Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rapporti u dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema rapporti jew dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Gvern jiġu rreġistrati l-istimi tal-obbligazzjonijiet relatati ma’ kumpens li għadu ma tħallasx għal artijiet u proprjetajiet meħuda għal skopijiet pubbliċi jew soċjali u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rendikont disponibbli, bid-data ta’ referenza tiegħu, li juri separatament il-kumpens totali determinat u/jew maqbul iżda mhux imħallas, l-istima totali min-naħa tal-Gvern tal-kumpens li għadu jrid jiġi determinat, u l-imgħax totali dovut?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Mosta – Proprjetà amministrata mill-Awtorità tal-Artijiet u l-Joint Office

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-artijiet u l-bini kollha fil-Mosta li huma amministrati mill-Awtorità tal-Artijiet u l-Joint Office, u għal kull proprjetà, jindika: i.    l-indirizz tal-proprjetà; ii.    id-daqs; iii.   jekk hijiex mibnija jew le; iv.   jekk hijiex okkupata; u v.    f’każ li okkupata, it-tip ta’ titolu, id-data tal-bidu u tal-iskadenza u ċ-ċens (ground rent)?

Response (BONNICI, OWEN)

Fid-dawl tan-natura u l-ambitu tal-informazzjoni mitluba, u in vista tal-fatt li t-talba tirrigwardja numru sostanzjali ta’ proprjetajiet, l-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jispeċifika l-proprjetà jew proprjetajiet partikolari li dwarhom qed tintalab l-informazzjoni, sabiex tkun tista’ tingħata risposta preċiża u rilevanti għat-talba magħmula.

Raħal Ġdid – Blokka tal-housing soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ser tittieħed sabiex jinqatgħu l-abbużi, fosthom dawk relatati ma’ sustanzi tad-droga, li qed iseħħu taħt il-blokka tal-housing soċjali ta’ ħdejn is-suq f’Raħal Ġdid? Jista’ jgħid ukoll għaliex minkejja li għal snin twal ilhom isiru appelli mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid u minn diversi residenti sabiex f’dan il-post isir rixtellu li jingħalaq matul il-lejl, din it-talba baqgħet ma ntlaqgħetx?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar,  għandha l-poter legali li tinvestiga u tindirizza lmenti relatati mal-oqsma li jaqgħu taħt il-liġijiet kontemplati  fil Il-Kapitolu 261 (L-Att dwar l-Awtorità tad-Djar)  kif ukoll Il-Kapitolu 604 (L-Att dwar il-Kirjiet Residenzjali Privati). Il-ġurisdizzjoni tagħha hija limitata strettament għal kwistjonijiet ta' akkomodazzjoni u kirjiet, u kull meta jkun hemm suspett jew allegazzjoni ta' reati kriminali oħra — bħall-abbuż jew it-traffikar tad-droga — il-każ jiġi mgħoddi immedjatament f'idejn il-Korp tal-Pulizija ta' Malta jew awtoritajiet oħra kompetenti għal aktar investigazzjoni. Bil-għan illi l-informazzjoni tkun waħda preċiża u korretta l-Onorevoli Interpellant qiegħed jiġi mitlub jipprovdi site plan li tindika il-post preċiż imsemmi.

Fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms – Approvazzjoni tal-applikazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1082 u 1083, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra li tiġi emendata l-iskema relatata mal-fond għall-ħolqien ta' sensory rooms sabiex l-approvazzjoni tal-applikazzjonijiet tkun tista' tingħata qabel ma jibdew ix-xogħlijiet, minflok wara li dawn ikunu tlestew?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-approvazzjoni tal-fondi taħt l-iskema relatata mal-ħolqien ta’ sensory rooms tingħata qabel ma jinbdew ix-xogħlijiet. Il-ħlas tal-fondi jiġi pproċessat wara li jiġu ppreżentati l-irċevuti fiskali relattivi. Madankollu, sabiex il-benefiċjarji jkollhom il-fondi meħtieġa biex jordnaw l-oġġetti u t-tagħmir neċessarju, tista’ tingħata depożitu ekwivalenti għal 50% tal-ammont approvat.

Anzjani li jgħixu f’abitazzjonijiet mhux aċċessibbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li għadhom jgħixu f’abitazzjonijiet mhux aċċessibbli minkejja li applikaw għal trasferiment?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fir-rigward tal-applikazzjonijiet pendenti għat-tpartit ta’ akkomodazzjoni minn persuni anzjani, ta’ aktar minn 60 sena, li għandhom diffikultajiet ta’ mobbiltà u li r-raġuni ewlenija għat-talba tagħhom għat-tpartit hija l-preżenza ta’ turġien fl-akkomodazzjoni attwali tagħhom, it-total ta’ dawn l-applikazzjonijiet huwa ta’ 62.

Awtorità tad-Djar – Skemi ta’ downsizing volontarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex skemi ta’ downsizing volontarju biex anzjani li jgħixu f’akkomodazzjoni kbira jkunu jistgħu jmorru jgħixu f’residenzi iżgħar u aktar adattati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuni anzjani li jixtiequ jnaqqsu d-daqs tal-akkomodazzjoni tagħhom u jmorru jgħixu f’akkomodazzjoni iżgħar jistgħu jagħmlu dan permezz tat-tpartit tal-akkomodazzjoni u jiġu inklużi fil-lista tat-tpartit. It-talba għat-tpartit tkun ukoll determinata, fost l-oħrajn, mil-lokalità preferuta mill-applikant u xierqa għall-bżonnijiet tiegħu. Sal-ġurnata li fiha qiegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari , hemm 41 applikazzjoni fuq il-lista tat-tpartit li jirrigwardjaw din ir-raġuni.

Ta’ Xbiex – Housing Estate – Refurbishment

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti r-refurbishment li ser isir fil-Housing Estate f'Ta' Xbiex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tisbiħ u l-manutenzjoni tal-blokok fil-housing estate f’Ta’ Xbiex jikkonsistu f’dan li ġej: ·       Manutenzjoni tal-faċċati ·       Applikazzjoni ta’ membrane fuq il-bjut, tikħil u żebgħa tal-opramorti, u tiswija tal-injam ta’ taħt it-tankijiet tal-ilma ·       Żebgħa tal-ħitan tat-tromba tat-taraġ u tal-handrails tat-taraġ, kif ukoll upgrading tad-dawl fejn applikabbli ·       Tikħil u żebgħa tal-ħitan fix-shafts il-kbar Dan ix-xogħol bħalissa għaddej fuq diversi blokok. Ix-xogħol beda aktar kmieni din is-sena u għandu jitlesta sal-aħħar tas-sena.

Blokok tad-djar tal-Gvern – Refurbishment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex isir refurbishment fil-blokok tad-djar tal-Gvern? Jekk iva, jista' jelenka l-lokalità, it-timeframe u l-investiment?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-programm ta’ tisbiħ u manutenzjoni fl-akkomodazzjoni soċjali għal din is-sena għadu għaddej. B’total ta’ 80 blokka ppjanati għal din is-sena, b’investiment stmat ta’ €5,147,611. Nirreferi għat-Tabella 1, li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li turi l-progress tax-xogħlijiet skont il-lokalità, inkluż il-blokok fejn ix-xogħol tlesta, dawk li bħalissa jinsabu fil-fażi ta’ implimentazzjoni, u dawk li fuqhom ix-xogħol mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Il-programm huwa mistenni jitlesta sa tmiem is-sena 2026. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li l-programm ta’ tisbiħ għall-2027 għadu qed jiġi mfassal. F’dan l-istadju, il-lista tal-lokalitajiet u l-investiment relatat għadhom ma ġewx approvati formalment mill-Bord tal-Awtorità tad-Djar.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet – Lista ta’ konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-konsulenzi kollha mogħtija mill-Ministeru u l-entitajiet tiegħu matul l-2025 u l-2026 relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali, it-trasformazzjoni diġitali jew il-Malta Business Wallet, flimkien mal-valur ta' kull kuntratt, il-metodu ta' akkwist u l-isem tal-fornitur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, Housing Projects Solutions, Joint Office, Malita u l-Awtorità tal-Artijiet ma kellhom ebda konsulenza mogħtija li tirrelata mal-Intelliġenza Artifiċjali. Ninforma lill-Onor Interpellant li L-Awtorità tad-Djar  u Land Registration Agency ingaġġaw lil persuni hekk skond l-informazzjoni li hemm fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra sabiex jipprovdu konsulenza fuq is-suġġetti inkwistjoni kif jiġri dejjem skond il-proċeduri stabbiliti fir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku. Infurmat ukoll li l-informazzjoni mitluba hija diġà ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

L.S. 350.14 – PBS – Infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1121 u 1620 u jgħid jekk matul l-aħħar sena, kienx hemm xi każ fejn il-PBS inforza jew ipprova jinforza l-artikolu 18 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14, “Ħtiġiet dwar standards u prattika li japplikaw għal bulettini tal-aħbarijiet u l-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti”? Jista’ jgħid ukoll x’passi ttieħdu f’kull każ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Marsaxlokk – Imwejjed u siġġijiet ta’ stabbilimenti privati – Infurzar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ordnijiet ta' infurzar mill-Awtorità tal-Artijiet rigward imwejjed u siġġijiet ta' stabbilimenti privati f'żoni pubbliċi u nuqqas ta' passaġġi pedonali fil-lokalità ta' Marsaxlokk, bejn ix-xhur ta' Ġunju u Awwissu 2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tal-Artijiet ma toħroġx “ordnijiet ta’ infurzar”. Dawn jinħarġu mill-Awtorità tal-Ippjanar. Ghalhekk il-mistoqsija trid issir lill-Ministru kkonċernat.

Marsaskala – Sorveljanza mal-kosta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir eżerċizzju ta' sorveljanza mal-kosta ta' Marsaskala, partikolarment ħdejn il-Batterija ta' Riħama, sabiex ikun żgurat li m'hemm l-ebda periklu ta' kollass u jkunu evitati inċidenti bħal dak li ħalla vittma lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fl-2024?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fuq ordni tal-Maġistrat, l-Awtorità tal-Artijiet ħadet il-miżuri meħtieġa sabiex jingħalaq is-sit kollu, mill-art sal-baħar, madwar l-istruttura msemmija. Barra minn hekk, twaħħlu sinjali ta’ twissija sabiex il-pubbliku jiġi informat bil-perikli relatati maż-żona. Min-naħa tagħha, Transport Malta ħadet il-miżuri meħtieġa sabiex il-parti tal-baħar tiġi kklassifikata bħala żona fejn l-għawm mhux permess (No Swimming Zone) .

Il-Foss tal-Imdina – Lift – Spezzjonijiet/Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1235 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid kull meta saret spezzjoni u/jew manutenzjoni fil-lift tal-Foss tal-Imdina u l-ispejjeż li kienu involuti, matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Il-Foss tal-Imdina – Lift

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1234 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid meta ser jerġa’ jibda jiffunzjona l-lift li hemm fil-Foss tal-Imdina, wara li għal darb’oħra reġa’ mhux qed jaħdem?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tad-Djar – Akkomodazzjoni għall-anzjani – Studji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju jew analiżi mill-Awtorità tad-Djar li fuqu bbaża l-politika tiegħu dwar l-akkomodazzjoni għall-anzjani?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-Istrateġija ta’ Riċerka tal-Awtorità tad-Djar għall-2026–2027 identifikat ir-residenti anzjani bħala wieħed mill-gruppi demografiċi ewlenin li għandhom jiġu mifhuma aħjar fir-rigward tal-ħtiġijiet tagħhom relatati mal-akkomodazzjoni. Link għall-Istrateġija ta’ Riċerka: https://housingauthority.gov.mt/wp-content/uploads/2026/03/Research-Strategy-2026-2027-1.pdf Wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-Istrateġija, l-Awtorità tad-Djar ippubblikat stħarriġ dettaljat, il-Malta Housing Satisfaction Survey, sabiex tipprovdi valutazzjoni komprensiva u bbażata fuq l-evidenza dwar kif persuni differenti f’Malta jesperjenzaw il-kundizzjonijiet tad-djar tagħhom. L-istudju għandu wkoll l-għan li jistabbilixxi punt ta’ referenza sabiex jinftiehem kif dawn l-esperjenzi jkomplu jevolvu maż-żmien. Billi jibni fuq l-Istrateġija ta’ Riċerka, l-istħarriġ jaqsam il-kampjun f’diversi gruppi demografiċi, inkluż il-popolazzjoni anzjana. Link għall-Istħarriġ: https://housingauthority.gov.mt/wp-content/uploads/2026/07/Malta-Housing-Satisfaction-Survey-2026.pdf Il-pubblikazzjoni tal-Awtorità tad-Djar, “More than Just a Roof”, tiddokumenta inizjattivi riċenti għal mudelli alternattivi ta’ akkomodazzjoni mmirati lejn komunitajiet vulnerabbli, inkluż il-proġett ta’ akkomodazzjoni interġenerazzjonali fil-Belt Valletta. Dan tal-aħħar, li huwa l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’Malta, iġib flimkien residenti anzjani u adulti żgħażagħ fi ħdan l-istess komunità. Studju tekniku ieħor jiżviluppa għodda ta’ gwida għall-bini ta’ akkomodazzjoni interġenerazzjonali ta’ dan it-tip fil-futur. Link għal “More Than Just a Roof”: https://housingauthority.gov.mt/wp-content/uploads/2025/11/More-Than-Just-a-Roof.pdf Link għall-Għodda ta’ Politika dwar l-akkomodazzjoni interġenerazzjonali: https://housingauthority.gov.mt/wp-content/uploads/2026/03/Building-a-Community-within-a-Community.pdf

Awtorità tad-Djar – Proġetti ta’ akkomodazzjoni għall-anzjani – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu fondi mill-Awtorità tad-Djar fuq proġetti ta’ akkomodazzjoni mfassla speċifikament għall-anzjani matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar tipprovdi diversi forom ta’ assistenza li minnhom jibbenefikaw ukoll persuni anzjani, bil-għan li jingħataw l-appoġġ meħtieġ fir-rigward tal-akkomodazzjoni tagħhom. Fil-fatt, matul il-ħames snin imsemmija, permezz tal-iskemi Skema għal Persuni b’Diżabilità ( DIS), Kirjiet Protetti ta’ Qabel l-1995 ( SKP), Sussidju għal Xogħlijiet ta’ Adattament ( ADP), Tiswija ta’ Strutturi Perikolużi ( SSP) u Skema ta’ Benefiċċju għall-Akkomodazzjoni ( HBS), in-nefqa relatata ma’ assistenza li minnha bbenefikaw persuni anzjani kienet tammonta għal €50,895,009, filwaqt li n-numru ta’ benefiċjarji anzjani rreġistrati taħt dawn l-iskemi kien ta’ 5,715.

Akkomodazzjoni soċjali – Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm anzjani ngħataw akkomodazzjoni soċjali matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn kienu anzjani li jgħixu waħedhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, matul l-aħħar ħames snin, ġew allokati 448 post lil persuni anzjani ta’ 60 sena jew aktar (jiġifieri persuni mwielda fl-1966 jew qabel). Minn dawn il-448 persuna, 90 kienu miżżewġin u 23 kienu ġenituri waħedhom, skont l-istat ċivili tagħhom fil-mument tal-applikazzjoni. Nirreferi għat-Tabella 1 li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi rendikont sena b’sena.