Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Ippjanar - Applikazzjonijiet għal bini ta’ krematorji

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 31242 (li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva) u 31243, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-krematorji, (li jintużaw fil-każ ta’ kremazzjoni tal-bnedmin) quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar? Kemm applikazzjonijiet għal dan l-iskop ġew deċiżi sa issa, u x’kienet id-deċiżjoni? Jista’ jgħid ukoll fejn jinsabu s-siti marbuta mal-applikazzjonijiet ta’ dawn il-krematorji u skont liema policies qed jiġu kkunsidrati dawn l-istess applikazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra it-tabella mitluba. L-Awtorita’ għandha quddiemha applikazzjoni waħda bi proposta għall-Krematorju bir-referenza PA5280/21, liema sit jinsab barra l-Konfini taċ-Cimiterju tal-Addolorata limiti ta’ Raħal Gdid.  Din l-applikazzjoni qegħda tiġi evalwata skont il-“Policy and Design Guidance for the Development of standalone Crematoria, September 2024 (Partial Review of the Cemeteries Policy and Design Guidance 2015)”. Il-lista tinkludi dawk l-applikazzjonijiet li fid-deskrizzjoni tal-iżvilupp provduta mill-Perit tal-każ tinkludi l-kliem ‘crematorium...', ‘krem...' jew cremation...').

CT2299/2024 - ‘FRAMEWORK CONTRACT FOR PROVISION OF GENERAL ROAD WORKS INC. LAYING OF ASPHALT IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS FOR THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING’

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar is-sejħa CT2299/2024 - ‘FRAMEWORK CONTRACT FOR PROVISION OF GENERAL ROAD WORKS INC. LAYING OF ASPHALT IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS FOR THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING’? Liema xogħlijiet saru sa issa u fejn saru u fiex kienu jikkonsistu u kemm ġew jiswew permezz ta’ din is-sejħa?  Jista’ jgħid ukoll liema xogħlijiet hemm ippjanati li jsiru permezz ta’ din is-sejħa fil-ġimgħat li ġejjin u kemm huma stmati li se jiġu jiswew?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ix-Xlendi, Għawdex - Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Parkeġġ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9002 li ngħatat fid-29 ta’ Mejju 2023 dwar il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi li kien tħabbar l-ewwel darba f’Jannar 2019 u baqa’ jissemma f’kull baġit, iżda sal-lum baqa’ ma sar xejn minnu, fejn kien ġie mwieġeb li “riġenerazzjoni tal-parkeġġ mingħajr ma ssir riġenerazzjoni tal-waterfront u l-areas tal-madwar ma tindirizzax l-issues kollha. Għalhekk se nibdew konsultazzjoni mas-sidien tal-istabbilimenti sabiex l-area tkun organizzata bħalma kien sar ġewwa Marsalforn”, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux konsultazzjonijiet u x’kien l-eżitu tagħhom? Jista’ jgħid ukoll x’sar f’dawn aħħar xhur u kemm hi stmata li se tkun l-ispiża fuq dan il-proġett u meta hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li se ssir konsultazzjoni pubblika dwar ir-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi.

CT7002/2024 - Establishment of a Dynamic Purchasing System for Construction and Maintenance of Roads across Gozo and Comino in a Resource Efficient Manner, Ministry for Gozo and Planning

Question

B’referenza għas-sejħa ‘CT7002/2024 - Establishment of a Dynamic Purchasing System for Construction and Maintenance of Roads across Gozo and Comino in a Resource Efficient Manner, Ministry for Gozo and Planning’, li nħarġet mill-Ministeru tiegħu fix-xhur li għaddew, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm u min huma l-kuntratturi li wrew interess f’din is-sejħa? Jista’ jgħid ukoll liema huma x-xogħlijiet li huma ppjanati li jsiru fl-immedjat minn din is-sejħa u fejn, u fiex jikkonsistu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għas-sejħa CT7002/2024 – Establishment of a Dynamic Purchasing System for Construction and Maintenance of Roads across Gozo and Comino in a Resource Efficient Manner , ġew sottomessi għadd ta’ espressjonijiet ta’ interess minn l-operaturi. Fir-rigward tax-xogħlijiet permezz ta’ dan id-Dynamic Purchasing System, bħalissa l-Ministeru qiegħed fl-istadju ta’ finalizzazzjoni tal-ewwel pakketti ta’ xogħlijiet li se jiġu kkummissjonati taħt din l-iskema.

Għawdex – Proġett ta’ bini ta’ Yacht Marina u Cruise Liner Passenger Terminal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi u x’sar matul is-sena 2024 u s-sena 2025 dwar il-bini ta’ Yacht Marina u Cruise Liner Passenger Terminal li l-Gvern kien ħareġ espressjoni ta’ interess għalihom f’Marzu 2013? Fid-dawl li għaddew aktar minn disa’ snin u ma ssemma’ xejn iżjed dwarhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-espressjoni ta’ interess li kienet inħarġet għadhiex għaddejja jew ġietx imwaqqfa, u jekk dawn il-proġetti humiex ser isiru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14071.

Bini ta’ mħażen għall-karrijiet tal-Karnival

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12078 (li ġiet imwieġba mill-Ministru preċedenti fit-Tlettax-il Leġiżlatura), jista’ l-Ministru jgħid x’sar mal-Awtorità tal-Ippjanar s’issa, dwar il-bini ta’ mħażen tal-Karnival f’Għawdex? X’inhu n-numru tal-applikazzjoni jew tal-iscreening number tal-applikazzjoni li saret għall-bini ta’ dawn l-imħażen? Jista’ jgħid ukoll jekk għas-sena 2025, ġiex maħsub vot fil-Baġit għall-bini ta’ dawn l-imħażen għad-dilettanti tal-Karnival?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isiru konsultazzjonijiet ma’ diversi entitajiet.

Ta’ Qali - Picnic Area - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tan-notifika ta’ żvilupp tax-xogħlijiet fil-picnic area f’Ta’ Qali, inklużi l-pjanti u l-elevazzjonijiet, kif ukoll kopja tar-risposta mogħtija mill-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li fejn għandu x’jaqsam xogħlijiet f’Ta’ Qali, l-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiemha l-applikazzjoni bin-numru PA/08356/24.

Ix-Xewkija, Għawdex – Żona industrijali – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ tisbiħ, xogħlijiet infrastrutturali u bini ta’ toroq mill-ġdid saru ġewwa ż-Żona Industrijali fix-Xewkija, Għawdex matul l-2025? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu u kemm intefqu flus?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2025 sar tindif ta’ kuljum f’Ta’ Dbiegi u fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija, apparti żbir ta’ siġar u manutenzjoni.

Ix-Xewkija – Triq ta’ Ħamet – Zebra Crossing

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25009 dwar il-periklu kbir li hemm għal min ikun irid jaqsam Triq Ta’ Ħamet, fix-Xewkija, u għaliex għadha ma saritx zebra crossing kif kien hemm qabel, fejn ġie mwieġeb li “l-Ministeru qiegħed f’taħditiet ma’ Transport Malta fuq din iż-zebra crossing. Dawn it-taħditiet waslu fl-aħħar. Hekk kif jinħareġ il-permess jinbeda x-xogħol fuq iż-zebra crossing.”, peress li għaddew iktar minn sentejn u nofs, jista’ l-Ministru jgħid għaliex din iż-zebra crossing għadha ma saritx u min min-naħa tal-Ministeru se jerfa’ r-responsabbiltà jekk iseħħ inċident?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2025 sar tindif ta’ kuljum f’Ta’ Dbiegi u fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija, apparti żbir ta’ siġar u manutenzjoni.

Ix-Xewkija Għawdex - Korsa taż-Żwiemel Ta’ Xħajma - Bini mill-ġdid tal-istalel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar il-bini mill-ġdid tal-istalel taż-żwiemel u manure clamp fil-Korsa taż-Żwiemel Ta’ Xħajma, ix-Xewkija, Għawdex u x’sar f’dawn l-aħħar erba xhur?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għadu qed jistenna l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Social Assistant 1

Question

B’referenza għas-sejħa mill-Ministeru tiegħu sabiex jiġu ingaġġati ‘Social Assistant 1’ mal-ministeru tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid meta nħarġu l-calls, fejn ġew ippubblikati, meta ġew ippublikati, kemm damu miftuħa u x’tip ta’ kwalifiki u esperjenza ried ikollu min japplika? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li applikaw għal din is-sejħa, kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa, u kemm minnhom għaddew mill-Interview?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward tal-proċess għas-sejħa għall-pożizzjoni ta' Social Assistant, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar joħroġ vacancy form għal din il-pożizzjoni, u l-proċess ta' identifikazzjoni tal-persuni eliġibbli u li għandhom il-kwalifiki mitluba jiġi mmaniġġjat minn Jobsplus. Eventwalment, il-Jobsplus jidentifika l-applikanti eliġibbli minn fost dawk li jkunu qed jirreġistraw, u dawn jiġu infurmati sabiex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Wara li jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet, il-kandidati jiġu mistiedna għal intervista. Ir-riżultati tal-intervisti u l-ordni tal-mertu ta' kif ġew il-kandidati jiġu pubblikati pubblikament fuq in-notice board tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. B'kollox, il-Ministeru rċieva 17-il applikazzjoni għal din il-pożizzjoni, u l-applikanti kollha ġew mistiedna għal intervista.

PA/03313/21 Location of development: Wied ta’ Xhajma, Triq ta’ Xhajma, Xewkija, Triq ir-Rabat, Nadur; Wied il-Hanaq, Triq ir-Ramla, Xagħra, Triq ir-Ramla, Nadur Description of works: To rehabilitate, clean up valley and carry out other maintenance works

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet għaliex l-applikazzjoni li saret mil-Ministeru tiegħu: ‘PA/03313/21 Location of development: Wied ta’ Xħajma, Triq ta’ Xħajma, Xewkija, Triq ir-Rabat, Nadur; Wied il-Ħanaq, Triq ir-Ramla, Xagħra, Triq ir-Ramla, Nadur Description of works: To rehabilitate, clean up valley and carry out other maintenance works’, ġiet irrakkomandata bħala ‘Refuse Permission’? Jista’ jgħid ukoll jekk f’Settembru tal-2025 kinux diġà bdew xi xogħlijiet ta’ skavar/tindif ta’ materjal mill-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess għall-applikazzjoni bin-numru PA/03313/21 inħareġ nhar it-2 ta’ Diċembru 2025. F’Settembru tal-2025 x-xogħlijiet ta’ tindif ta’ materjal kienu koperti mill-permess bin-numru ta’ referenza PA/00769/20.

Ix-Xewkija - Triq il-Gidi – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta, bejn wieħed u ieħor, ser jibda x-xogħol ta’ bini u rikostruzzjoni ta’ Triq il-Gidi fix-Xewkija (li taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tal-Ministeru tiegħu), peress li f’dawn l-aħħar disa’ snin u nofs sar ħafna bini fiha u tinsab bla wiċċ, u fi stat ħażin ħafna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din hija waħda mit-toroq, li huwa ppjanat, li tiġi asfaltata.

CT2130/2025 - RECONSTRUCTION AND UPGRADING OF SEVERAL ROADS IN QALA AND NADUR, GOZO IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS INCLUDING THE REPLACEMENT OF BURIED INFRASTRUCTURE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni tas-sejħa ‘CT2130/2025 - RECONSTRUCTION AND UPGRADING OF SEVERAL ROADS IN QALA AND NADUR, GOZO IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS INCLUDING THE REPLACEMENT OF BURIED INFRASTRUCTURE’ u meta hu maħsub li jingħalaq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sejħa għall-offerti qiegħda fi proċess ta’ evalwazzjoni.

CT3010/2025 TENDER FOR THE RECONSTRUCTION OF RUBBLE WALLS ALONG TRIQ TA’ XURDIN, TRIQ IR-RAMLA L-HAMRA AND TRIQ L-INZUL TAL-FRANCIZI, NADUR, GOZO AND IN OTHER SITES IN GOZO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni tas-sejħa ‘CT3010/2025 TENDER FOR THE RECONSTRUCTION OF RUBBLE WALLS ALONG TRIQ TA’ XURDIN, TRIQ IR-RAMLA L-HAMRA AND TRIQ L-INZUL TAL-FRANCIZI, NADUR, GOZO AND IN OTHER SITES IN GOZO’ (liema sejħa għalqet fil-5 ta’ Ġunju 2025) u meta hu maħsub li dan jingħalaq? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-proġett huwiex iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u jekk iva mil-liema programm u sakemm hu t-terminu li fih għandu jitlesta dan il-proġett sabiex b’hekk ma jintilfux il-fondi ta’ EU?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sejħa għall-offerti qiegħda fi proċess ta’ evalwazzjoni.

Skema ta’ €100 fix-xahar għall-istudenti li jikru akkomodazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32610 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u jgħid jekk l-iskema fejn studenti jingħataw €100 fix-xahar meta jikru akkomodazzjoni bejn tliet studenti għadhiex fis-seħħ, u jekk hux ser tibqa’ fis-seħħ fl-2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li - kif tħabbar fil-baġit li ġie ppreżentat nhar is-27 ta’ Ottubru li għadda - minn Jannar tas-sena d-dieħla l-iskema ta' sussidju għall-istudenti li jikru akkommodazzjoni se tiġi amalgamata mal-iskema ta' sussidju għall-istudenti. Nixtieq infakkar li fil-preżent, aktar minn 850 student jibbenefikaw minn l-iskema ta' għajnuna għall-istudenti u għaldaqstant jingħtaw €166.66 fix-xahar.  Apparti hekk, madwar 150 minn fost dawn it-850 student jibbenefikaw ukoll sa massimu ta' €100 fix-xahar taħt l-iskema tal-għajnuna għall-akkommodazzjoni.  L-iskema tal-għajnuna għall-akkommodazzjoni se tibqa' fis-seħħ sa Diċembru 2025, biex eventwalment minn Jannar li ġej, tidħol fis-seħħ skema waħda li permezz tagħha l-istudenti kollha - li jammontaw għal aktar minn 850 student - jirċievu s-somma ta’ €280 fix-xahar.
Leg 14 PQ #32589 Sitting 420 - 10/12/2025 16:30 2025-12-10 Oral · Final From: CHRIS SAID (Partit Nazzjonalista) To: Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar

Għawdex - Ta’ Xħajma - Proġett tas-Solar flowers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun ir-rwol tal-Ministeru tiegħu fil-proġett magħruf bħala ‘solar flowers’ li tpoġġew f’Ta Xħajma, Għawdex, issa li dan tlesta u ġie inawgurat? Jista’ jgħid ukoll jekk 'is-solar flowers' f'dawn l-aħħar ġimgħat u fil-preżent humiex qed jaħdmu kollha b'mod regolari u jiġġeneraw l-enerġija ta' kuljum?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn s-‘solar flowers’, li qegħdin jaħdmu kollha, huma mgħammra b’sistema teknoloġika intelliġenti. Permezz ta’ din is-sistema, meta jkun hemm buffuri ta’ riħ li jaqbżu ċertu limitu, dawn is-‘solar flowers’ jiċċaqalqu f’qagħda orizzontali jew jingħalqu għal kollox. B’hekk dawn is-‘solar flowers’ ma jġarrbux ħsarat.

Il-Mellieħa – Fortizza Campbell – Studji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32756 u jgħid kemm-il studju sar mill-Awtorità tal-Ippjanar jew minn xi awtorità tal-Ippjanar oħra qabilha, għal dak li jikkonċerna l-ispazju li fih hemm il-Fortizza Campbell, f’Selmun, il-Mellieħa u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn l-istudji?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli li l-valur storiku, kulturali u ambjentali tal-Forti u l-pajsaġġ tal-madwar ġie rikonoxxut mill-Awtorita’ kif jixdhu d-diversi deċiżjonijiet ta’ skedar li ħadet matul iż-żmien abbażi ta’ evalwazzjoni tal-valuri (heritage significance evaluations) – skedar tal-Forti Campbell fl-1997 (GN8/97), skedar  tal-irdumijiet bħala Area of High Landscape Value fl-1996 (GN400/96, GN903/15, GN168/20) u bħala Area of Ecological Importance ukoll fl-1996 (GN400/96). Il-pajsaġġ madwar il-Forti ġie wkoll protett bħala parti miż-żoni ta’ Natura 2000 (GN1379/16) u din iż-żona hi suġġetta għal Management Plan li sar bejn Ottubru 2012 u Marzu 2014.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Safety audit ta’ proġetti u toroq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32070 fl-intier tagħha u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proġetti/toroq ġewwa Għawdex li s’issa sarilhom safety audit jew li fil-preżent, il-Ministeru tiegħu qed jagħmel safety audit tagħhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Ministeru qed jagħmel safety audit tat-Triq Ġorġ Pisani, Triq Patri Ġiacintu Camenzuli u Triq Marsalforn.

Ix-Xewkija –Żona industrijali – Bozoz fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex f'dawn l-aħħar ġimgħat, il-bozoz ta’ numru ta’ toroq fiż-żona industrijali tax-Xewkija, ma kinux qed jixgħelu? Jista’ jgħid ukoll għaliex dawn il-bozoz baqgħu ma tranġawx u meta ser jitranġaw?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hekk kif ġie infurmat, il-Ministeru ħa azzjoni immedjata biex il-bozoz jerġgħu jinxtegħlu.