Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Impjegati full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti t-total tal-impjegati full-time u part-time, fi ħdan il-Ministeru tiegħu, inkluż dawk f’awtoritajiet, f’entitajiet u f’dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat li mal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, hemm 274 ħaddiem li jaħdmu full time u 4 ħaddiema part-time.

Awtorità tad-Djar — Akkomodazzjoni soċjali li ġew rifjutati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28829 u jgħid kemm-il każ li jinsab fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali, irrifjuta post mogħti lill-applikanti mill-Awtorità tad-Djar, u x’raġunijiet ingħataw?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mil-lista ta’ stennija hemm 102 applikazzjoni fejn l-applikanti kienu ġew murija proprjetà li ġiet irrifjutata. Għalkemm mhux dejjem tingħata raġuni għalfejn proprjetà tiġi rrifjutata, ir-raġunijiet primarji għalfejn l-applikanti irrifjutaw kienu minħabba nuqqas ta’ aċċessibilità jew minħabba li l-post ma kienx fil-lokalità preferuta tagħhom.

L-Awtorità tad-Djar — Applikanti biex isiru sidien ta’ darhom

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28842 u jgħid kemm-il applikant hemm bħalissa quddiem l-Awtorità tad-Djar għal xiri ta’ units, biex isiru sidien ta’ darhom?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 838 applikazzjoni attiva quddiem l-Awtorità tad-Djar għal skemi relatati max-xiri ta’ unitajiet biex dawn l-applikanti jsiru sidien ta’ darhom.

Bormla — Proġett tal-Housing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Housing f’Bormla?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet huma mistennija jitlestew sa tmiem din is-sena. Wara t-tlestija, ikun għad fadallu jsir il-proċess ta’ compliance mal-Awtorità tal-Ippjanar, li għandu jkun konkluż sa Frar tal-2026.

Ħaż Żabbar — Housing Estate - Manutenzjoni tas-saqaf

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27875, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ manutenzjoni tas-saqaf fil-post li l-informazzjoni dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol tlesta kif kien ippjanat.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux konsulenti ingaġġati mal-Ministeru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, kemm hi l-ispiża għall-ingaġġar ta’ konsulenti, xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi, min kienu dawn il-konsulenti, xi kwalifiki għandhom, x’inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għall-kull servizz ta’ konsulenza li ta? Jista’ jgħid ukoll kif ingħataw dan ix-xogħol dawn il-konsulenti; jekk hux permezz ta’ direct order jew tender?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu f’interpellanza parlamentari kważi identika għal din bin-numru 23458.

Każijiet ta’ żgumbrament

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28838, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ żgumbrament seħħ għax skada l-kuntratt jew minħabba mġiba ħażina tal-persuni, matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar 2024 u Lulju 2025 ma seħħewx żgumbramenti minħabba skadenza ta’ kuntratt jew minħabba mġieba ħażina. L-iżgumbramenti li seħħew f’dan il-perjodu kienu: 4 każi relatati ma’ okkupazzjoni mingħajr titolu legali, 9 każi minħabba li l-postijiet ma kinux qed jiġu okkupati mill-inkwilini, u 5 każi fejn l-inkwilin legali miet u l-post ma ġiex ritornat lura lill-Awtorità tad-Djar.

L-Imtarfa — Binja Qlejgħa - Kumpless ta’ garaxxijiet - Xogħlijiet ta’ tiswija

Question

Fid-dawl li t-tiswijiet neċessarji li għandhom jitwettqu fuq is-soqfa tal-kumpless ta’ garaxxijiet li jagħmlu parti minn Binja Qlejgħa, fl-Imtarfa ilhom ħafna li suppost bdew, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar dawn ix-xogħlijiet ta’ tiswija?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt bejn l-entitajiet ġie ffirmat u bħalissa qed jiġi ppreparat il-programm tax-xogħlijiet sabiex il-preparamenti għall-proġett jitilqu fl-aktar żmien fis possibbli.

Awtorità tad-Djar — Skemi ta’ aċċessibiltà - Talbiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29373, jista’ l-Ministru jgħid kemm organizzazzjonijiet volontarji u non-governattivi għamlu talbiet mal-Awtorità tad-Djar biex itejbu l-aċċess għall-ġid tal-komunità, minn l-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jindika liema kienu dawn l-għaqdiet li kull sena għamlu dawn it-talbiet, kemm u liema talbiet intlaqgħu, u f’kull każ, kemm kienet l-għajnuna li ngħatat?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-talbiet li ġew approvati mill-Awtorità tad-Djar minn għaqdiet volontarji u mhux governattivi sabiex jitwettqu proġetti li jtejbu l-aċċess fil-komunità, mis-sena 2022 sal-2025.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Remote working - teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working u teleworking, mal-Ministeru konċernat, inkluż fl-entitajiet u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, hemm 89 -il ħaddiem li jaħdmu permezz ta’ remote working.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Safar fuq xogħol uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba siefer barra mill-pajjiż fuq xogħol uffiċjali kull membru fil-Ministeru tiegħu (inkluż hu bħala Ministru), xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus bħala ‘hospitality’ mill-Ministeru tiegħu f’kull mawra barra mill-pajjiż, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f’hospitality, id-data ta’ meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f’hospitality?

Response (GALDES, RODERICK)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħti ħarsa lejn il-“Manual on Transport and Travel Policies” li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra li jirregola l-arranġamenti ta' vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, u per diem allowances.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu qattx qala’ ċitazzjoni (traffic fine) minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk fl-affermattiv, fuq liema karozza ħarġet tali ċitazzjoni, min kien qed isuq il-karozza u x’pożizzjoni għandu fil-Ministeru tiegħu, kemm ammontaw fi flus dawn iċ-ċitazzjonijiet u minn min tħallsu dawn iċ-ċitazzjonijiet; jekk hux mill-persuna li għamlet il-kontravenzjoni jew minn fondi pubbliċi?

Response (GALDES, RODERICK)

L-Onor. Interpellant diġà staqsa dwar dan u tajtu tweġiba f’interpellanza parlamentari nru 23544 fejn irreferejtu għall-proċedura applikabbli.

Awtorità tad-Djar – Skemi ta’ aċċessibiltà

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi ta’ aċċessibilità tħaddem l-Awtorità tad-Djar f’kollaborazzjoni ma’ soċjetajiet volontarji? Jista’ jgħid ukoll: kemm-il soċjetà volontarja bbenefikat minn tali kollaborazzjoni; liema kienu dawn is-soċjetajiet; għal-liema faċilitajiet ingħataw l-għajnuna, u kemm kien l-ammont li tat l-Awtorità tad-Djar, f’kull każ separatament?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma tħadimx skemi ta’ aċċessibilità b’kollaborazzjoni ma’ soċjetajiet volontarji. L-Awtorità tad-Djar tmexxi żewġ skemi li jindirizzaw l-aċċessibilità: l-iskema għall-persuni b’diżabilità (DIS) u l-iskema għall-installazzjoni ta’ lifts (LFT). Fl-istess waqt, l-Awtorità tad-Djar tirċievi talbiet għal għajnuna finanzjarja mingħand organizzazzjonijiet volontarji u non-governattivi sabiex itejbu l-aċċess għall-ġid tal-komunità.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli –  Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ġunju 2025?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28804.

Għawdex — Akkomodazzjoni soċjali - Kiri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28279, dwar kemm-il appartament, binja, jew unit f’Għawdex, inkera mill-privat biex jintuża bħala akkomodazzjoni soċjali, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-inkwilini huma Għawdxin, kemm huma Maltin u kemm huma barranin?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn dawn l-units, 85 huma mikrija lil persuni mwielda f’Malta, 28 huma mikrija lil persuni mwielda f’Għawdex u 4 units oħra huma mikrija lil persuni barranin.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Impjegati u Konsulenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn min hu kompost bħala impjegati u konsulenti l-Ministeru tagħha, f’liema skala tas-servizz pubbliku qiegħed is-salarju/paga tagħhom, x’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn l-impjegati/konsulenti, xi kwalifiki edukattivi għandhom, f’każ ta’ Policy Consultant, Policy Co-ordinator u Advisor, x’inhi l-expertise tiegħu/tagħha u x’tip ta’ kuntratt għandu kull wieħed minn dawn l-impjegati (inkluż Policy Consultant, Policy Co-ordinator u Advisor)? X’allowances ( bħal disturbance allowance, Secretariat Allowance, Bonus for Overtime Worked, Communications Allowance, Fully-expensed mobile telephony, Free Telephony, Pre-Paid top-ups for telephony service, Internet Service, Car Allowance, Transport Allowance, Fuel Vouchers, Use of car-hired car, Use of government-owned car, Internet Key, Tablets, Laptops, Peripherals, Expertise Allowance, Disturbance Allowance, Shift Allowance, eċċ.) u perkaċċi oħra, kull wieħed minn dawn l-impjegati/konsulenti għandhom u għal kemm jammontaw fi flus (fejn applikabbli)? Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li kull impjegat/konsulent tal-Ministeru għandu u li għadu fis-seħħ?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu f’interpellanza parlamentari kważi identika għal din bin-numru 23458.

Akkomodazzjoni soċjali — Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali li huma persuni b’diżabilità, ġenituri waħedhom (single parents), jew anzjani li jgħixu waħedhom, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali, l-Awtorità tad-Djar għandha 63 applikant li huma persuni b’diżabilità, 878 applikant li huma ġenituri waħedhom, u 50 applikant li huma anzjani li jgħixu waħedhom.