Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qorti tal-Maġistrati – appelli mill-Kummissarju għall-Ġustizzja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati u reġistrati appelli ġodda quddiem il-Qorti tal-Maġistrati mill-Kummissarju għall-Ġustizzja mill-bidu tas-sena 2023 sal-aħħar ta’ Ġunju 2023?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2023 sal-aħħar ta’ Ġunju 2023 fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) ġew preżentati 511 appelli ġodda mid-deċizjonijiet tal-Kummissarju għall-Ġustizzja. Filwaqt li fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) ġew preżentati 5 appelli ġodda mill-Kummissarju għall-Ġustizzja, li għad iridu jiġu reġistrati meta jasal l-inkartament min-naħa tat-Tribunal.

Ministeru għall-Ġustizzja — kuntratti mogħtija

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta’ kuntratti, direct orders, kummissjonijiet u/jew ingaġġi oħra mogħtija mill-Ministeru tiegħu mis-26 ta’ Marzu 2022 sal-ġurnata ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Għal kull każ jista’ jagħti: a. id-data meta ngħata; b. l-iscope of supply u/jew ix-xogħol u/jew il-provista li jkopri; ċ. il-valur tiegħu; d. it-termini li fih iridu jsiru x-xogħlijiet; e. il-metodu ta’ proċedura ta’ xiri li ntuża; u f. x’kariga kellu l-uffiċjal pubbliku li awtorizza x-xiri?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations, biex tinġabar il-bqija tal-informazzjoni kif mitluba jinqabeż l-Advisory Cost Limit kif stabbilit minn rulings diġà mogħtija preċedentement.

Ministeru għall-Ġustizzja — tenders dwar xogħol ta’ tindif, xogħol klerikali u xogħol ta’ sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi l-offerti tenders pubbliċi kollha aġġudikati u mirbuħa għax-xogħol ta' tindif, xogħol klerikali, xogħol ta' sigurtà, jew kwalunkwe xogħol estern ieħor li jsir minn aġenziji li ngħataw matul is-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Ġustizzja — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta' ħaddiema fi ħdan il-Ministeru mmexxi minnu fl-aħħar ta' Mejju 2023 u kemm minnhom kienu ċittadini Maltin?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li hemm 120 ħaddiem fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, li minnhom 118 huma ċittadini Maltin.

Ministeru għall-Ġustizzja – konsulenti legali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali li jagħtu konsulenza lill-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid ukoll min huma l-konsulenti legali ta' kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Għal kull każ, jista’ jgħid minn meta ilhom jagħtu din il-konsulenza legali u kemm jitħallsu għaliha?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Ġustizzja – membri ta’ bordijiet u entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri preżenti kollha ta' kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż iċ-Chairperson u s-Segretarju/a? Jista' jgħid x'inhi r-remunerazzjoni ta' kull persuna fil-bord jew entità rispettiva?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kodiċi Kriminali — Artikolu 604 diskrepanza bejn il-verżjoni Maltija u dik Ingliża

Question

Peress illi teżisti diskrepanza bejn il-verżjoni Maltija u dik Ingliża tal-Artikolu 604 tal-Kodiċi Kriminali, jista' l-Ministru jgħid jekk din id-diskrepanza hijiex se titranġa, u f'dan il-każ jgħid jekk l-għalliema humiex se jkunu eżentati milli jservu bħala ġurati fil-Qrati ta` pajjiżna ġaladarba l-verżjoni Maltija għandha tipprevali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskrepanza fil-verżjoni tal-Malti u l-Ingliż, fl-artikolu fil-Kodiċi Kriminali ċċittat minnha, u li kien emendat l-aħħar darba fl-2006, se jkun qed jiġi indirizzat.

Ministeru għall-Ġustizzja — rata ta’ pagi lill-ħaddiema ta’ aġenziji tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet ir-rata tal-paga fis-siegħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol imħallsa lill-ħaddiema kollha (elenkati skont ix-xogħol jew kif ġew ippubblikati l-offerti) li huma impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u jipprovdu servizz għall-Ministeru u l-awtoritajiet kollha, entitajiet tal-Gvern u kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10188.

Ministeru għall-Ġustizzja – Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders u kemm kien l-ammont totali tal-valur tagħhom, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul l-2022, xahar b'xahar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Ġustizzja — persuni li għandhom car allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-Ministeru mmexxi minnu, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom car allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9592, ninformah li hemm 9 persuni li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti mill-kuntratt tagħhom, għax huma parti jew jaħdmu mas-Segretarjat.

Ministeru għall-Ġustizzja — Rwol ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individw,u li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, huwiex membru fuq bord li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru/Segretarju Parlamentari? Jekk iva, liema hu l-bord, x’inhu r-rwol ta’ dan l-individwu, x’inhuma l-kwalifiki li għandu biex ikun fuq il-bord imsemmi u kemm qed jitħallas fis-sena biex ikun fuq dan il-bord?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha ingħataw separatament mhux membru fuq bord li jaqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Ministru.

Għar Lapsi — pavimentar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti istruzzjoni lil Infrastructure Malta biex tneħħi t-tarmak li tpoġġa fin-niżla ta’ Għar Lapsi u minflok tagħmel pavimentar addattat għall-ambjent bħalma wieħed jistenna?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Nuqqas ta' ħlas ta' manteniment — priġunerija

Question

Jista' l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9084, 9371 u 9712 u jgħid kemm kien hemm missirijiet u ommijiet li fis-sena 2020 effettivament instabu ħatja ta' ksur tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta) artikolu 338(z), dwar in-nuqqas ta' ħlas tal-manteniment, u artikolu 338(II), dwar in-nuqqas ta' aċċess ta' wlied minuri, u kemm weħlu twissijiet, multi, ħabs sospiż u/jew priġunerija?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 9130.

Prim’Awla Sede Kostituzzjonali – kawżi pendenti kontra l-Avukat tal-Istat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9466 mogħtija fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju, 2023, jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-partijiet f’kull waħda mill-kawżi elenkati f’dik it-tweġiba?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sas-6 ta’ Ġunju 2023.

Ministeru għall-Ġustizzja — impjegati minn ħaddiema ta’ aġenziji tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023 sal-lum?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 10188.

Ministeru għall-Ġustizzja — persuni li għandhom disturbance allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-Ministeru mmexxi minnu, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom disturbance allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9573, ninformah li m’ hemmx persuni li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti mill-kuntratt tagħhom, għax huma parti jew jaħdmu mas-Segretarjat.

Reġistratur tal-Qorti (Ċivili) – ġbir ta’ flus fi drittijiet u spejjeż dovuti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru flus fi drittijiet u spejjeż dovuti lir-Reġistratur tal-Qorti (Ċivili) matul is-sena li għaddiet 2022?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2022 is-somma miġbura fi drittijiet u spejjeż mir-Reġistratur tal-Qorti (Ċivili) hija ta’ €5,145,569.08.

Liġijiet u kawżi dwar il-kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi u disturb tal-ġirien

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9472 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid: a. liema huma l-liġijiet applikabbli għall-kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi u disturb tal-ġirien; b. kemm-il kawża saret quddiem il-Qrati Maltin bejn l-2020 u Mejju 2023 dwar kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi, u disturb tal-ġirien; ċ. kemm persuni nstabu ħatja; u d. jekk il-Gvern għandux intenzjoni jtejjeb il-liġijiet dwar storbju, ħsejjes eċċessivi, u disturb tal-ġirien, u forsi jħarrax il-pieni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġijiet applikabbli għall-kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi u disturb tal-ġirien huma l-Kodiċi Kriminali, Kap.9, il-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija, Kap. 10, u l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja tar-Regolamenti biex Jinżamm il-Bon Ordni f’Lokalitajiet ta’ Divertiment. Rigward kemm-il kawża saret quddiem il-Qrati Maltin bejn l-2020 u Mejju 2023 dwar kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi, u disturb tal-ġirien u kemm persuni nstabu ħatja ninforma lill-Onor. Interpellant li peress illi r-reati dwar kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi, u disturb tal-ġirien huma ta’ kompetenza ordinarja, l-Aġenzija ma żżomx statistika dwar il- kawżi li huma tad-distrett.

Qrati Maltin – każijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9991 u jgħid kemm hu n-numru ta’ każijiet pendenti quddiem il-Qrati Maltin bħalissa? Jista' jgħid kemm kien hemm każijiet li nqatgħu matul is-sena 2022 u kemm daħlu każijiet ġodda quddiem il-Qrati Maltin matul l-istess perjodu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-31 ta’ Mejju 2023 fil-Qrati Maltin kien hemm 30,090 każ pendenti. Fis-sena 2022 kien hemm 16,293 każ li ġie deċiż u 19,387 każ introdott. Ta’ min jinnota x-xogħol li qed isir f’dawn l-aħħar snin biex jitnaqqsu l-livelli tal-każijiet pendenti fil-Qrati Maltin. Biex inżidu l-effiċjenza ġew maħtura diversi Maġistrati u Mħallfin biex b’hekk in-numru ta’ Ġudikanti żdied sostanzjalment fi ftit snin. Ħa nkunu qed nkomplu nagħmlu dan fil-kompetenzi li hemm bżonn u b’mod strutturat. Niġbed l-attenzjoni ukoll li bħalissa l-Aġenzija għaddejja b’eżerċizzju biex tkabbar l-ispazju tagħħa u jitkomplew jiżdiedu l-awli fejn jinstemaw l-każijiet. Ma’ dan insemmi wkoll li l-Gvern ser jkun qed jagħmel tibdil leġiżlattivi fil-futur qarib dwar il-proċess tal-kumpilazzjonijiet li fil-fatt dwaru nħarġet konsultazzjoni pubblika x-xaħar li għadda. Fost oħrajn inkompli nżid li bħala parti mill-Istrateġija dwar il-Ġustizzja Diġitali, l-Aġenzija qiegħda fil-proċess li toħroġ sejħa pubblika biex ikollha sistema ta’mmaniġġjar ta’ informazzjoni moderna u attrezzata biex tiżdied l-effiċjenza fil-ħidma tagħha u tal-Ġudikatura.

DG tal-Qorti tal-Ġustizzja – ċirkolari dwar ħlasijiet lill-esperti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda kopja taċ-ċirkolari/memo/direttiva li d-DG tal-Qrati tal-Ġustizzja ħarġet fl-aħħar xhur dwar ħlasijiet lill-esperti nominati minn Maġistrati Inkwirenti (dik li titkellem dwar 75% ħlas)?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija ma ħarġet l-ebda tip ta' ċirkolari/memo/direttiva f'dan ir-rigward.