Legislature:
Category:
Reset
Active:

Crisis Intervention Unit

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru għas-Saħħa jgħid jekk għadux jeżisti l-Crisis Intervention Unit? Jista' jgħid jekk dan kienx magħmul minn psikjatra u professjonisti oħra mħarrġa biex jassistu f'każ ta' attentat ta’ suwiċidju?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-isptar Mater Dei hemm il-Psychiatric Emergency Support Service, li jaħdem 24 siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd. Dan huwa magħmul minn psikjatri li mbagħad jinvolvu professjonisti ta’ dixxiplini oħra dejjem skont l-esiġenzi tal-każ. Dan is-servizz huwa mmirat għal persuni li jmorru l-Emerġenza u jkollhom problemi psikjatriċi biss, jew problemi psikjatriċi u problemi fiżiċi. Fost dawn il-problemi jinkludu ukoll ħsibijiet ta’ suwiċidju. Ta’ min isemmi illi riċentament tnieda servizz ta’ 24 siegħa kuljum permezz tal-helpline 1770 b’kollaborazzjoni mar-Richmond Foundation.

Qasam tas-Saħħa Mentali – Taħriġ lil staff/professjonisti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11845, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti risposta dwar it-taħriġ fuq bażi annwali li jingħata lill-istaff/professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2019 ngħata diversi opportunijiet u taħriġ lill-istaff/professjonisti f’diversi oqsma u suġġetti dwar is-saħħa mentali. Fost dawn kien hemm: Training Analysis exercise, Motivational Interviewing, Vicarious Trauma Stress and Burnout, CBT and its implications to mental health, Assertiveness, Elderly Abuse, Holistic Counselling, This is me: Narratives of Lived Experiences, Seeing the person in the patient, Perinatal Mental Health, De-escalation and Physical Intervention training, refresher training gewwa l-Ingilterra f’advanced de-escalation and physical intervention techniques , Workshops Mental Health Strategy, Synthetic Drugs lecture, Clinical Supervision għal infermiera f’sala partikolari , Reintegration of Migrants, Team Building: Care, Cooperation, Commitment, Masterclass in EMDR, EMDR Consultant Course, Mirror Therapy for Eating Disorders, First Aid course, Dialectical Behavioural Therapy Part II, Allied Health Intake Training, Fire and Safety training, Ongoing Sensory Integration Training , hemm ukoll xi professjonisti illi bħalissa qed jagħmlu l- Masters u kif ukoll qed ikompli jingħata taħriġ għar-rekluti ġodda; Induction Week for new Recruits u Preceptorship New Recruits.

Statistika ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm fil-preżent huwa n-numru ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali fil-lokalitajiet tat-Tielet Distrett u f’liema lokalitajiet qegħdin jgħixu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru totali ta’ persuni li jattendu fil-Psychiatric Out Patients (POP) kif ukoll fiċ-Ċentru tas-Saħħa Mentali ta’ Raħal il-Ġdid għall-kura tas-saħħa mentali mil-lokalita’ taż- Żejtun huwa 271, minn Marsaxlokk 49 pazjent, minn Ħal Għaxaq 73 filwaqt li minn Marsaskala hemm 221 pazjent.

Servizz tal-Outreach

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hemm persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li bħalissa qed jirċievu s-servizz tal-Outreach u jekk dawn il-klijenti kollha għandhomx ‘care plan’? Kemm hija l-lista ta’ stennija għal dan is-servizz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 265 persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li qed jirċievu s-servizz tal-Outreach. Dawn il-persuni kollha għandhom care plan skont il-ħtieġa tagħhom. Għal dan is-servizz ma hemm l-ebda lista ta’ stennija.

Sptar Mater Dei – pazjenti barranin

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm pazjenti barranin li ngħataw kura fl-Isptar Mater Dei fl-2018 u s-sena l-oħra? X’kienu r-raġunijiet prinċipali li dawn il-pazjenti barranin kellhom jiġu ammessi f’dan l-Isptar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tal-pazjenti barranin li ngħataw kura fl-Isptar Mater Dei fis-snin imsemmija tinsab fit-tabella t’hawn taħt. Accident and Emergency 2018 18,866 2019 22,278 Ward Admissions 2018 4578 2019 5957 Outpatient Appointments 2018 50,837 2019 57,417

COVID-19 – xufiera ta’ containers li jiġu f’Malta bil-catamaran u bastimenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed isir f’pajjiżna sabiex naċċertaw li xufiera ta’ containers li jidħlu f’Malta via l-catamaran u bastimenti oħra, mhux qed ikunu ta’ periklu għall-poplu tagħna bit-tixrid tal-marda tal-COVID-19? Jista’ jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex naċċertaw li f’pajjiżna dawn ix-xufiera mhumiex ta’ periklu għalihom infushom, għall-familji tagħhom u għal sħabhom fuq il-post tax-xogħol?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xufiera ta’ trakkijiet li jkunu embarkaw minn Sqallija mhux qed jitħallew joħorġu mill-Virtu Sea Terminal jew xi bastiment ieħor.

Ministeru għas-Saħħa – rapporti ta’ serqiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12632, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid: 1. x’tip ta’ serqiet saru mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa u li ġew irrapportati lill-Pulizija ? X’insteraq? 2. kemm kien l-ammont (valur) ta’ kull serqa? 3. speċifikament, minn fejn saru dawn is-serqiet? 4. kemm kien il-valur totali ta’ dawn is-serqiet? u 5. x’passi ttieħdu fil-konfront ta’ min wettaq dawn is-serqiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn l-2017 u l-2019, mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali saru 5 serqiet/sgass li l-ammont kien ta’ €1880.4 u saru minn uffiċċji, karozzi u ċimiterji. F’kull każ ma ġie ħadd identifikat għalhekk ma setawx jitkomplu l-investigazzjonijiet mill-Pulizija. Mill-isptar Monte Karmeli saret serqa waħda ta’ valur inqas minn €10 minn trolley ħdejn sala partikolari. L-investigazzjonijiet saru mill-pulizija fejn ipproċedew bil-Qorti. Mid-Dipartiment tal-Kura Primarja saru 15 il-serqa li l-ammont/valur misruq mhux f’kull każ huwa magħruf u saru miċ-ċentri tas-saħħa tal-Furjana, Mosta, Ħal Qormi, Raħal Ġdid,Bormla u Birkirkara. Mill-isptar Mater Dei u miċ-Ċentru tal-Onkoloġija saru 113 il-serqa li l-ammont/valur misruq mhux f’ kull każ huwa magħruf u dawn saru minn swali fejn il-pazjenti kienu qed jieħu l-kura, mir-reception areas, staff rooms, mid-dipartiment tal-outpatients, mid-dipartiment tad-dentristrija, mill-Emerġenza, mit-teatri u mid-Daycare. L-oġġetti misruqa kienu jinkludu kartieri, flus, mobiles u chargers, pagers, handbags, ħwejjeġ u bjankeriji, tablets/ipads, wheelchairs, ikel, trolley, magni taz-zokkor, magna tal-pressjoni elettronika, Stethoscopes, Pulse Oxymeter, bin, key chains, Liquidiser, Sandwich toaster, arloġġi, ċrieket u ġiżirana tad-deheb, laptops, ġugarelli tat-tfal, żarbun, Infrared thermometer u saħansitra ramm minn sistema li tilqa’ għas-sajjetti.

Għawdex – imxija tal-Coronavirus

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega lill-Parlament dwar dan li ġej in kwantu Għawdex u l-imxija tal-Coronavirus: a. Kemm sodod eżattament tħejjew f’Għawdex u kemm minnhom huma għall-kura intensiva? b. Kemm hemm bżonn li jiġi ingaġġat jew inkella miġjub staff ġdid kwantu dawn is-sodod? c. Liema mill-pazjenti Għawdxin milquta mill-virus ser ikunu qed jiġu trasferiti Malta għall-kura u liema ser jinżammu fis-sodod preparati f’Għawdex? d. Għaliex il-pazjenti mhux ser ikunu qed jiġu trasferiti bl- air ambulance li għadu kemm ġie inawgurat? e. X’miżuri qed jittieħdu biex waqt it-traġitt bl-art tal-pazjenti, jiġi protett l-istaff tal-vapur/i tal-Gozo Channel u l-pubbliku in ġenerali? f. Veru li l-anzjani residenti f’Dar Sant’Anna ser jiġu rilokati għal post alternattiv u jekk iva, jekk hux kollha kemm huma, fejn u meta? g. Hemm ħsieb li f’Għawdex isir swab hub ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-isptar Ġenerali t’Għawdex qed jitħejjew 123 sodod u 13 għal kura intensiva għal pazjenti Covid. L-istaff ser jiġi deployed skont il-bżonnijiet li ser ikunu qed jinqalgħu. L-isptar Ġenerali t’Għawdex huwa lest li jilqa’ lill pazjenti Covid. Id-deċiżjoni dwar min u kif jiġi ttrasportat pazjent bejn l-isptar ta’ Għawdex u l-isptar Mater Dei hija deċiżjoni klinika meħuda b’mod konġunt mit-timijiet mediċi taż-żewġ sptarijiet, dejjem fl-aħjar interess tal-pazjent partikulari u skont protokolli stabbiliti. Fil-ġimgħat li ġejjin, l-maġġoranza tal-anzjani residenti f’Dar Sant’Anna ser jiġu rilokati għal ġo binja oħra li tinsab qrib l-istess sptar. Mil-ġimgħa l-oħra beda’ jiffunzjona testing hub għal noval Coronavirus ġo Għawdex.

Air ambulance

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jispjega lill-Parlament minn meta ser jibda jopera l-air ambulance bejn Malta u Għawdex kif imħabbar reċentement? Jista’ jgħid ukoll l-air ambulance fejn eżattament, ser ikun qed jinżel f’Malta u f’Għawdex? Min ser ikun qed jopera dan is-servizz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-air ambulance tnieda f'Awwissu tal-2016. Dan is-servizz ġie aġġornat fid-19 ta' Marzu ta’ din is-sena. Is-servizz aġġornat tal-air ambulance jinkludi l-akkwist ta' 2 ħelikopters tat-tip Airbus Helicopter EC135, li huwa l-iktar tip komuni ta' ħelikopter li jintuża għal air ambulance madwar id-dinja. L-operatur ta’ dan is-servizz huwa Gulfmed Aviation Services.

COVID 19 – spezzjonijiet fi sptarijiet u residenzi privati — ilbies protettiv

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra jekk hux qed isiru spezzjonijiet ġewwa l-isptarijiet u residenzi privati biex jiżguraw li l-istaff jilbes ħwejjeġ protettiv inkluż maskli kontra l-COVID-19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istaff tal-isptarijiet jimxi skont li-protocols maħruġa mid-dipartment tal-infection control.

COVID – 19 — Palm Readers System

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-użu tal-palm readers system fuq il-postijiet ta’ xogħol humiex ġustifikati jew le f’dawn iċ-ċirkostanzi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parir tal-Superintendent tas-Saħħa Pubblika hu li ma hemm l-ebda problema li jibqgħu jintużaw il-palm readers sakemm l-impjegati jingħataw il-faċilità ta iġene tal-idejn effettiva biswit il-palm reader.

COVID-19 — ħasil ta’ trolleys

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li f’dawk in-negozji fejn il-klijenti jużaw it-trolleys, dawn minn ħin għal ħin u fl-istess ġurnata, jiġu maħsula sabiex kemm jista’ jkun titnaqqas kull kontaminazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika qegħda f’kuntatt mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u tal-Industrija dwar inizzjattivi li jridu jittieħdu mis-supermarkets fis-sitwazzjoni tal-COVID 19 pandemic. Sadanittant klijenti qegħdin ikunu mitluba jżommu distanza ta’ 2 metri u fejn possibbli jagħmlu użu minn online shopping.

Sptar San Tumas — spiża

Question

Jista d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġie jiswa lil Gvern kuljum l-użu tas-servizz tal-Isptar San Tumas? B'liema mod intgħażel? Ġew ikkunsidrati sptarijiet oħra privati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu hija ta’ natura kummerċjali.

COVID-19 — Sptar Ġenerali ta’Għawdex – servizz tal-Chemotherapy

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jispjega lill-Parlament jekk hux minnu li minħabba l-preparamenti li qed isiru in vista tal-imxija tal-Coronavirus, is-servizz tal-Chemotherapy mhux ser jibqa jingħata mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jekk iva, minn fejn ser jibda jingħata dan is-servizz lill-pazjenti f’Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-kimoterapija ser jibqa jingħata lill pazjenti Għawdxin. Saru preparamenti biex dan is-servizz ikun jista’ jingħata minn parti tal-iskola medika ta’ Barts li hi biswit l-isptar.

Ministeru għas-Saħħa — Rapporti ta’ inċidenti fatali ta’ pazjenti ta’ saħħa mentali komprometta

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm kien hemm rapporti ta’ inċidenti fatali f’din il-leġiżlatura, li ġraw lill-pazjenti ta’ saħħa mentali komprometta, ġo faċilitajiet liċenzjati għall-kura tas-saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tingabar.

Qasam tas-Saħħa Mentali: Ħlas lil GPs għas-servizz tagħhom fil-komunità

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23333 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid issa jekk hux qed jitħallsu l-GPs li qed joffru s-servizz tagħhom fil-komunità lill-pazjenti bi problemi tas-saħħa mentali? Jekk iva, kemm huwa l-ħlas li qegħdin jingħataw it-tobba?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara diversi diskussjonijiet mal-istakeholders, kien hemm sejħa għal applikazzjonijiet mill-gvern għal servizz ta’ saħħa mentali minn tobba tal-familja privati. Din is-sejħa għalqet nhar it-Tnejn 16 ta’ Marzu tal-2020. Dawn it-tobba se jkunu qed jitħallsu għoxrin ewro kull vista fejn kull pazjent jista’ jkollu sa erba’ visti fis-sena.

Każijiet ta’ Mwiet fit-toroq Maltin

Question

Jista’ d- Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm kien hemm vittmi mejta tat-traffiku minħabba li ma kinux lebsin is-‘seat belts’ mis-snin 2017, 2018 u 2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu mhux disponibbli minn naħa tad-Dipartiment tas-Saħħa. Madanakollu ninfurmah li n-numru ta’ fatalitajiet minħabba inċidenti tat-traffiku fl-2017 kien 19, fl-2018 18 filwaqt li fl-2019 kienu 10.

Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika — Rapport dwar il-Qasam tas-Saħħa Mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13080 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-qasam tas-saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema rapport qed jirreferi.

Avviżi lil Media

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kif qegħdin jiġu mogħtija avviżi lill-media kollha? Jista’ jgħid x’inhu l-metodu u t-total minfuq ta’ flus għal kull ġimgħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ġeneralment jippublika avviżi fuq il-gazzetti kollha. Rigward it-televiżjoni dawn isiru fuq it-tliet stazzjonijiet prinċipali u dawk ta’ fuq ir-radju jvaraw skont għal liem tip ta’udjenza jkunu immirati l-promozzjonijiet kkonċernati.Il-promozzjonijiet/avviżi isiru skont il-kampanji li jkunu jridu jiġu reklamati u mhux bilfors ta’ kull ġimgħa.

OHSA – Project Supervisor

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm jammontaw il-persuni reġistrati mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fil-kompetenza ta’ Project Supervisor? Jista’ jgħid kemm-il sit jista’ jissorvelja simultanjament Project Supervisor skont l-OHSA u kemm tippermetti l-liġi? Kemm jitħallas Project Supervisor għall-perjodu ta’ sena u għal liema danni finanzjarji legali hu/hi huwa/hija espost/a kemm-il darba b’negliġenza jew b’nuqqas ta’ ħidma professjonali, ma jsirx xogħol adegwat f’siti jew żoni ta’ kostruzzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’hemm l-ebda obbligu legali li persuna li taħdem ta’ Project Supervisor trid tkun reġistrata b’xi mod mal-OHSA. Il-liġi dwar saħħa u sigurtà ma tidħolx fil-mertu ta’ ħlas bejn partijiet.