Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-permessi approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar (MEPA) bejn April 2013 u Mejju 2021 (xahar b’xahar)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet 2936, 4086, 9404 u 13527 tal-Leġiżlatura XII u t-tweġibiet tal-mistoqsijiet 10488, 10489 u 10490 ta’ din il-leġiżlatura. Mill-bqija ġew approvati 5,361 bejn Ġunju u Diċembru 2019, 7,455 matul is-sena l-oħra u 3,184 bejn Jannar u Mejju li għaddew.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — ħlas lil ditta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, mill-2013 sal-lum, x’entità fi ħdanu ħallset lid-ditta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew ġietx mitluba ħlas għal xi servizzi kwalsiasi mill-istess ditta? Jekk iva, jistax jagħti d-dettalji?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-2013 sal-lum, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar ma għamlu l-ebda ħlas lid-ditta li d-dettalji tagħha ngħataw separatament u lanqas intalbu jħallsu għal xi servizz kwalsiasi mill-istess ditta. Għaldaqstant it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari hija nil.
Jista’ l-Ministru jgħid kif l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u/jew xi entità oħra governattiva biddlet xi kundizzjonijiet fil-permess tal-Fortina fejn jikkonċerna l-famuża Balluta Bay? Jista’ jgħid għaliex inħasset il-ħtieġa li tista’ tibdel? Għaliex lil wieħed biss? Għalfejn dan kollu sar bil-moħbi? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx preċedent li xogħlijiet jistgħu jsiru anke fis-sajf?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fil-Bajja tal-Balluta huma suġġetti għall-permess EP1108/21. Dan il-permess kien jistipula, fost l-oħrajn, li x-xogħlijiet isiru f’konformità mar-Regolamenti dwar il-Maniġġar tal-Kwalità tal-Ilma Tajjeb għall-Għawm (L.S. 465.09) li joħorġu mill-Att dwar is-Saħħa Pubblika (Kap. 465). It-twaqqif tax-xogħlijiet min-naħa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi sar minħabba li dawn kienu qed isiru fl-istaġun tal-għawm kif definit fl-istess regolamenti. Jirriżulta li, wara li twaqqfu x-xogħlijiet, l-applikant issottometta applikazzjoni għall-Varjazzjoni tal-Permess li kienet tinkludi clearance mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali sabiex ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jitkomplew. Kien f’dan il-kuntest li ġiet approvata bidla fil-kundizzjonijiet tal-permess. Dan kollu sar skont il-proċeduri stabbiliti tal-Awtorità u ma kien hemm l-ebda ħabi.
B’referenza għall-Istqarrija PR211058 li nħarġet ftit tal-jiem ilu mill-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar dwar ftuħ mill-ġdid ta’ barrieri, jista’ l-Ministru jindika kemm hemm minn dawn il-barrieri, liema huma u f’liema lokalitajiet qegħdin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema tal-Wasteserv li fil-konfront tagħhom ittieħdu passi dixxiplinarji u fiex kienu jikkonsistu dawn il-passi dixxiplinarji bejn Jannar 2020 u Mejju 2021 (xahar b’xahar)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Filwaqt li infakkar li l-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. hija responsabbli għall-passi dixxiplinarji li jittieħdu fil-konfront ta’ ħaddiema li huma impjegati magħha direttament, ninsab infurmat li fil-perjodu in kwistjoni kien erba’ każijiet ta’ dixxiplina. F’Lulju 2020 inħarġu twissija u twissija verbali u f’Novembru 2020 inħarġu żewġ twissijiet.
Wasteserve – passi dixxiplinarji kontra ħaddiema — tkeċċijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm passi dixxiplinarji li fissru fi tkeċċija ta’ ħaddiema tal-Wasteserv bejn Jannar 2020 u Mejju 2021? Jekk iva, kemm kien hemm tkeċċijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif ġie spjegat fit-tweġiba li qed tingħata għall-Mistoqsija Parlamentari 21651, il-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. hija responsabbli għall-passi dixxiplinarji li jittieħdu fil-konfront ta’ ħaddiema li huma mpjegati magħha direttament. Ngħarrfu li fil-perjodu li qed jirreferi għalih, jiġifieri bejn Jannar 2020 u Mejju 2021, ma kien hemm l-ebda passi dixxiplinarji li wasslu għat-tkeċċija ta’ xi ħaddiem.
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema raġunijiet ta’ passi dixxiplinarji, it-tmexxija tal-Wasteserv tiddeċiedi li tkeċċi ħaddiema fi ħdanha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fir-rigward tal-impjegati tal-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd., kwalunkwe passi dixxiplinarji meħtieġa jittieħdu skont il-provvedimenti tal-Ftehim Kollettiv, speċifikament taħt Klawsola numru disgħa u erbgħin (49). Fejn jikkonċerna l-ħaddiema tal-kuntrattur, ir-responsabbiltà għall-amministrazzjoni ta’ passi dixxiplinarji taqa’ fuq il-kuntrattur stess.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21312 u 21158 u jindika kemm żdied l-ammont ta’ ħaddiema li hemm jaħdmu mal-kumpanija Wastserv, xahar b’xahar, bejn Jannar 2017 u April 2021?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fejn jikkonċerna s-sena 2017, dettalji dwar il-ħaddiema li bdew iservu mal-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. ingħataw diġà b’risposta għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2617, 4504 u 14913. B’żieda mal-informazzjoni diġà mogħtija, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kif żdied l-ammont ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-kumpanija Wasterv bejn Jannar 2018 u April 2021.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16094 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha relatati mal-inċineratur li l-Gvern qed jibqa’ jinsisti li jrid jagħmel fil-Magħtab u fl-istess waqt jgħid ukoll x’tip/mudell hu dan l-istess inċineratur li l-Gvern qed jgħid li se jibni u jindika jekk dan il-mudell hawnx bħalu f’xi pajjiż ieħor fid-dinja? Jekk iva, jista' jindika l-isem tal-pajjiż/i?
Response (FARRUGIA, AARON)
Fir-rigward tal-istudji relatati mal-impjant tal-Waste to Energy nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li diġà tajtu għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari, fosthom 21310, 21157 u 21156. Irrid ngħid li, fuq dan il-proġett, il-Gvern kien dispost li jagħmel konsultazzjoni wiesa’ sa mill-bidu nett. Fil-fatt, lura f’Ottubru 2017, b’risposta għall-Mistoqsijiet Parlamentari 1478 u 1677, il-predeċessur tiegħi kien spjegalu, forst l-oħrajn, kif “il-Gvern appunta kumitat t’esperti mgħejjun minn tekniċi internazzjonali biex jagħtu l-pariri tagħhom dwar l-aħjar teknoloġija li għandha tiġi wżata u li l-Oppożizzjoni għażlet li ma tipparteċipax.” F’dak li jikkonċerna t-teknoloġija wżata, ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Project Description Statement, li diġà huwa dokument pubbliku imma li xorta qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra, jispjega kif din il-faċilità se tkun waħda tat-tip “grate incineration”. Ninsab infurmat li din it-teknoloġija qed tintuża diġà f’diversi pajjiżi fosthom f’Singapore (Tuas Facility), fid-Danimarka (Amager Bakke Facility, f’Copenhagen u anke f’H¸rsholm), fir-Repubblika Irlandiýa (Covanta Facility f’Dublin), fir-Renju Unit (Trident Park Facility f’Cardiff) u anke f’Isle of Man.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21408 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jara s-sit ta’ fejn qed isir il-bini biswit il-flats li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament li jinsabu fi Triq Amery f’Tas-Sliema peress li r-residenti qed jirraportaw li hemm periklu kbir fi djarhom? Jista’ jassigura li m’hemmx problemi fis-sit u li kollox miexi kif suppost anke jekk illum ingħataw xi tibdil fil-pjanti? Jista’ jassigura lil kulħadd li m’hemmx perikli? Min se jieħu responsabilità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li, fir-rigward tal-iżvilupp li qed isir fi Triq Amery f’Tas-Sliema, biswit il-flats li d-dettalji dwarhom ingħataw separatment, saru diversi spezzjonijiet mill-Awtorità responsabbli mill-Bini u l-Kostruzzjoni, li anke waqqfet ix-xogħlijiet aktar minn darba sakemm saru l-verifikazzjonijiet meħtieġa. Fost l-oħrajn dawn il-verifikazzjonijiet kienu jinkludu interazzjoni mal-Uffiċjal Tekniku fuq is-sit, biex tiġi żgurat li x-xogħlijiet ikunu konformi mad-dikjarazzjoni tal-metodu, u anke mal-Perit responsabbli, li ntalab jidentifika l-miżuri li ttieħdu kontra danni għal terzi persuni. F’dawk li huma responsabbiltajiet, il-liġijiet pertinenti jgħabbu lill-Perit li jħejji d-dikjarazzjoni tal-metodu bir-responsabbiltà professjonali, filwaqt li l-infurzar tat-tali dikjarazzjoni huwa fir-responsabbiltà tal-Uffiċjal Tekniku fuq is-sit. Min-naħa tiegħu il-kuntrattur huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri li tipprovdi għalihom id-dikjarazzjoni tal-metodu.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba huwiex jiġi konsultat dwar ix-xogħol li għandu jsir f'Wied Blandun Fgura u jekk iva b'liema mod?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-immaniġġjar ta’ Wied Blandun, u ta’ widien oħra f’Malta, jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Ministeru ieħor, speċifikament taħt Diviżjoni li għandha l-għarfien, il-kapaċità u r-riżorsi meħtieġa sabiex twettaq interventi f’żoni sensittivi. Għaldaqstant, dment li ma jkunux meħtieġa permessi mill-awtoritajiet regolatorji li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, ma narax il-ħtieġa li dan il-Ministeru, jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu, jiġu kkonsultati qabel isiru x-xogħlijiet.
Il-Mellieħa – Tunnara Promenande – permessi għal xogħlijiet fiż-żona
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha relatati maħruġa mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Awtorita tal-Ippjanar fuq xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fiż-żona magħrufa bħala Tunnara Promenade fil-Mellieħa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi kopja tad-dokumenti mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Mellieħa – moll tal-Marfa – permessi għal xogħlijiet fiż-żona
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha relatati maħruġa mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Awtorità tal-Ippjanar dwar xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq il-moll tal-Marfa, limiti tal-Mellieħa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi kopja tad-dokumenti mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — karozzi mixtrija/mikrija
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bid-ditta u mudell tal-karozza/i ministerjali li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu, inkluż tas-segretarju parlamentari fejn hu l-każ, jekk hux mixtrija jew mikrija, u jgħid kemm swiet biex inxtrat jew kemm qiegħda tinkera jekk mikrija?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex, fir-rigward tal-karozza Ministerjali, jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 17818. Ninfurmah ukoll li l-karozza li juża s-Segretarju Parlamentari hija BMW 520D li tinkera għall-prezz ta’ ħamsa u għoxrin ewro (EUR 25) kuljum, VAT eskluża.
Santa Luċija – art bejn Triq Katrine Vitale u Triq Stefanotis – ġnien pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba l-art bejn Triq Katrine Vitale u Triq Stefanotis f’Santa Luċija Malta, li kienet indikata għal ġnien pubbliku, huwiex ser isir tul din l-leġiżlatura u jistax jindika x'passi ttieħdu u jekk il-Kunsill Lokali ġiex konsultat dwar dan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li f’danl-istadju l-Ministeru tiegħi m’għandux pjanijiet għal din is-sit.
Pjazza ta’ Raħal Ġdid – Triq Ħal Saflieni, Triq Ħal Luqa u Triq il-Foss — ħamiem
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx għall-attenzjoni tal-Ministeru lmenti ta’ residenti varji tal-preżenza qawwija ta' ħamiem bil-komplikazzjonijiet varji fil-parti tal-Pjazza ta' Raħal Ġdid bejn Triq Ħal Saflieni, Triq Ħal Luqa u Triq il-Foss? Jekk iva x'passi ttieħdu jew sejrin jittieħdu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi – permessi relatati fiż-żona Tas-Simenta
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha relatati, maħruġa mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Awtorità tal-Ippjanar fuq xogħol li għaddej bħalissa fiż-żona magħrufa bħala Tas-Simenta f’San Pawl il-Baħar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward taż-żona msemmija, nħareġ permess mill-Awtorità tal-Ippjanar li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — siġar u pjanti miżrugħa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inżergħu siġar/pjanti mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet ta’ taħtu, mill-2008 sal-lum?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fil-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, ir-responsabbiltà ewlenija għat-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli tassumiha Ambjent Malta. Din id-diviżjoni evolviet minn dik li, lura fl-2008, kienet magħrufa bħala l-PARKS Unit. Matul il-perjodu li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant l-ammont ta’ siġar u arbuxelli li tħawlu kien:
2008: 20,000
2009: 16,820
2010: 7900
2011: 3000
2012: 3000
2013: 2240
2014: 3240
2015: 2543
2016: 2711
2017: 4421
2018: 10185
2019: 20286
2020: 21808
2021: 8249*
*Sa Ġunju 2021
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16163 u jgħid kemm qed jiswa fil-preżent l-inċineratur? Jista' jagħti break down ta' dawn l-ispejjeż u tal-kwantità ta' tunellaġġ li qed jiġi inċinerat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16193 u jgħid eżatt f’liema direttivi u liġijiet Ewropej konnessi mal-ambjent, pajjiżna ma laħħaqx mal-implimentazzjoni rikjesta u mitluba minnha? Fir-rigward ta’ dawn id-direttivi u liġijiet, jista' jelenka l-isem u n-numru ta’ liġi Maltija fejn kull waħda minnhom tapplika?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern Malti qiegħed jaħdem bis-sħiħ sabiex jassigura l-implimentazzjoni sħiħa tal-liġijiet ambjentali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu hemm numru ta’ allegat nuqqasijiet li ssarrfu f’każijiet ta’ ksur mill-Kummissjoni Ewropea minħabba nuqqasijiet fejn jidħlu s-setturi tal-arja/air, ilmijiet/water, natura/nature u skart/waste.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument dwar il-każijiet taħt il-kappa diretta tal-Ministeru tal-Ambjent.