Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji biex tidħol fix-shelters tal-anzjani?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tipprovdi servizz ta’ Night Shelter bi skop li joffri kenn sigur għal matul il-lejl lill-anzjani li jgħixu waħedhom u li għal diversi raġunijiet iħossuhom insekuri f’darhom.
Il-kriterji ta’ eliġibilità huma:
· Anzjani li għandhom minn 60 sena ’l fuq li jgħixu waħedhom u li jgħixu ħajja indipendenti jew jirrikjedu assistenza minima fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ kuljum.
· Persuni li ma jbatux minn xi kundizzjoni medika (bħad-dimensja) li tista’ tkun ta’ problema għal klijenti oħra li jużaw in-Night Shelter.
· Dan is-servizz huwa bi ħlas ta’ €2 għal kull lejl.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn djar tal-anzjani tal-Gvern rispettivament għal Malta u għal Għawdex?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hawn tmint idjar tal-anzjani tal-Gvern ġewwa Malta.
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni dwar Għawdex lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm djar tal-anzjani tal-Gvern f'Malta u f'Għawdex li saritilhom spezzjoni mis-Social Project Management Ltd. jew spezzjonijiet minn entitajiet ekwivalenti li jirrigwardjaw sigurtà fl-istruttura?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni lill-Ministeru kkonċernat.
Djar tal-anzjani — Rapporti ta' spezzjonijiet tas-sigurtà
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti ta' spezzjonijiet tas-sigurtà li nħarġu mis-sena 2020 ’il quddiem fuq id-djar tal-anzjani kollha f'Malta u f'Għawdex?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti istruzzjoni lil Infrastructure Malta biex tneħħi t-tarmak li tpoġġa fin-niżla ta’ Għar Lapsi u minflok tagħmel pavimentar addattat għall-ambjent bħalma wieħed jistenna?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva — impjegati minn ħaddiema ta’ aġenziji tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023 sal-lum?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferri għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10169.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva — persuni li għandhom disturbance allowance
Question
Jista' l-Ministru jgħid fil-Ministeru mmexxi minnu, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom disturbance allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 9573, ninfurmah li l-ebda persuni li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti mill-kuntratt tagħhom, għax huma parti jew jaħdmu mas-segretarjat.
Jista’ l-Ministru jindika x’sar f’dawn l-aħħar tliet snin sabiex anzjani joħorġu l-potenzjalità tagħhom għall-benesseri fiżiku, soċjali u mentali tagħhom?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li inizjattivi f’dawn l-aħħar tliet snin sabiex l-anzjani joħorġu l-potenzjal tagħhom għall-benessere fiżiku, soċjali u mentali tagħhom kienu bosta. L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jdum magħluq iċ-ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani fil-Ħamrun? Jista’ jgħid jekk l-anzjani kollha li kienu jattendu f’dan iċ-ċentru illum humiex qed jattendu ċentri oħra fil-viċinanzi?
Jista’ jgħid ukoll kemm kienu jattendu anzjani fiċ-ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani eżatt qabel ma ngħalaq? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-anzjani qed jattendu ċentri oħrajn u jinkludi wkoll in-numru ta’ anzjani li qed jattendu f’kull ċentru?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninsab infurmat, fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Ħamrun kienu qed isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni u se jerġa jiftaħ f'Lulju. Il-membri kollha li kienu jattendu ċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Ħamrun ingħataw l-opportunità li jattendu ċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva ta' Santa Venera li hu ferm viċin. Qabel ma għalaq iċ-Ċentru tal-Ħamrun kienu jattendu 62 anzjan.
51 minnhom qed jattendu ċ-Ċentru ta’ Santa Venera. Il-kumplament tal-membri l-oħra ppreferew li jistennew li jerġa jiftaħ ċ-Ċentru tal-Ħamrun.
Servizz ta’ Telecare – ħlasijiet li jintalbu mill-anzjani
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-ħlasijiet kollha, separatament minn xulxin, li l-anzjani jistgħu jintalbu jagħmlu mill-kumpanija li tipprovdi s-servizz ta’ Telecare? Jista’ jgħid jekk dawn il-ħlasijiet jitħallsux kollha mill-anzjani nfushom?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninsab infurmat li għas-Servizz tat-Telecare l-anzjani jintalbu jħallsu depożitu ta’ €25 li jitħallas mal-installazzjoni, liema depożitu hu rifondibbli jekk jitwaqqaf is-servizz u s-sett jiġi ritornat. L-anzjani jħallsu wkoll €4 fix-xahar bħala kera għal dan is-servizz.
Minn naħa l-oħra anzjani li għandhom ’il fuq minn sittin (60) sena u li m’għandhom lil ħadd jgħix magħhom fl-istess residenza, taħt is-sittin (60) sena, huma eżentati milli jħallsu l-kera ta’ €4 fix-xahar jekk jippreżentaw il-Karta r-Roża valida, maħruġa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jew il-Karta Safra valida, maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa, li turi li l-applikant jew xi ħadd ġo l-istess dar ibati mid-dijabete.
Peress illi fil-Financial Estimates 2023 m’hemm ebda item speċifika ta’ flejjes approvati għat-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid tad-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla, jista’ l-Ministru jgħid minn fejn se jkun qed jiffinanzja dan il-proġett? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa s’issa tal-Gvern relatata ma’ dan il-proġett?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninsab infurmat li billi t-tender ħa tkun, Disinn, Bini, Żamma tal-Manutenzjoni u Operat tad-Dar (Design, Build, Maintain and Operate), il-Gvern mhux ħa jkun qed joħroġ flus għall-bini mill-ġdid ta’ din id-dar. Il-ħlas jibda jsir meta tkun lesta u jsir fuq il-kunċett tal-Public Private Partnership.
Jista' l-Ministru jgħid kemm vetturi ġew leased/mikrija mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Meta ġew leased/mikrija, mingħand min, kemm jiswew kull sena u min jużahom?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant biex jireferri għall-mistoqsijiet parlamentari numri 6209 u 6228, infurmat li San Vinċenz de Paul jikri vann wieħed li jintuża mis-sewwieqa tal-faċilità biex jinġarru ċilindri tal-ossiġnu, provvisti għas-swali eċċ. Il-vann jinkera minn Godwin’s Garage wara li saret sejħa għall-offerti u din is-sena ntefqu €8,250. Kif ukoll l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tikri 9 vetturi kuljum għas-servizz tas-Silver-T. Dawn huma maqsuma, 7 għas-servizz ġewwa Malta u 2 għas-servizz ġewwa Għawdex. Il-vetturi ta’ Malta jinkrew €10.62 kuljum, filwaqt li ta’ Ghawdex jinkrew €12.00 kuljum. Il-vetturi kollha jinkrew mingħand Altour Co. Ltd. Il-bqija tad-dekasteru m’għandhomx vetturi leased.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva — persuni li għandhom mobile allowance
Question
Jista' l-Ministru jgħid fil-Ministeru mmexxi minnu, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom mobile allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba numru 9554, ninformah li hemm 16 persuni li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti mill-kuntratt tagħhom, għax huma parti jew jaħdmu mas-Segretarjat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jingħatax taħriġ lill-carers li jaħdmu fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum? Jekk iva, kemm-il darba jingħata dan it-taħriġ, fejn ingħata dan it-taħriġ u fiex kien jikkonsisti?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx carers fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il servizz jeżisti fid-djar residenzjali tal-anzjani u liema huma? Jista’ jgħid ukoll jekk l-anzjani u l-familjari tagħhom ikunux infurmati b’dawn is-servizzi u jekk iva x’tip ta' informazzjoni tingħata u kif?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8228 li ngħatat fis-Seduta 116 tat-2 ta’ Mejju 2023.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7743 dwar carers f’San Vinċenz de Paul, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-406 carer huma ħaddiema mal-Gvern u kemm minnhom huma mal-kuntrattur?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn total ta’ erba’ mija u sitta (406) carers Maltin; mitejn u sebgħa u sebgħin (277) huma impjegati fis-servizz pubbliku u l-kumplament jiġifieri mija u disgħa u għoxrin (129) huma tal-kuntrattur.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk tqassmux Welfare hampers lill-anzjani fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern, inkluż ir-Residenza San Vinċenż De Paul, mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jekk le, għaliex twaqqfu? Jekk iva, min kien/u l-fornitur/i? Kemm tqassmu hampers kull darba? Kemm-il darba tqassmu tul kull sena partikolari, sena b’sena? Kemm sewa kull hamper? Fiex kien jikkonsisti kull hamper? Kif intgħażlu l-fornituri, jekk hux b’tender jew modi oħrajn?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-hampers lill-anzjani f’San Vinċenz de Paul baqgħu jitqassmu mill-Welfare Committee f’okkażjonijiet annwali bħal Jum l-Omm, Jum il-Missier u l-Milied.
Ninsab infurmat biex l-Onor. Interpellanta tirreferri għall-Ministeru li taħtu taqa’ r-responsabbilità tal-Welfare Committee biex tingħata l-informazzjoni l-oħra mitluba.
Bormla – Dar tal-Anzjani – infiq ta’ flus f’miljoramenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f’miljoramenti fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla, sena b’sena, mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tista’ tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9232 (Seduta Nru 128 tat-30 ta’ Mejju 2023) għall-informazzjoni mitluba għall-perjodu 2019 sal-2023.
Informazzjoni dwar il-perjodu 2013 sal-2018 ma tistax tingħata minħabba li bdiet tintuża sistema ġdida taż-żamma tal-informazzjoni msejħa CFMS, fejn għad ma ġietx inkorporata fiha l-informazzjoni tas-snin qabel l-2018 meta kienet tintuża sistema differenti magħrufa bħala DAS.
B’referenza għall-għeluq tad-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla, jista’ l-Ministru jgħid qabel ma ħareġ l-istqarrija fejn ħabbar li se tingħalaq din id-Dar, jekk il-Kunsill ta’ Bormla qattx kien ikkonsultat dwar dan jew tal-inqas ġiex uffiċjalment informat? Jekk iva, jista’ jgħid meta ġie kkonsultat/informat u kif, jekk hux permezz ta’ laqgħat, jekk hux b’korrispondenza uffiċjali jew b’xi forma oħra? Jista’ jagħti d-data/i meta seħħet din il-konsultazzjoni/informazzjoni?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tħabbira li se jsir xogħol estensiv biex din id-dar tkun waħda li tilħaq il-livelli tal-lum, kienet meħtieġa fl-interess tar-residenti ta’ din id-dar li jixriqilhom li jgħixu f’ambjent sigur u ta’ livell għoli.
Il-Gvern iħoss li jkun irresponsabbli kemm-il darba jippermetti li xi ħadd taħt ir-responsabbiltà tiegħu jgħix fi struttura b’nuqqas serju ta’ standards u f’periklu ċar ta’ sigurtà.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar ġimgħat sar kuntatt mas-Sindku tal-lokalità ta’ Bormla, u saret ukoll laqgħa li għaliha kienu mistiedna s-Sindki tal-Kottonera.