Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li qed jużaw is-servizzi taċ-Children’s Outpatients bħalissa, u f’liema dipartimenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ attendenzi ġewwa l-COP clinics fl-isptar Mater Dei minn Jannar sa Diċembru 2024 huwa ta’ 15,839 attendenza. L-ispeċjalitajiet jinkludu fost l-oħrajn paediatric surgery, neurology, endocrine, respiratory, rheumathology, general paediatrics u COP bleeding room.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk minuri ta’ 16 u 17-il sena li jkollhom bżonn kura in-patient jiddaħħlux fis-swali prinċipali tal-Isptar Mount Carmel ma’ adulti oħra minflok fil-Young People Unit (YPU)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li minuri ta' 16 u 17-il sena li jkollhom bżonn kura in-patient ġewwa l-isptar Mount Carmel jiddaħħlu fil-Young People's Unit.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm minuri ta’ 16 u 17-il sena li ddaħħlu l-Isptar Mount Carmel f’dawn l-aħħar ħames snin, u jagħti l-informazzjoni maqsuma għal kull sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Credit/Debit cards
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il credit/debit card pubblika għandu maħruġa għall-użu tiegħu u tal-Ministeru tiegħu u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x'inhu l-limitu ta' nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x'kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar u x'inxtara, item item, b'din il-credit/debit card?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Kuntratt ta’ impieg
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-uffiċjali fi ħdan il-Ministeru mmexxi minnu li għandhom xi klawsola fil-kuntratt dwar termination allowance jew bonus jew penalty, fl-eventwalità li jitneħħew mill-pożizzjoni tagħhom? Jista’ jgħid ukoll min huma u kemm hu l-ammont għal kull wieħed u waħda minnhom?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt ta' ingaġġ tal-ħaddiema fi ħdan is-Segretarjat tal-Ministeru huwa mmudellat skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14549, 14900, 15493, 16643, 17301, 17717, 18153, 18463, 18739 u 19357 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Hospital Activity Report għall-Isptar Mater Dei għas-sena 2022?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li daħlu l-Young People’s Unit (YPU) fl-2024? Jista’ jgħid ukoll x’kienet l-inqas u l-ogħla età tagħhom?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li matul l-2024, kien hemm mija u tlettax-il tifel u tifla li użaw is-servizzi tal-YPU. L-iżgħar età kienet ta’ għaxar snin u l-ikbar età kienet ta’ tmintax-il sena.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet li għalihom ikollhom jiddaħħlu tfal fil-Young People’s Unit (YPU)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-kundizzjonijiet li għalihom ikollhom jiddaħħlu tfal fil-YPU huma għal dawk l-adolexxenti ta’ bejn it-12 u t-18-il sena b'disturb akut tas-saħħa mentali li jkunu ta’ riskju għalihom infushom jew għal oħrajn, u li ma jistgħux jiġu mmaniġġjati b'mod sigur fil-komunità.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal bħalissa li qed jirċievu l-kura kontra l-kanċer? Kemm minn dawn it-tfal qed ikollhom jieħdu l-kura barra minn xtutna u x’inhi l-iktar raġuni komuni li għaliha dawn it-tfal ikollhom jieħdu l-kura kontra l-kanċer barra minn Malta?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bħalissa, hemm 32 tifel u tifla li qed jirċievu kura kontra l-kanċer f’Malta. Kull sena, ikun hemm medja ta’ bejn 15 u 20 każ ġdid, u t-trattament normalment idum bejn 6 xhur u 3 snin.
Minn dawn it-tfal, 3 qed jirċievu kura barra minn Malta. L-iktar raġunijiet komuni għaliex dawn it-tfal ikollhom imorru barra minn pajjiżna għall-kura huma: trapjanti tal-mudullun, chemo/radjoterapija speċjalizzata, jew operazzjonijiet ikkumplikati li ma jistgħux isiru lokalment.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-ispeċjalisti tal-kura kontra l-kanċer jiġu Malta minflok li l-pazjenti u l-familji tagħhom imorru barra minn Malta għall-kura? F’liema każijiet l-ispeċjalisti jistgħu jinġiebu Malta u meta mhux possibbli li jsir dan?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fejn hu possibbli, l-ispeċjalisti tal-kura kontra l-kanċer jiġu Malta biex il-pazjenti jkunu jistgħu jirċievu t-trattament meħtieġ mingħajr il-bżonn li jivvjaġġaw barra minn pajjiżna. Fil-fatt, hemm diversi konsulenti li jżuru Malta fuq bażi regolari biex jagħmlu operazzjonijiet jew konsultazzjonijiet ma’ pazjenti li jkollhom bżonn kura speċjalizzata. Pereżempju, ikollna ematoloġisti li jispeċjalizzaw fit-trapjant tal-mudullun 2-3 darbiet fis-sena. Ikollna kirurgi ortopediċi speċjalizzati għal sarkoma 2-3 darbiet fis-sena.
Madankollu, hemm każijiet fejn mhux dejjem ikun possibbli li l-ispeċjalisti jiġu Malta, minħabba li:
• L-ispeċjalisti għandhom bżonn it-tim mediku speċjalizzat tagħhom li jaħdem magħhom b’mod kontinwu, u dan ma jistax jiġi f’Malta għal każijiet iżolati.
• F’każi rari ħafna, ikun jeħtieġ apparat mediku avvanzat u speċifiku li mhux disponibbli f’Malta u jeħtieġ speċjalisti partikolari biex joperawh;
• In-numru ta’ każijiet f’Malta huwa limitat ħafna, u għalhekk il-professjonisti ma jistgħux jispeċjalizzaw f’ċerti trattamenti kif jiġri fi sptarijiet kbar barra minn Malta, fejn is-severità u l-frekwenza ta’ każijiet kumplessi huma ħafna akbar.
• F’ċerti trattamenti, l-aqwa riżultati jinkisbu f’ċentri speċjalizzati barra minn Malta, fejn hemm esperjenza vasta u f’dawn il-postijiet jiġu trattati mijiet ta’ każijiet kull sena.
Jista wkoll ma jkunx possibli li tiġbor gruppi ta' pazjenti għal interventi jew reviżjonijiet kliniċi. Dan minħabba li kull pazjent għandu l-iskeda personali tiegħu u għalhekk speċjalisti jkollhom iżuru drabi differenti.
Għalhekk, filwaqt li Malta tibqa’ tistinka biex kemm jista’ jkun il-kura tingħata lokalment, għal każijiet iktar rari jew kumplessi, il-pazjenti jibqgħu jintbagħtu f’ċentri ta’ eċċellenza barra minn pajjiżna, fejn jingħataw l-aqwa trattament possibbli.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Lista ta' ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tas-Segretarjat tal-Ministeru u tas-Segretarju Parlamentari li jaqa’ taħtu? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema (total) fis-Segretarjat? Jista’ jippreżenta l-organigramma bl-istruttura tal-istess Segretarjati? Jista’ jindika kemm minn dawn il-ħaddiema huma:
a. f’positions of trust;
b. persons of trust u
ċ. taċ-ċivil?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil Onor. Interpellanta li l-kompożizzjoni u l-organigramma ta' kif inhu strutturat s-Segretarjat Ministerjali, inkluż dawk tas-Segretarju Parlamentari, huma stabbiliti fil-Manwal li kopja tiegħu diġá tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm live births lil ommijiet ta' iktar minn 40 sena mill-2020 sal-2024, maqsuma sena b'sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ live births lill-ommijiet ta’ iktar minn 40 sena huwa kif ġej: fl-2020 kien hemm 100; fl-2021 kien hemm 131; fl-2022 kien hemm 135 u fl-2023 kien hemm 142.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi, sena b'sena, mill-2020 sal-2024, li kienu bl-IVF?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ trabi imwielda mill-proceduri tal- IVF (IVF u ICSi imma ma jinkludux IUI) sal-31 ta’ Jannar 2025, hu ta’ 308 trabi
Infurmat ukoll li fl-2020 kien hemm 27; fl-2021 kien hemm 47; fl-2022 kien hemm 85; fl-2023 kien hemm 103; u mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 tal-Jannar 2025 kien hemm 46.