajnuna tal- Learning Support Assistant biex tiktiblu ( scribe ).

studenti dyslexic jiġu allokati scribe waqt l-eżamijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-kriterji li qed jiġu segwiti biex studenti dyslexic jiġu allokati scribe waqt l-eżamijiet f'korsijiet l-Università għal kull kors separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Bord tal-ADSC (Access – Disability Support Committee) isegwi l-linji gwida li għaddew mis-Senat tal-Università ta’ Malta. Dawn jinstabu fid-dokument University of Malta Disability Support Services and Access Arrangements 2009 li jinstab ukoll fuq il-website tal-Università kif ukoll tal-KNPD. Ir-risposta tinstab f’1.4 fuq paġna 13, 5.2 fuq paġna 19, 5.8 f’paġna 21-22, 8.4.2.3 (dwar reader) paġna 42, tad-dokument. Ma jingħatax scribe għal ebda kors l-Università għal studenti bid- dyslexia . L-istudent bid- dyslexia jingħata iktar ħin. Kull student b’diżabilità li ma tippermettilux aċċess għal kitba jingħata permess li juża’ l-kompjuter mingħajr l-i spellcheck u grammar check . Jużaw in- Notepad.

Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada — contract of service

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-contract of service tal-persuna, li dettalji tagħha qed jidhru separatament, li huwa impjegat tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada u fl-assenza ta' dan id-dokument, tinforma lill-Kamra x'inhi r-remunerazzjoni annwali tiegħu inkluż ukoll benefiċċji u perkaċċi oħra li jgawdi minnhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kottonera — Kulleġġ Santa Margerita - prinċipal ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilu bla prinċipal il-Kulleġġ Santa Margerita tal-inħawi tal-Kottonera? Għaliex tħalla bla prinċipal? Kif qed jimxi u jitmexxa bla prinċipal? Meta se jinħatar prinċipal ġdid?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Waqt li l-Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Margerita laħaq Direttur hu qiegħed iżomm il-kariga ta’ Prinċipal sakemm il-pożizzjoni timtela. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet biex timtela din il-vakanza kienet ippublikata fil-gazzetta tal-gvern datata 27 ta’ Ottubru 2009. L-applikazzjonijiet intlaqgħu sa nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Novembru 2009 u beda l-proċess tal-għażla.

Subien, bniet, ġuvintur u tfajliet statemented jew diżabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandha subien u bniet, ġuvintur u tfajliet statemented jew definiti bħala diżabbli: a) F'Malta b) F'Għawdex fil-livelli a) ta' kindergarten? b) tal-primarja? ċ) tas-sekondarja? d) post-sekondarju? e) MCAST? f) l-Università ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Lista tal-ismijiet tal-bordijiet li jaqgħu taħt il-ministeru tagħha

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, lista sħiħa tal-bordijiet kollha bl-ismijiet tal-persuni li jikkostitwuhom u li taħtar il-Ministru fl-oqsma kollha li jaqgħu taħt il-ministeru tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Royal College of Surgeons in Ireland — ftuħ f'Malta

Question

Iżjed minn sentejn ilu l-Ministeru u l-Università ta’ Malta bdew taħdidiet deskritti li kienu waslu “Fi stadju avvanzat” biex ir-Royal College of Surgeons in Ireland (RCSI) jiftaħ ċentru f’Malta u joffri korsijiet universitarji fil-qasam tal-mediċina, tista' l-Ministru tgħid meta huwa maħsub li jiftaħ dan iċ-ċentru peress li kien intqal li kellu jiftaħ f’Settembru 2008?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-Royal College of Surgeons in Ireland hu wieħed minn żewġ istituzzjonijiet edukattivi li wrew interess li joffru korsijiet fil-qasam tal-mediċina hawn Malta. Kien hemm interess ukoll mis-St. George’s College tal-Universita’ ta’ Londra bi sħab mal-Universita’ ta’ Malta. Inħatar Working Group biex jiffoka fuq iż-żewġ proposti, fid-dettal kollu tagħhom. Il- Working Group ippreżenta r-rapport tiegħu, liema rapport kien diskuss mill-Ministeru tal-Politika Soċjali u mill-Ministeru tal-Edukazzjoni imma deċiżjoni finali għadha trid tittieħed.

Ministri, Segretarji Parlamentaru u Deputati li ġew intervistati fuq mezzi tax-xandir

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intervistaw Ministri/Segretarji Parlamentari u Deputati tal-Gvern u l-Oppożizzjoni fuq il-mezzi tax-xandir ta' TVM u Education Channel bejn Jannar u Settembru 2009?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ items politiċi fil-bulettini tal-aħbarijiet tat-tmienja ta’ TVM minn Jannar sa Settembru kien kif ġej: Topic Prim Ministru – Gvern 91 Prim Ministru – Attivita’ Partit 53 Kap tal-Oppożizzjoni 104 Ministri u Segretarji Parlamentari – Gvern 392 Ministri u Segretarji Parlamentari – Partit 11 Kap tal-Oppożizzjoni – Attivita’ Partit 74 Items Politici PN 99 MLP 168 AD 65 AN 16 Uħud mill- items kellhom intervisti. Ma tinżammx statistika dwar liema ministru deher fl-aħbarijiet jew kemm-il darba deher. Fl-aħbarijiet jidħlu l- items li jkollhom valur t’aħbar u kif turi l-istatistika, il-politika m’għadhiex tokkupa parti ċentrali fl-aħbarijiet.

proġett tal-kunsilli lokali taż-żgħażagħ

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma d-29 kunsill lokali li applikaw biex jipparteċipaw fil-proġett tal-kunsilli lokali taż-żgħażagħ? Fiex jikkonsisti dan il-proġett ? X'opportunità se jkollhom dawn il-kunsilli lokali? X'għajnuna finanzjarja se jagħti l-Gvern f'dan il-proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsilli Lokali li applikaw biex jipparteċipaw fil-Proġett tal-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ huma 29. Dawn huma dawk tal-Birgu, Birkirkara, Bormla, Birżebbuġa, Fgura, Floriana, Gudja, Iklin, Imtarfa, Imsida, Isla, Kirkop, Mosta, Nadur. Naxxar, Pietà, Qormi, Rabat (Malta), Rabat (Għawdex), San Ġwann, San Ġiljan, San Lawrenz, San Pawl il-Baħar, Siġġiewi, Swieqi, Tarxien, Valletta, Ħaż-Żebbuġ u Żurrieq. Il-proġett qed joffri possibilta’ ta' djalogu strutturat bejn iż-żgħażagħ u l-Kunsill Lokali billi jagħti opportunità liż-żgħażagħ li: 1) jipparteċipaw fi proċess ta' diskussjoni politika 2) iwasslu leħinhom b’mod dirett qudiem il-Kunsill Lokali. Il-proġett joffri taħriġ lill-Kunsilliera żgħażagħ li jkunu qed jipparteċipaw biex jipprovdihom b'ħiliet neċessarji għall-politika lokali fosthom: tagħrif dwar il-liġi tal-Kunsilli Lokali, kif jitfassal pjan ta’ ħidma, korsijiet dwar diskorsi fil-pubbliku, kif jittieħdu minuti ta’ laqgħa, kif tirrelata mal-pubbliku, taħriġ dwar kif tapplika għall-fondi tal-Unjoni Ewropea biex tkun tista’ timplimenta proġetti fil-komunità.‬‪ Il-proġett qiegħed ikun iffinanzjat mill-Gvern b' €70,000. Il-Kunsilli Lokali huma obbligati li joffru l-post għall-laqgħat tal-Kunsill taż-Żgħażagħ kif ukoll assistenza amministrattiva.

nefqa fuq xogħlijiet ta' arti jew oqsma kreattivi

Question

Tista' l-Ministru, in vista ta' l-istqarrija msemmija f'paġna 49 tal-Budget għas-sena 2008 fejn fiha kien intqal li 0.25% ta' l-ispiża ta' kull proġett kapitali jew infrastrutturali kellhom jintnefqu fuq xogħlijiet ta' arti jew oqsma kreattivi, tagħti lista ta' kemm flus ġew allokati permezz ta' dan il-mekkaniżmu tal-0.25% xahar b'xahar mill-2008 sal-lum? Min ibbenefika minn dawn il-fondi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kunsill Nazzjonali taz-Żgħażagħ — fondi marbuta mal-iskema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu sena b'sena mill-1998 sal-lum fondi marbuta mal-iskema tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ biex isiru inizjattivi mal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ f'numru ta' lokalitajiet? Kemm għandna Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ f'pajjiżna? Kemm ipparteċipaw b'kollox żgħażagħ sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proġett tal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ qiegħed jiġi organizzat flimkien mal-Kunsill Nazzjonali għaż-Żgħażagħ għall-ewwel darba. Għal dan il-proġett il-Gvern qed jalloka s-somma ta’ €70,000. Din is-sena applikaw 29 Kunsill Lokali u fil-preżent hemm miftuħa l-applikazzjonijiet għall-partecipazzjoni taż-żgħażagħ.

ħidma tal-Programm Budz

Question

Tista' l-Ministru tagħti spjega tal-ħidma tal-Programm Budz li, skont il-budget tas-sena 2009 (paġna 71) kellha toffri ħidma lil diversi żgħażagħ li huma meqjusin li qegħdin fil-periklu? Kemm ġew allokati fondi għall-Programm Budz? Kemm intnefqu fondi għall-Programm Budz? Kemm kien in-numru ta' żgħażagħ li gawdew minn dan il-programm?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Skola tal-Arti — għalliema u kwalifiki

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-istudenti li attendew l-Iskola ta' l-Arti sena b'sena fl-aħħar ħames snin? Minn liema lokalitajiet kienu ġejjin? Kemm intnefqu fondi għall-Iskola ta' l-Arti sena b'sena fl-aħħar ħames snin? Kemm kien hemm għalliema jgħallmu fl-Iskola ta' l-Arti sena b'sena fl-aħħar ħames snin? X'tip ta' kwalifiki għandha poter li tagħti l-Iskola tal-Arti? Jeżisti pjan biex l-Iskola ta' l-Arti taġġorna għaż-żmenijiet tal-lum u ssir istitut veru u proprju bil-poter li jagħti diplomas jew anke degrees? Jikkonsidra l-Gvern li istitut bħal dan ikun miftuħ ukoll għal żgħażagħ minn 14-il sena 'l fuq bħalma jiġri f'pajjizi bħall-Ingilterra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta' Malta — studenti gradwati

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' gradwati mill-Università ta' Malta li gradwaw din is-sena? Kemm kien in-numru ta' gradwati minn kull lokalità ta' Malta u Għawdex rispettivament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Occupational Therapists

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li tfal li għandhom bżonn assessment mill-occupational therapist biex ikunu jistgħu jiġu allokati facilitator qed ikollhom jistennew xhur sħaħ bil-konsegwenza li bosta ġenituri qed ikollhom jirrikorru għal occupational therapists privati minflok ma qegħdin jieħdu s-servizz mill-occupational therapists tal-Gvern ? X'qed isir min-naħa tal-Gvern biex din is-sitwazjoni titranġa ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Heritage Malta — direct order għal servizz ta' securities

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk hux veru li qed jingħata direct order mill-Heritage Malta għal servizz ta’ securities lill-kumpanija Signal 8? Jekk iva, tista’ tgħid kemm ilu jingħata dan id-direct order u jekk kienx hemm l-awtorizzazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi sabiex dan jingħata? Jekk iva, tista’ tgħid għaliex ingħata bħala direct order u qatt ma nħareġ tender kif soltu jsir f’każijiet bħal dawn? Tista’ tgħid kemm kien il-ħlas li tħallset il-Kumpanija Signal 8 kull siegħa permezz ta’ dan id-direct order?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Heritage Malta tħaddem 4 kumpaniji tas-“Security”. Signal 8 tqabbdet tagħti servizz ta’ security lil Heritage Malta b’ordni interna f’Ottubru 2007. Ma kienx hemm awtorizzazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi u jiena nfurmata li ma nħariġx tender għaliex dak iż-żmien inqalgħu esiġenzi ta’ urġenza peress li l-kuntrattur li kellu t-tender ma setgħax iforni biżżejjed għassiesa. Għaldaqstant Signal 8 kienu tqabbdu fuq mertu ta’ rati iżjed baxxi minn dawk tal-kumpanija li għandha l-kuntratt mogħti b’tender. Wiehed irid japprezza l-fatt li minn żmien għal żmien jinqalgħu sitwazzjonijiet mhux previsti bħal per eżempju meta kkrolla l-ħajt madwar is-sit f’Tas-Silġ u kellhom jitqabbdu minnufih għassiesa fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum. Il-ħlas li titħallas il-kumpanija Signal 8 kull siegħa ma għandux jingħata għaliex huwa ta’ natura kummerċjali. Iżda nikkonferma li r-rata hija irħas minn dik tal-kuntrattur imqabbad bit- tender . Mal-ħatra tal- Board Secretary il-Bord tad-Diretturi talab biex jiġu eżaminati kull relazzjoni kuntrattwali li għandha Heritage Malta, fosthom is-servizz tas-sigurta’ liema spiża hija sostanzjali. Heritage Malta għaddejja b’eżerċizzju biex kull fejn inħolqu każijiet li ngħata xogħol/ ordnijiet mingħajr tender jinħarġu t- tenders meħtieġa. Sa mit-23 ta’ Settembru 2009 inghataw struzzjonijiet biex nipproċedu bil-ħruġ ta’ tenders għal: vetturi; sigurtà, tindif, u pest control .

Applikazzjonijiet għad-dħul fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknologija,

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw żgħażagħ għas-sena akkademika 2009 – 2010 għal kull kors ta’ kull istitut tal-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknologija, istitut b’istitut, kors b’kors? Kemm ġew aċċettati f’kull każ u kemm tħallew barra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.