Legislature:
Category:
Reset
Active:

Strategic Environmental Assessment — pjan nazzjonali dwar l-enerġija

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni meta se jiġi finalizzat u ppubblikat il-pjan nazzjonali dwar l-enerġija? L-iStrategic Environmental Assessment li kellu jitlesta sa Novembru tlesta? Jekk iva, jista' jiġi ppubblikat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li bħalissa qed issir konsultazzjoni pubblika ma’ stakeholders identifikati dwar l-SEA li hu marbut mal-abbozz tal-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni hu ta’ għaxar ġimgħat u jintemm fl-24 ta’ Frar 2011. Ir-Rapport Ambjentali mbagħad ikun aġġornat bil-kontribuzzjonijiet li jkunu daħlu minn naħa tal-istakeholders biex ikun pubblikat ir-rapport finali li jrid jinħareġ għall-konsultazzjoni f’Mejju. Il-perjodu tal-konsultazzjoni pubblika hu ta’ tmien ġimgħat. Fi tmiem din il-konsultazzjoni jkun jista’ jiġi ppubblikat il-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija li jinkorpora fih ukoll il-kontribuzzjonijiet u/jew kummenti li jkunu saru mill-membri tal-pubbliku. Il-pjan hu li dan ix-xogħol kollu jkun tlesta sa Settembru tal-2011.

International Institute for Sustainable Development — Rapport tal-Bio fuels

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Malta ma ssottomettiet l-ebda statistika dwar bio fuels meta tħejja rapport mill-International Institute for Sustainable Development dwar Government Support for Biodiesel in the European Union - 2010 Update?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi qatt ma kienet ikkuntattjata mill-Istitut Internazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli biex tagħti informazzjoni biex tiddaħħal fir-rapport imsemmi.

kwestjoni dwar tħaffir taż-żejt f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jistax jgħarraf lill-Kamra dwar il-qagħda attwali tal-esplorazzjoni taż-żejt minn pajjiżna speċjalment fid-dawl ta’ diversi rapporti li ma ġewx miċħuda li għadd ta’ pajjiżi ġirien ressqu claims ta' gurisdizzjoni f’żoni fejn Malta tixtieq tħaffer għaż-żejt? Kif jorbot dan kollu ma' dak li ngħatajna x’nifhmu ftit snin ilu mill-gvern innifsu li ċerti liċenzji għat-tħaffir taż-żejt kienu ngħataw f’ibħra Maltin li kienu undisputed kif ukoll lil hinn minn hekk imsejħa unresolved border areas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-liċenzja ta’ Heritage Oil hi f’żona li fiha hemm interessi ta’ pajjiżi ġara. Din mhux xi ħaġa riċenti għax l-interessi tal-pajjiżi ġara huma l-istess li kienu reġistrati fi żmien il-każ tal-ICJ kontra l-Libja mill-Gvern Malti. Saru diversi laqgħat mal-pajjiżi ġara fuq dan is-suġġett iżda s'issa għadu ma ntlaħaq ebda ftehim konklużżiv. Il-kuntratt ma’ Heritage Oil għandu diversi kundizzjonijiet biex jissalvagwardaw l-interessi tal-Gvern Malti fi kwalunkwe ċirkostanza.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — self ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm hu l-ammont ta' self li kull kumpanija/entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu kien fl-aħħar tas-sena 2010? Ma' min huwa dan is-self? Meta huwa maħsub li jitħallas dan is-self? Kemm huwa l-imgħax dovut u x'inhi r-rata ta' imgħax fuq dan is-self? Dan is-self huwa garantit mill-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-ebda kumpannija li taqa taħt id-dekasteru tiegħi ma kellha self matul l-2010. Noti Oħra:

Bajja ta' Għar Lapsi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern biex jassigura li l-Bajja ta' Għar Lapsi tkun aċċessibli għall-għawwiema u dan peress li din il-bajja li hija ffrekwentata ħafna fis-sajf m'għandhiex faċilitajiet ta' aċċessibilita' kif jixraq? Jekk għandu pjanijiet, x'inhuma dawn? Meta se jibda x-xoghol? Meta huwa ppjanat li jitlesta? Jekk m'għandux pjanijiet ma jidhirlux l-Ministru li qed iċċaħħad lill-għawwiema Maltin kif ukoll l-għadd ta' turisti li jmorru f'din il-bajja minn ħin ta' rilassament u eżerċizzju li huwa ta' benefiċċju għal kull min jixtieq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Id-dipartiment bħalissa qed jeżamina kif jista' jiżdied l-aċċess fl-imsemmija bajja.

Enerġija prodotta mill-wind turbines

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li mhix qed tingħata l-ebda għajnuna finanzjarja għall-istallazzjoni tal-wind turbines ħlief lill-bdiewa? Jista' jikkonferma ukoll jekk l-elettriku li jiġi prodott mill-wind turbine hux jinxtara lura mill-Korporazzjoni Enemalta bħalma jsir fil-każ tal-panelli folovoltaiċi? Jekk fl-affermattiv, x'prezz qiegħed jitħallas għalih?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi għandha skema, li ilha fis-seħħ mill-2006, li permezz tagħha individwi li jistallaw micro wind turbines fid-dar ikunu jistgħu jibbenefiaw minn għotja sa 25% tal-ispejjez ghax-xiri tas-sistema sa massimu ta’ €232.94. Is-sistemi mixtrija ma jistgħux ikunu akbar minn 3.7kW. Il-klient ikollu l-facilità li l-ewwel jikkonsma l-enerġija hu imbagħad ibigħ il-units iż-żejda li jkollu lill-Korporazzjoni Enemalta. Għalhekk il-Korporazzjoni Enemalta tixtri l-enerġija ġġenerata mir-riħ bir-rata magħrufa bħala ‘marginal cost’, jiġifieri r-rata li tiswa lill-Enemalta biex tiġġenera unit ta’ enerġija.

bejjiegħa tal-ħaxix

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm permessi għall-bejjiegħa tal-ħaxix? Jikkonferma li dawn jinqasmu f'dawn il-kategoriji, hawker, open market u green grocer? Jekk fl-affertmattiv, jista' jgħid kemm hemm f'kull każ? Jekk din mhux il-klassifikazzjoni tagħhom, jista' jgħid kif jiġu maqsuma dawn il-permessi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Peress li din hija responsabiltà tad-Diviżjoni tal-Kummerċ nissuġerixxi l-Onor.Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Inċineratur tal-Marsa — fully commissioned

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-inċineratur tal-Marsa f’liema data ġie uffiċjalment dikjarat fully commissioned?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-impjant ġie fully commissioned u ċċertifikat f’Jannar tal-2010. Il-WasteServ kellha xi riżervi fuq il-performance partikularment fl-apparat li jitratta s-solvents u ġibdet il-performance guarantee tal-upgrade, ġaladarba din il-parti tal-apparat kienet parti mill-upgrade li saret fuq id-disinn oriġinali.

nefqa ta' flus fuq il-kostruzzjoni tal-hazardous waste landfill

Question

Jista' l-Ministru jgħid sal-lum kemm intnefqu flus fuq il-kostruzzjoni tal-hazardous waste landfill li għadu qed jistenna l-ħruġ tal-IPPC permit?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-lum intefqu € 1,270,846.21 għall-kostruzzjoni tal-hazardous waste landfill.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — trasferiment ta' ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intalbu trasferimenti minn ħaddiema fid-dipartiment/uffiċini li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f’dawn l-aħħar sitt xhur u kemm minnhom intlaqgħu? Jista' jgħid minn liema dipartiment intalab it-trasferiment u għal fejn sar it-trasferiment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Id-Dipartiment tal-People Management ma jżommx statistika tat-talbiet li jsiru anke għax uħud mit-talbiet isiru biss verbalment u wara jiġu rtirati verbalment. Id-Dipartiment iżda jżomm statistika tat-trasferimenti li jkunu saru. Minn fost it-talbiet li saru , 55 ġew milqugħa filwaqt li kien hemm oħrajn li ma ġewx milqugħa minħabba esigenżi tas-servizz u oħrajn li għadhom qegħdin jiġu pproċessati. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-trasferimenti kollha li saru.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — proprjetà immobiljari

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont xi proprjetà immobiljari għandu l-Ministeru tiegħu jew entità/kumpanija li jaqgħu taħtu mikrija mill-privat u kemm hu l-ammont ta' kera li tħallset lil privat mill-Ministeru tiegħu u kull kumpanija/entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu fis-sena 2010? Jista' jikkonferma jekk matul is-sena 2011 din il-kera hijiex se togħla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Restoration Unit — danger money

Question

B'referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 22384, jista' l-Ministru jgħid għaliex id-danger money fir-Restoration Unit qed jitħallas kull tliet xhur u mhux qabel u għaliex meta jsir il-ħlas ma jingħatax rendikont ta' liema xhur ikunu tħallsu l-ħaddiema? Jista' l-Ministru jgħid ukoll b'liema rata dawn il-ħaddiema qed jitħallsu għad-danger money?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellanta illi d-danger money fir-Restoration Unit jitħallas darba kull tliet xhur minħabba raġunijiet amministrattivi. Is-sistema tal-payroll tal-gvern ma tippermettix illi tidher din l-informazzjoni fuq il-payslip tal-paga.Il-ħlas tad-danger money pagabbli għal kull siegħa xogħol, jinħadem fuq il-minimu tal-iskala pagabbli lill-impjegat konċernat, sa massimu ta’ tliet siegħat. Għal xogħol li jsir minn għoli li jeċċedi 6.5 metri iżda ma jaqbiżx is-16.5 metri, l-ammont pagabbli jkun 25% tar-rata għal kull siegħa. Għal xogħol li jsir f’għoli li jaqbeż is-16.5 metri, ir-rata tiżdied għal 50% tar-rata għal kull siegħa.

Strada Merkanti — street furniture

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-wegħda li fi Strada Merkanti l-belt se jitqegħed street furniture u jingħata permess biex l-istabbilimenti tal-catering iqegħdu mwejjed u siġġijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-proġett tal-istreet furniture ta' Triq il-Merkanti jiġi attwat hekk kif jinħareg il-permess mill-MEPA. L-applikazzjoni lill-MEPA saret fil-bidu tal-2010 mill-Uffiċju tal-Proġetti ta' Riabilitazzjoni. Sadanittant inħargu ukoll is-sejħiet għall-offerti biex jiġu manifatturati l-istreet furniture.

Proġett tal-wied propost mis-Salina sa Burmarrad

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġett tal-wied propost mis-Salina sa Burmarrad għadux fil-ħsieb li jsir? Jekk iva, meta allura l-gvern beħsiebu jibda x-xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 22646 u 21988.

Pitkalija — prodotti ta' kwalità u ġenwini

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed jieħu ħsieb li l-prodotti li qed jidħlu ġewwa l-Pitkalija, speċjalment dawk li qed jinġiebu minn barra minn Malta, huma prodotti ta' kwalità u ġenwini? X'qed isir biex jiġi assigurat dan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prodotti li jinġiebu minn barra mhux suppost jiddaħlu fil-pitkalija. Huwa fl-interess tal-bidwi li jwassal prodott lokali fil-pitkalija tajjeb u ġenwin u dan biex ilaħħaq prezz tajjeb. Uffiċjali mill-Malta Standards Authority regolarment jagħmlu spezzjonijiet għal finijiet ta’ kontroll fuq pestiċidi.

skema ta' għajnuna għal twaħħil ta' photovoltaic panels — applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm ċittadini li applikaw għall-iskema ta' għajnuna għal twaħħil ta' photovoltaic panels fuq il-bjut tagħhom li għad ma kellhomx l-applikazzjoni tagħhom approvata? Kemm jammontaw dawn iċ-ċittadini? Għaliex? In oltre, għaliex uħud mill-applikanti intalbu informazzjoni ta' natura finanzjarja da parti tal-Awtorità tar-Riżorsi ta' Malta dwar l-inverters? Għaliex din l-informazzjoni ntalbet lill-applikanti u mhux lis-supplier/s? Għaliex iddaħħlet twissija fl-ittri relattivi li jekk ma jkunx hemm tweġiba sa 15-il ġurnata l-applikazzjoni tiġi arkivjata, jiġifieri mwaqqfa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li kien hemm 183 ċittadini li applikaw għall-iskema ta' għajnuna għal twaħħil ta' photovoltaic panels fuq il-bjut tagħhom u li għad ma kellhomx l-applikazzjoni tagħhom approvata. L-applikazzjonijiet ta' dawn ma kienux approvati għax ma jikkwalifikawx skont il-linji gwida tal-iskema. Raġuni fost oħrajn kienet li s-sistema ma kenitx teknikament korretta peress li l-inverter ma kienx imqabbel sewwa mal-pannelli kif ipprovdut fil-linji gwida. F'dan il-każ, l-applikant intalab juri li s-sistema hi effiċjenti daqs waħda mqabbla (matched) u ntalab ukoll jagħti d-differenza fil-prezz bejn inverter imqabbel u l-inverter magħżul. L-MRA għamlet kuntatt mal-applikant peress li kien l-applikant li applika għall-għotja, mhux is-supplier. It-twissija li saret fl-ittri relattivi kienet intenzjonata biex l-applikant jagħti risposta fi żmien 15-il ġurnata biex il-proċess ma jitwalx bla bżonn. Wieħed irid japprezza li qed nitkellmu fuq skema minn fondi Ewropej li tiġi awditjata biex ikun żgur li l-applikanti mxew sew mal-linji gwida.

San Pawl il-Baħar — klieb slavaġ fi Triq Għajn Rażul

Question

Billi fl-inħawi ta' Triq Għajn Rażul, San Pawl il-Baħar inġabru numru ta' klieb slavaġ li qed ikunu ta' periklu għal dawk li joqogħdu hemm, minbarra li qed iqattgħu kull borża tal-iskart li jsibu għal snienhom, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-annimali jinġabru, qabel ma jikkawżaw xi problema iktar serja bħalma ġieli ġara f'pajjiżi barranin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-ilment tal-Onor.Interpellant ġie nnutat u d-dipartiment ikkonċernat diġà ġie mgħarraf.

Skema għas-sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun possibbli li matul din is-sena li għadha kif bdiet ikun hemm skema li permezz tagħha dawk is-sajjieda li jridu jieqfu milli jkomplu jistadu jagħmlu dan u jiskrappjaw id-dgħajsa tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru se jkun qed joħrog sejħa oħra li permezz tagħha dawk is-sajjieda li jridu jieqfu milli jkomplu jistadu jagħmlu dan u jiddistruġġu d-dgħajsa tagħhom.Il-flus li ma jittieħdux minn skemi oħra jkunu jistgħu jiġu trasferiti fuq l-iskema imsemmija ħalli jiġu magħduda mal-ammont li għadu mhux minfuq.

Ġnien ta' Pembroke — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22218 u jgħid għal liema ġnien f’Pembroke kien qed jirreferi l-Ministru Tonio Fenech fid-diskors tal-budget tiegħu meta qal li se jitkompla x-xogħol fuq il-ġnien f’Pembroke? Jista’ jelenka x-xogħol li sar s’issa fuq dan il-proġett u x’qed jippjana l-ministeru meta jgħid li se jitkompla x-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Peress li dan hu proġett tal-MTA nissuġerixxi l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Proġett fl-Ex stazzjon ta' Deutsche Welle — Marsaxlokk

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-proġett li qed isir fl-ex stazzjon ta' Deutsche Welle f'Marsaxlokk inxtara materjal għall-istallazzjoni tal-ilma li wara nstab li mhux addattat? Jekk fl-affermattiv, x'kien il-valur ta' dan il-materjal?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li s-sejħa għall-offerti għall-materjal li qed jagħmel riferenza għalih l-Onor Interpellant nħarġet mill-NGO imsieħba mill-proġett ta’ Xrobb l-Għaġin u mhux mill-gvern. Il-materjal li l-NGO ipprovdit ma kienx addattat u kellu jintuża materjal ieħor.