Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġwann – Proġett mill-Aġenzija Project Green – Studju ġeoloġiku

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11867, fejn intqal li ser ikun hemm “żvilupp ta’ parkeġġ ta’ 3 sulari taħt l-art”, tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx studju ġeoloġiku fuq il-pedamenti tal-housing estate u tal-madwar? Jekk iva, tista’ tqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kull skavar, twaqqigħ jew kostruzzjoni ser isiru skont il-permessi u dak stipulat mil-liġi LN136 tal-2019. Barra minn hekk, il-proprjetà tal-Housing Estate mhix ser tintmiss bl-ebda mod.

San Ġwann – Proġett mill-Aġenzija Project Green – ħarsien tar-residenti waqt xogħol ta’ skavar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11867, fejn il-Ministru qalet li “l-ewwel fażi se tkun qed tiffoka fuq l-iskavar u l-iżvilupp ta’ parkeġġ ta’ 3 sulari taħt l-art” fejn hemm preżentament il-car park madwar Misraħ Lewża, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-pjanijiet biex ir-residenti jkunu jistgħu jkomplu għaddejjin bil-ħajja tagħhom waqt li jsir l-iskavar? Tista’ tgħid jekk hux minnu li r-residenti ser jintalbu biex jinħarġu minn djarhom fid-dawl li fl-unika laqgħa ta’ informazzjoni ġie użat it-terminu ‘displacement’ ta’ nies matul ix-xogħlijiet? Tista’ tgħid ukoll x’qed tifhem bit-terminu ‘displacement’ tan-nies?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li Project Green la qatt tkellmet dwar ‘displacement’ ta’ nies waqt ix-xogħlijiet u lanqas għandha fi ħsiebha li tagħmel dan.

San Ġwann – Proġett mill-Aġenzija Project Green – Diskussjonijiet mal-Awtorità tad-Djar

Question

B’referenza għall-proġett ta’ Project Green f’San Ġwann, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Aġenzija Project Green kellhiex diskussjonijiet mal-Awtorità tad-Djar fuq dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12306.

San Ġwann – Proġett mill-Aġenzija Project Green – Diskussjonijiet mas-sidien tal-knisja parrokkjali

Question

B’referenza għall-proġett minn Project Green f’San Ġwann, fejn ser isir l-iskavar ta’ mina u underground parking quddiem u madwar il-Knisja Parrokkjali, tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm konsultazzjonijiet uffiċjali, bid-dettalji tal-pjanti u studju mal-Provinċjal tal-Patrijiet Kappuċċini li huwa s-sid ta’ din il-Knisja? Jekk iva, tista’ tagħti d-data ta’ meta saru dawn il-laqgħat u x’kien l-eżitu tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li f’April li għadda, Project Green kellha laqgħa uffiċjali mal-kappillan u l-patrijiet tal-Paroċċa ta’ San Ġwann, li għaliha kienu preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija u s-Sindku tal-lokalità. Matul din il-laqgħa ġew diskussi diversi aspetti tal-proġett u s-suġġerimenti li kienu mressqa, ġew ikkunsidrati fl-ippjanar tal-proġett.

ERA — Rapporti dwar irwejjaħ ta’ tarmak jew qatran minn impjant

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11866, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-investigazzjoni u l-eżitu tal-“ispezzjonijiet fuq l-operat sabiex tara li ma jkunx hemm emissjonijiet eċċessivi fl-arja” li saru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) marret aktar minn 15-il darba fuq is-sit, fejn minkejja li m’għandhiex mansjoni diretta, talbet lill-operatur jindika x’miżuri ta’ mitigazzjoni għandu l-impjant, fejn l-ERA ġiet infurmata illi l-impjant inbidel b’makkinarju ġdid. Fir-rigward ta’ emissjonijiet fl-arja, jirriżulta li l-kejl tal-emissjonijiet ta’ Komposti Organiċi Volatili (Volatile Organic Compounds) li wettqet l-ERA fiż-żona, bħala parti mill-programm nazzjonali ta’ monitoraġġ madwar Malta skont id-Direttiva tal-Kwalità tal-Arja Ambjentali, mhux jaċċedi l-limitu impost mil-liġi.

Il-Qawra — Drenaġġ ħiereġ fit-toroq

Question

Peress li fi Triq Carmelo De Lucca, fil-Qawra jew fl-inħawi tal-istess triq bħal pereżempju Triq Andrew Cunningham jirriżulta li hemm drenaġġ/ilma kkontaminat (maħmuġ) ħiereġ u ilu ħiereġ għal numru ta’ ġranet, tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex dan id-drenaġġ ma jibqax ħiereġ minħabba l-perikli li qed joħloq? Jekk sal-ġurnata li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari tkun ittieħdet azzjoni, tista’ l-Ministru tgħid x’azzjoni tkun ittieħdet u meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12551.

San Pawl il-Baħar — Drenaġġ ħiereġ fiż-żona tal-iskola primarja

Question

Peress li fiż-żona tal-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar jirriżulta li hemm drenaġġ/ilma kkontaminat (maħmuġ) ħiereġ u ilu ħiereġ għal numru ta’ ġranet, tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex dan id-drenaġġ ma jibqax ħiereġ minħabba l-perikli li qed joħloq? Jekk sal-ġurnata li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari tkun ittieħdet azzjoni, tista’ l-Ministru tgħid x’azzjoni tkun ittieħdet u meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12556.

Enemalta — Xiri ta’ elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huwa responsabbli fl-Enemalta għal kif u meta l-Enemalta tixtri l-elettriku (mill-Interconnector, mill-Electrogas, u mingħand Shanghai Electric)? Tista’ tgħid ukoll jekk hemm xi kumitat apposta, xi forma ta' Electricity/Energy Procurement Committee u jekk iva, minn min hu kompost?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xiri tal-elettriku mill-Enemalta jsir mis-sezzjoni tal-Energy Trading fi ħdan il-kumpanija. L-Enemalta għandha Risk Management Committee kompost minn erba’ membri minn fost it-tmexxija għolja tal-entità.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Chairpersons u membri ta’ entitajiet pubbliċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma ċ-Chairpersons u l-membri ta’ kull entità pubblika - irrispettivament mill-mod kif deskritti - li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, u f’kull każ tgħid: (a) kull persuna kemm ilha fil-ħatra, u (b) meta tiġi fit-tmiem il-ħatra attwali ta’ kull persuna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Aġenzija Project Green — Dettalji dwar permess għal proġett

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11867 dwar proġett imħabbar mill-Aġenzija Project Green, filwaqt li niġbed l-attenzjoni li din mhijiex l-applikazzjoni uffiċjali bil-PA number imma t-talba tinsab fil-vetting stage, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni, il-pjanti u d-disinji kollha marbuta ma’ dan il-proġett biex ikun hemm tagħrif ħolistiku u mhux biċċa biċċa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12480.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Talbiet taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt l-istess dekasteru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn it-talbiet ġew imwieġba, kemm minnhom għadhom pendenti, u kemm minn dawn it-talbiet ma ntlaqgħux? Għal kull waħda mit-talbiet li ma ntlaqgħux, tista’ tgħid x’kienet ir-raġuni għal dan, u tindika lil liema fergħa tad-dekasteru ġew preżentati t-talbiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Għall-perjodu mill-2022 sal-lum, infurmata illi l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, inkluż l-Awtoritajiet Pubbliċi kkonċernati, irċivew total ta’ 79 talba. Minn dawn, 41 intlaqgħu, 31 ma ntlaqgħux waqt li 7 talbiet għadhom qed ikunu evalwati. Fejn it-talbiet kienu rifjutati dan sar għaliex id-dokumenti mitluba huma esklużi mill-iskop tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.

Ir-Rabat, Belveder ta' Għeriexem — Tħawwil ta' siġar ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser isir it-tħawwil ta' siġar ġodda minflok is-siġar li mietu minħabba nuqqas ta' tisqija fil-Belveder ta' Għeriexem, ir-Rabat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kwalità tal-arja fl-irħula — Testijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta u fejn saru t-testijiet tal-kwalità tal-arja fl-irħula fl-aħħar xahrejn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja jsir b’mod kontinwu fl-Għarb, iż-Żejtun, Ħ’Attard, San Pawl il-Baħar u Msida, għal-lista ta’ sustanzi ta’ tniġġiz hekk kif mitlub mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Kwalità tal-Arja. Apparti minn hekk, hemm network ta’ monitoraġġ għall-benzene u nitrogen dioxide permezz ta’ ‘passive diffusion tubes’ f’mitt sit mifruxin f’kull lokalità madwar Malta u Għawdex.

Magħtab — Waste-to-energy plant - Emissjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-faċilità Waste-to-Energy fil-Magħtab għandhiex proċess ta' carbon capture, u kemm hu mistenni li jkunu l-emissjonijiet tal-karbonju (CO2 emission) tal-faċilità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant Waste to Energy ser jagħti kontribut pożittiv ħafna fejn jidħlu l-emissjonijiet. Kuntrarjament għal impjanti ewlenin li jipproduċu l-enerġija dan l-impjant ma jużax fjuwils konvenzjonali magħrufa bħala fossil fuels, li huma l-akbar sors ta’ gassijiet serra globalment. Il-Waste to Energy se juża skart mhux riċiklabbli biex jipproduċi l-enerġija. Għalkemm bħal impjanti oħra m’għandux carbon capture technology, dan l-impjant ser ikun mgħammar b’teknoloġiji li jiżguraw trattament ta’ dan l-iskart li se jkun ħafna iktar effettiv meta mqabbel mal-prattiċi preżenti, jiġifieri l-użu ta’ landfills.

Magħtab — Waste-to-energy plant - Spiża

Question

Tista' l-Ministru tagħti break down ta' kif tinqasam l-offerta finali li rebħet it-tender CT3032/2022 dwar il-Waste-to-Energy facility fil-Magħtab, li ġie rappurtat li taqbeż is-€600 miljun, u allura tgħid eżatt kemm hi n-nefqa għall-kostruzzjoni tal-impjant, nefqiet kapitali oħra, in-nefqa tal-operat u kif tinqasam, eċċ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ akkwist għall-imsemmi proġett għadu għaddej u bħalissa jinsab fil-perjodu tal-appelli, u sakemm jiġi konkluż il-WasteServ ma tistax tipprovdi dettalji kif tinqasam l-offerta finali li rebħet it-tender. Minkejja dan, l-istima tal-proġett hija magħmula minn tliet komponenti: 1) Kapital ta’ €214-il miljun; 2) Spejjeż operattivi ta’ €181 miljun għal 20 sena; u 3) ħlas fiss ta’ tunnellaġġ ta’ skart ta’ €40/tunnellata li jammonta għal €154 miljun fuq medda ta’ 20 sena.

Malta — Nefqa fuq fuels

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa ta’ Malta fuq hydrocarbons (fossil fuels, inkluż gass naturali, LPG, petrol, diesel, aviation fuel, eċċ), għal kull sena għas-snin 2020, 2021, 2022 u fl-2023 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Impjegati li għandhom permess li jipparkjaw il-Belt

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandha impjegati li għandhom permess li jipparkjaw il-karozza privata tagħhom il-Belt u jekk humiex eżentati mis-CVA?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li m’hemm l-ebda impjegat kif deskritt mill-Onor. Interpellant.

Isla – Ħruġ ta’ ilma fejn il-Każin tar-Regatta

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10683, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-problema tal-ilma li qed jiskula fil-parti tal-Ponta tal-Isla, fejn hemm il-Każin tar-Regatta, ġietx solvuta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata illi mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-problema mhix ġejja minn l-ebda infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-każ ġie riferut lill-Awtorità kkonċernata.

Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Laqgħat fl-UE

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema laqgħat attendiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistennija tattendi għalihom f’dawn it-tieni sitt xhur tas-sena, jiġifieri minn Lulju sa Diċembru 2023?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajtu għall-mistoqsijiet parlamentari 7206 u 7677, ninfurmah ukoll li dan ix-xahar attendejt għal-laqgħat formali tal-Kunsill tas-setturi li nkopri.

Birżebbuġa — Proġett tas-Siċċa

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'konsultazzjonijiet saru mar-residenti u mal-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa dwar il-proġett tas-Siċċa f'Birżebbuġa u meta? Tista' tgħid ukoll jekk sarx xi rapport dwar din il-konsultazzjoni u jekk fl-affermattiv tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Mejju tal-2022 saret konsultazzjoni mill-Ministeru ma’ residenti fil-Qajjenza fuq temi/aspetti li jikkonċernaw din iż-żona.