Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Moll tal-Veċċja – Supply tal-elettriku – Ħsarat

Question

Jista’ l-Ministru jara li jieħu l-passi neċessarji biex il-ħsarat fis-supply tal-elettriku fil-pillars tal-moll tal-Veċċja jiġu msewwija, biex jiġu evitati problemi u diffikultajiet għal dawk li jagħmlu użu minnhom f’dawn l-inħawi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li wara l-interventi ta’ tiftix ta’ ħsarat li saru riċentament fis-sit tal-Veċċja, ġie identifikat wieħed mill-pilastri tas-servizz tal-utilità bħala s-sors tal-ħsara elettrika rikorrenti. Il-pilastru kien sofra ħsara interna estensiva minħabba komponenti elettriċi maħruqa u għalhekk ġie iżolat u skonnettjat biex tiġi restawrata l-provvista tal-elettriku b’mod sikur. Bħalissa, il-moll għandu provvista tal-elettriku permezz ta’ sitt pilastri tas-servizz tal-utilità operattivi. Il-pilastru difettuż ġie skonnettjat u jibqa’ barra mis-servizz sakemm jiġi sostitwit. Il-programm ta’ sostituzzjoni għall-pilastri tas-servizz tal-utilità issa beda. Bħalissa qed jinbnew il-pilastri l-ġodda, u wara dan tibda l-installazzjoni fuq is-sit. Sakemm ma jkunx hemm problemi mhux previsti, nistennew li l-ħames pilastri l-ġodda kollha jiġu installati u kkummissjonati fix-xahar id-dieħel. Fl-istess waqt, qed jitwettqu għadd ta’ titjibiet sabiex jissaħħu l-affidabbiltà, is-sigurtà u l-manutenzjoni tal-infrastruttura elettrika fis-sit tal-Veċċja, inklużi s-separazzjoni tal-provvisti tal-elettriku, titjib fil- main distribution board , tiswija tal-bieb tal-aċċess, l-installazzjoni ta’ protective cable guards , kif ukoll l-akkwist ta’ spare parts addizzjonali. Dawn x-xogħolijiet u t-titjibiet mistennija jtejbu b’mod sinifikanti l-affidabbiltà, is-sigurtà u l-faċilità tal-manutenzjoni tal-infrastruttura elettrika fis-sit tal-Veċċja.

Dipendenza fuq prodotti agrikoli importati – Tnaqqis – Passi konkreti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi konkreti qed jieħu l-Gvern biex jiżgura li Malta tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq prodotti agrikoli importati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fil-15 ta’ Lulju għalqet il-konsultazzjoni pubblika fuq il-White Paper dwar il-Politika Agrikola Nazzjonali. Il-politika proposta tinkludi diversi miżuri li, kemm direttament kif ukoll indirettament, jappoġġjaw il-produzzjoni lokali u jsaħħu r-reżiljenza, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-bdiewa lokali, filwaqt li jippromwovu produzzjoni ta’ kwalità. Insemmi wkoll l-Istrateġija Nazzjonali għal Sistemi tal-Ikel Reżiljenti 2025-2034 li hija intiża biex issaħħaħ il-produzzjoni lokali u tnaqqas il-vulnerabbiltà li tirriżulta mid-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-ikel. Fost dawn il-miżuri hemm il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura agrikola u tas-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa, it-tisħiħ bejgħ dirett bejn il-produtturi u l-konsumaturi, kif ukoll inizjattivi biex jiżdied id-dħul tal-bdiewa u tissaħħaħ il-vijabbiltà ekonomika tal-produzzjoni lokali. L-Istrateġija tipprevedi wkoll appoġġ akbar lill-bdiewa fuq skala żgħira, miżuri biex jiġu attirati ġenerazzjonijiet ġodda lejn is-settur agrikolu, u interventi biex jiġi żgurat użu aħjar tal-art agrikola permezz ta’ riformi u inċentivi mmirati. Barra minn hekk, hemm ukoll l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-użu ta’ teknoloġiji moderni u sostenibbli fl-agrikoltura, filwaqt li qed isaħħaħ ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista tal-ikel u jinkoraġġixxi prattiki aktar sostenibbli fil-produzzjoni tal-ikel. Inkompli nżid ngħid li l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) qed tikkontribwixxi wkoll b’mod konkret biex tissaħħaħ il-produzzjoni agrikola lokali u titnaqqas id-dipendenza fuq prodotti importati permezz tal-implimentazzjoni ta’ diversi interventi taħt il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Dawn jinkludu l-pagamenti diretti lill-bdiewa, fosthom il-Complementary Income Support (CIS) u l-Eko-Skema Benefiċċju għall-Biedja Diversifikata u Sostenibbli (BDW), li jipprovdu appoġġ finanzjarju sabiex tinżamm il-produzzjoni agrikola u tiġi msaħħaħa l-vijabbilta tal-irziezet. Barra minn hekk, ARPA flimkien mal-Awtorità ta’ Ġestjoni għall-Fondi Ewropej tamministra skemi ta’ investiment produttiv li jassistu lill-bdiewa u lill-produtturi biex jimmodernizzaw l-operat tagħhom, itejbu l-effiċjenza, iżidu r-reżiljenza tas-settur u jsaħħu l-kapaċità produttiva lokali. Fost dawn liskemi hemm importanza ghal bdiewa żgħażagħ li qed jippromwovi wkoll it-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikolu permezz ta’ miżuri mmirati f’pagamenti diretti kif ukoll investimenti lejn bdiewa żgħażagħ sabiex tiġi żgurata l-kontinwita tal-produzzjoni agrikola fil-futur. Fl-istess ħin, l-intervent settorjali fil-qasam tal-apikultura qed jappoġġja s-sostenibbilta u l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-għasel lokali, filwaqt li l-Iskema Nazzjonali għall-Benesseri tal-Majjali tkompli tgħin lis-settur tal-majjali biex iżomm livelli għoljin ta’ produzzjoni u jsaħħaħ il-kompetittivita tiegħu. Dawn il-miżuri kollha flimkien jikkontribwixxu biex tissaħħaħ is-sigurta’ alimentari tal-pajjiż, inżidu l-kapaċità tal-pajjiż li jipproduċi aktar ikel u titnaqqas id-dipendenza fuq importazzjonijiet agrikoli.

Biedja organika – Persentaġġ ta’ art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-persentaġġ ta’ art (kif ukoll f’termini reali) li jitqies bħala biedja organika?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skont l-aħħar data disponibbli, l-art ċertifikata bħala biedja organika tammonta għal 66.1623 ettaru, filwaqt li 2.1425 ettaru oħra jinsabu fil-perjodu ta’ konverżjoni għall-biedja organika.

Prodott agrikolu lokali – ‘Unfair trading practices’ – Proċess ta’ reviżjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern bediex il-proċess biex jirrevedi ‘unfair trading practices’ li qed jaffettwaw il-prodott agrikolu lokali? Jekk iva, jista’ jgħid fiex wasal u meta se jkun iffinalizzat il-proċess ta’ reviżjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Unjoni Ewropea qed tkompli ssaħħaħ il-qafas legali kontra l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista agroalimentari. Għalkemm id-Direttiva (UE) 2019/633 għadha ma ġietx emendata formalment, ġew introdotti miżuri ġodda biex jissaħħaħ il-koordinament bejn l-awtoritajiet nazzjonali fl-infurzar transkonfinali, filwaqt li evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li, minkejja r-riżultati pożittivi tagħha, għad hemm sfidi relatati man-nuqqas ta’ għarfien tad-drittijiet mil-operaturi, il-biża’ ta’ ritaljazzjoni, u differenzi fl-infurzar bejn l-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji reviżjoni tad-Direttiva sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-bdiewa u operaturi fi ħdan il-katina tal-ikel, testendi l-lista ta’ prattiki pprojbiti, ittejjeb il-protezzjoni tal-ilmentaturi u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina tal-provvista alimentari. F'dan il-kuntest, rappreżentant tal-Bord dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti żamm ruħu aġġornat b'dawn l-iżviluppi fil-livell tal-Unjoni Ewropea u informa lill-Bord stabbilit dwar il-bidliet proposti. Madankollu, dawn l-iżviluppi ma kellhomx impatt fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, prinċipalment minħabba n-numru negliġibbli ta' talbiet jew każijiet ta' natura transkonfinali rrappurtati f'dan il-qasam.

Bdiewa – Prezzijiet tal-prodotti – Sehem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jieħu l-Gvern biex jiżgura li l-bdiewa jirċievu sehem ġust mill-prezzijiet tal-prodotti tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li permezz tal-Malta Food Agency, dan il-Gvern qiegħed jieħu diversi inizjattivi bil-għan li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fis-suq u joħloq kundizzjonijiet li jgħinuhom jiksbu sehem aktar ġust mill-valur finali tal-prodotti tagħhom. Fost dawn l-inizjattivi hemm it-tisħiħ kontinwu tal-ġestjoni u tal-operat tal-Pitkalija, bil-għan li tiżdied l-effiċjenza, it-trasparenza u t-traċċabbiltà fil-proċess tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli. Dan għandu jgħin sabiex il-proċess tal-bejgħ ikun aktar ċar u effiċjenti għall-produtturi u għall-operaturi kollha involuti. L-Aġenzija qiegħdha wkoll taħdem fuq inizjattivi ta’ marketing u żvilupp tan-negozju sabiex tippromwovi l-prodott lokali, issaħħaħ l-għarfien tal-konsumaturi dwar il-valur u l-kwalità tiegħu, u toħloq opportunitajiet ġodda ta’ bejgħ għall-produtturi Maltin u Għawdxin. Barra minn hekk, permezz ta’ opportunitajiet ta’ bejgħ dirett, il-bdiewa jistgħu jilħqu lill-konsumaturi u lill-operaturi kummerċjali b’mod aktar dirett. Dan jista’ jnaqqas id-dipendenza fuq l-intermedjarji u jagħti lill-produtturi opportunità li jżommu sehem akbar mill-valur tal-bejgħ tal-prodotti tagħhom. Qed tingħata wkoll assistenza u gwida lill-bdiewa sabiex itejbu l-klassifikazzjoni, il-gradazzjoni, il-preżentazzjoni u l-istandards tal-prodotti tagħhom. Dan jgħin sabiex il-prodott lokali jkun aktar kompetittivi, ikun f’pożizzjoni li jikseb valur aħjar fis-suq u jilħaq b’mod aktar effettiv l-aspettattivi tal-konsumaturi u tax-xerrejja kummerċjali. Permezz ta’ dawn il-miżuri, il-Gvern ser ikompli jaħdem sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni tal-produttur lokali fil-katina tal-provvista u jtejjeb l-opportunitajiet tiegħu li jikseb redditu aktar ġust għall-prodotti tiegħu.

Art agrikola abbandunata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn art potenzjalment agrikola li però tinsab abbandunata? Jista’ jgħid ukoll x’qed jagħmel il-Gvern biex jinċentiva li din l-art tibda tinħadem?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-Riżorsi Agrikoli Malta (RAM) nediet Skema ta' Inċentiv Finanzjarji għat-Trasferiment Temporanju ta' Art Agrikola , li permezz tagħha sidien ta' art agrikola jew dawk illi għandhom qbiela ta' art agrikola minn għand l-Awtorita' tal-artijiet li mhix tintuża jew użata minimament, ġew mħeġġa jgħaddu tali art lill-Aġenzija RAM għal perjodu temporanju ta' tlett snin. Sussegwentement, din l-art qiegħda tiġi eżaminata u ser tkun qed tiġi allokata lill-bdiewa żgħażagħ u lill-bdiewa kklassifikati taħt il-Kategoriji 3, 4 u 5 għall-produzzjoni tal-ikel. L-għan tal-iskema huwa li tnaqqas l-abbandun tal-art, iżżid l-użu produttiv tal-art agrikola u tiffaċilita aċċess akbar għall-art minn bdiewa attivi. Barra minn hekk, konġuntament, RAM nediet Skema ta' Kiri Temporanju ta' Art Agrikola , li permezz tagħha art agrikola ġestita mill-Aġenzija tista' tiġi allokata lill-bdiewa żgħażagħ u lill-bdiewa kklassifikati taħt il-Kategoriji 3, 4 u 5 għall-kultivazzjoni u għall-produzzjoni tal-ikel. Din l-iskema tappoġġja l-użu attiv tal-art agrikola disponibbli, issaħħaħ il-produttività agrikola u tikkontribwixxi għal żieda fil-produzzjoni tal-ikel. RAM ser tkun qed tniedi skemi oħra fejn tidħol art agrikola li mhix tintuża u li hija tal-Gvern sabiex din tkun tista' titqassam ukoll lil dawk il-bdiewa żgħażagħ u lil dawk li jixtiequ jidħlu sabiex din l-art tiġi allokata lilhom għall-produttivita' u produzzjoni tal-ikel.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel – Użu tal-Intelliġenza Artifiċjali – Linji gwida/politika adottata

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe linji gwida jew politika adottata dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 726.

Bdiewa, raħħala u sajjieda – Ħsarat – Għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna ngħatat lill-bdiewa, raħħala u sajjieda għal ħsarat ikkawżati minn maltempati jew nixfa matul dawn l-aħħar 15-il sena, maqsuma sena b’sena?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella segwenti bl-informazzjoni dwar għajnuna li ngħatat lill-bdiewa u sajjieda għal ħsarat ikkawżati minn maltempati mis-sena 2020 meta kien twaqqaf il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli. Bdiewa/Raħħala/Sajjeda Sena 2020 Sena 2021 Sena 2022 Sena 2023 Sena 2024 Sena 2025 Sena 2026 Għajnuna Maltempati (bdiewa – Maltempata 2019 – Ħsarat fl-għelejjel u strutturali) €352,741.49 €1,217,763.85 / / / / / Għajnuna Nixfa / / / / / / / Skema ta' Kumpens biex tipprovdi għajnuna lis-sidien ta' vapuri rreġistrati fil-MFA / MFB li sofrew ħsarat mill-maltempata tal- 2019 €287,817.76 / / / / / /

Bdiewa/raħħala – Għajnuna mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Gvern qed jgħin lill-bdiewa u r-raħħala biex jaddattaw għal perjodi ta’ nixfa li qed isiru dejjem aktar frekwenti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan l-Ministeru li tiegħu jiena responabbli joffri diversi servizzi li permezz tagħhom jagħti appoġġ lill-bdiewa u r-raħħala ħalli jkunu jistgħu jaddattaw għal perjodi ta’ nixfa. Permezz tas-servizzi offruti mill-AgriConnect u l-AgriKonsulta, tingħata gwida teknika mfassla skont il-ħtiġijiet tal-bdiewa sabiex itejbu l-użu tal-ilma, isaħħu l-ħamrija u l-immaniġjar tagħha, jottimizzaw l-użu tal-fertilizzant u jtejbu l-ippjanar tal-produzzjoni agrikola. Dawn l-inizjattivi jikkontribwixxu biex tiżdied ir-reżiljenza, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-servizz agrikolu Malti fir-rigward tat-tibdil tal-klima. Apparti minn dan, waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-proposti l-ġodda tal-Politika Nazzjonali għall-Agrikoltura għall-perjodu 2027-2037 hija ‘Ir-Reżiljenza relatata mal-Ilma, l-Enerġija, il-Klima u l-Ambjent’. Il-proposta għandha l-għan li tippromwovi l-użu effiċjenti tal-ilma u l-enerġija, il-prattiki intelliġenti fil-klima, il-metodi ta’ tkabbir ekoloġiċi, it-telf tal-ikel u t-tnaqqis tal-iskart, l-użu mill-ġdid tal-prodotti sekondarji, u l-ġestjoni ambjentali integrata, l-allinjament tal-attivitajiet agrikoli mal-objettivi nazzjonali tal-adattament għall-klima u s-sostenibbiltà. L-Awtorita’ ta’ Ġestjoni, flimkien mal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA), permezz tal-iskemi li toħroġ, tagħti ċ-ċans lill-benefiċjarji jagħmlu investimenti fl-azjenda tagħhom li jgħinu fil-ħażna tal-ilma. Bħalissa, infatti, hemm sejħa għall-applikazzjonijiet għall- On-Farm Productive Investments, intervent taħt il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni. Dan l-intervent għandu l-għan li l-bdiewa jingħataw għajnuna finanzjarja biex, fost proġetti oħrajn, jibnu infrastruttura għall-ħażna tal-ilma fl-għelieqi tagħhom.

Infrastruttura tat-tisqija – Passi meħuda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu biex tittejjeb l-infrastruttura tat-tisqija, b’mod partikolari l-infrastruttura biex jintuża n-new water, matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Konservazzjoni tal-ilma – Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-investiment li sar fil-qasam tal-konservazzjoni tal-ilma matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabelli segwenti li juru l-investiment li sar fil-qasam tal-konservazzjoni tal-ilma matul dawn l-aħħar ħames snin. Iċ-ċifri li jidhru hawn taħt  jirrappreżentaw l-investiment eliġibbli relatat ma' infrastruttura ta' ħażna u konservazzjoni tal-ilma identifikata permezz tal-line items marbuta ma' riżervwarji ffinanzjat minn fondi Ewropej taħt il-Pjan għall-Iżvilupp Rurali u l-Pjan Strateġiku għall-Politika Agrikola Komuni. RDP Imħallas sal-lum Data tal-Bidu tal-Kuntratt Eliġibbli 50% (grant) 2022 €                                  55,084.75 €                   27,542.38 2023 €                              2,828,461.91 €              1,414,230.96 PAK Imħallas sal-lum Data tal-Bidu tal-Kuntratt Eliġibbli 50% (grant) 2024 €                                426,337.38 €           213,168.69 2025 €                                150,608.77 €             75,304.39 2026 €                                             - €                        -

Bdiewa u raħħala

Question

Jista’ l-Ministru jagħti stampa demografika tal-bdiewa u raħħala full-time u part-time, inkluż l-età, il-lokalità u l-livell ta’ edukazzjoni? Jista’ jgħid ukoll x’qed isir biex dan is-settur jattira lejh aktar żgħażagħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazjoni qed tinġabar.

Bdiewa/raħħala – Skemi tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-bdiewa u r-raħħala li gawdew minn skemi tal-Gvern matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll minn fejn kienu (fejn kienet ir-raba) u kemm kienet il-valur tal-għajnuna?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-benefiċjarji tal-fondi taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK) jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal- Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA), skont ir-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni Ewropea. Informazzjoni dwar benefiċjarji ta' għajnuna mill-Istat li jaqbżu ċerti limiti stabbiliti tiġi ppubblikata mill-iState Aid Monitoring Board (SAMB), ukoll f'konformita’ mar-regolamenti rilevanti tal-UE.

Prodotti agrikoli – Produzzjoni lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-persentaġġ tad-domanda interna ta’ prodotti agrikoli li huwa milħuq bil-produzzjoni lokali?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi​ lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella li ġejja, li tinkludi l-produzzjoni agrikola lokali u dawk impurtati, mill-2022 sal-2025, skont data miġbura mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Għandu jiġi nnutat li l-frott u l-ħaxix jinkludu stima tal-bejgħ dirett u tal-konsum proprju. Jinkludu wkoll it-tadam għall-ipproċessar, l-għeneb għall-produzzjoni tal-inbid u stima tal-patata mkabbra għall-esportazzjoni. Il-laħam jinkludi l-piż tal-karkassa tal-baqar u tal-majjali. Id-data tal-importazzjoni hija bbażata fuq id-dikjarazzjonijiet magħmula min-negozjanti. Prodotti Agrikoli - Lokali u Importati (Kgs) 2022 2023 2024 2025 Frott u Ħaxix 59,890,963 61,650,793 58,226,447 59,826,085 Laħam 9,714,631 9,802,390 10,226,800 10,387,411 Bajd 5,587,163 5,363,676 5,553,837 5,626,529 Ħalib 38,974,466 37,077,786 38,155,562 36,707,934 Total: Produzzjoni lokali 114,167,223 113,894,645 112,162,646 112,547,959 Ammont globali ta' prodotti agrikoli importati 89,339,563 100,253,735 114,748,903 122,047,400

Provvista tal-ikel – Evalwazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’evalwazzjonijiet saru dwar is-sigurtà fil-provvista tal-ikel u dwar kemm il-pajjiż kapaċi jissodisfa d-domanda interna mingħajr importazzjoni (food security and self-sufficiency), matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern kompla jevalwa b’mod kontinwu r-reżiljenza tal-katina tal-provvista tal-ikel u l-fatturi li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-ikel f’pajjiżna, b’mod partikolari fid-dawl tal-isfidi internazzjonali li seħħew f’dan il-perjodu. Kif jirriżulta wkoll mit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1257, il-provvista tal-ikel f’Malta tibqa’ tiddependi kemm fuq il-produzzjoni lokali kif ukoll fuq l-importazzjoni. L-informazzjoni mogħtija f’dik it-tweġiba tagħti indikazzjoni ċara tas-sehem tal-produzzjoni lokali meta mqabbel mal-ikel importat, u tenfasizza l-importanza li nkomplu nsaħħu l-kapaċità produttiva tas-settur agrikolu u tas-sajd. Il-Gvern huwa impenjat li jżomm u jsaħħaħ il-produzzjoni lokali tal-ikel sabiex jiġi żgurat provvista stabbli ta’ prodotti friski u ta’ kwalità għall-konsumaturi Maltin u Għawdxin kif ukoll it-turisti li jżuru gżiritna. Dan qed isir u ser ikompli jsir permezz tal-appoġġ finanzjarju kontinwu lis-setturi tal-agrikoltura u s-sajd, kif ukoll permezz ta’ diversi inizjattivi u miżuri strateġiċi. F’dan il-kuntest, il-programm elettorali tal-Gvern il-ġdid jenfasizza li s-sigurtà tal-ikel hija kruċjali għal gżira żgħira bħal Malta u li l-provvista tal-ikel tiddependi mill-appoġġ kontinwu lill-bdiewa, lir-raħħala u lis-sajjieda. Il-Gvern huwa wkoll impenjat li jkompli jagħti valur lill-prodotti lokali u jsaħħaħ il-valur miżjud tas-settur tal-ikel Malti. Barra minn hekk, fost il-miżuri previsti hemm it-tfassil ta’ pjan nazzjonali ta’ riskju u kontinġenza għall-katina tal-provvista tal-ikel, li jinkludi miżuri għat-tisħiħ ta’ riservi strateġiċi u l-identifikazzjoni ta’ arranġamenti alternattivi għat-trasport tal-ikel sabiex il-provvista tkun assigurata f’kull ċirkostanza. Dawn il-miżuri huma maħsuba biex ikomplu jsaħħu r-reżiljenza tas-settur u jtejbu s-sigurtà tal-ikel f’pajjiżna.

Maltempata Harry – Skema ta’ għajnuna għas-sajjieda Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju tinsab l-iskema ta' għajnuna li kienet tħabbret għas-sajjieda Maltin b'rabta mal-ħsarat li ġarrbu fuq l-opri tal-baħar, kawża tal-Maltempata Harry? Jista’ jgħid ukoll kemm-il applikazzjoni waslet s'issa, jekk bdewx isiru l-pagamenti jew l-għajnuna mwiegħda, u jekk le, x'qed jikkawża dan id-dewmien?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ġiet sottomessa applikazzjoni għall-Fondi Ewropej taħt l-EU Solidarity Fund, fuq it-telf u l-ħsarat li sofrew is-sajjieda Maltin. Din l-applikazzjoni issa tinsab għall-iskrutinju tal-Kummissjoni Ewropea.

Maltempata Harry – Skema ta’ għajnuna għas-sajjieda Maltin

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar l-iskema ta' għajnuna li kienet tħabbret għas-sajjieda Maltin b'rabta mal-ħsarat li ġarrbu fuq l-opri tal-baħar, kawża tal-Maltempata Harry?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali – KPIs

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx stabbiliti indikaturi ta' prestazzjoni (KPIs) sabiex jitkejjel l-impatt tal-użu ta' sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu, u jekk iva, jelenkahom u jindika kif qed jitkejlu?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 704.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ġunju 2026?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor, Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli ghall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorgu mill-Public Procurement Regulations.