Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu sabiex jitjieb is-servizz tal-Meals on Wheels f’dawn l-aħħar sentejn u sad-data li tiġi imwieġba din il-mistoqsija? Kemm jiswa dan is-servizz kull sena u kemm hemm persuni li qed jirċievu dan is-servizz?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ttieħdu dawn l-inizzjattivi sabiex jitjieb is-servizz tal-Meals on Wheels f’dawn l-aħħar sentejn:
· Matul dawn l-aħħar sentejn konna f’kuntatt regolari mal-kuntrattur fejn inwasslu l-ilmenti miġjuba mill-anzjani li jużaw is-servizz u hekk dawn jiġu investigati u biex is-servizz jitjieb.
· Tfassal menu li jinbidel kull erba’ (4) xhur biex b’hekk l-ikel ikun varjat.
· Il-kuntrattur impjega skrivana sabiex tiġbor l-għażla tal-anzjani li ma jkunux bagħtu l-folji tal-menu mimlija u wkoll biex tistaqsi x’jippreferu jieklu lil dawk li jkunu se jibdew is-servizz.
· Bi ftehim mal-kuntrattur, żdiedet persuna f’kull rotta biex l-ikel jitqassam aħjar u f’inqas ħin.
· Ħa jibdew it-taħdidiet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali dwar fejn jitħalla l-ikel f’każ li l-persuna ma tkunx id-dar.
· Għadha kif ħarġet tender li fih hemm ukoll titjib fl-ikel li se jkun servut.
Dan is-servizz ġie jiswa €380,382.50 fis-sena 2019 u €537,655.00 fis-sena 2020 u sa l-aħħar ta’ Diċembru, 2020, kien hemm 796 persuna li qed jużaw dan is-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali wettqitx moniteraġġ dwar is-servizzi mogħtija lill-anzjani? Jekk iva, meta sar dan il-moniteraġġ u x’rakkomandazzjonijiet saru minn din l-Awtorità biex is-servizzi mogħtija lill-anzjani, jitjiebu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Diċembru tal-2020 l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali għamlet 2172 viżta ta’ moniteraġġ fis-servizzi tal-anzjani. Minn dawn il-viżti l-Awtorità ħarġet 1572 kundizzjoni għal-liċenzjar u rakkomandazzjoniet dwar l-istruttura, il-kwalità tal-kura, l-immaniġġjar tas-servizzi u l-attivitajiet organizzati. Il-provdituri tas-servizz ippreżentaw pjan ta’ azzjoni sabiex jindirizzaw kull nuqqas. Importanti li nsemmu li l-Awtorità rat li kull pjan ta’ azzjoni ġie jew qed jiġi implimentat skont il-każ.
Anzjani u persuni vulnerabbli li joqogħdu l-Mellieħa – tilqima tal-vaċċin tal-COVID-19 miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema raġuni l-anzjani u l-persuni vulnerabbli li joqogħdu fil-lokalità tal-Mellieħa qed ikunu mġielgħa bi skariġġ li jmorru fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta sabiex jieħdu l-vaċċin tal-COVID-19 u dan meta tista’ tingħata fil-Berġa tal-Mellieħa li tinsab biswit Dar il-Madonna tal-Mellieħa?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jibgħat din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-kumpaniji li ngħataw kuntratti biex jinstallaw stair lifts issussidjati mill-Awtorità tad-Djar sena b’sena bejn l-2016 sal-lum?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17206 u jgħid x’inhuma d-drittijiet tal-anzjani li jkunu morda bil-COVID-19 meta dawn jkunu jgħixu f’residenza tax-xjuħ? Id-drittijiet tal-pazjent u tal-qraba huma l-istess kemm f’residenza pubblika kif ukoll f’dik privata?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fejn jirriżulta li residenti fid-djar tal-anzjani jkunu nfettati bil-Covid-19 qed jiġu segwiti l-protokolli ssettjati mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17446 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm qiegħda tiġi tiswa lill-Gvern kuljum sodda fil-Good Samaritan Hospital? Jista’ jgħid mil-liema baġit qed jitħallsu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din hija informazzjoni kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata.
Kors ta’ taħriġ — carers/membri tal-familja li jieħdu ħsieb anzjani u persuni b’diżabilità fil-komunità
Question
Jista’ l-Ministru jindika jekk humiex se jiġu organizzati xi korsijiet ta’ taħriġ għal dawk il-carers / membri tal-familja li jieħdu ħsieb l-anzjani u persuni b’diżabilità fil-komunità?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Minħabba il-pandemija tal-COVID-19 il-programm “10- week programm” kellu jiġi pospost u l-kors mistenni li jitkompla fi Frar 2021 permezz ta’ Online Sessions.