Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proċedura biex jiġu tterminati l-prokuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif taħdem il-proċedura li introduċa hu, biex jiġu tterminati l-prokuri? Kemm ġiet tiswa? Kemm-il prokura diġà ġew terminati sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija b’din il-proċedura l-ġdida?

Response (BONNICI, OWEN)

L-inizzjattiva sabiex tiġi introdotta proċedura ġdida biex jiġu terminati l-prokuri ttieħdet is-sena li għaddiet permezz ta' Att IV tal-2016 li jemenda l-Kodiċi Ċivili u l-Avviż Legali 404 tal-2016 intitolat Regolamenti tal-2016 dwar Reġistru Elettroniku (Terminazzjoni tal-Mandati). Din il-proċedura ġdida dwar revoki ta' prokuri hija applikabbli f'każijiet ta' prokuri li jinvolvu persuni u mhux kumpaniji. Din il-proċedura tapplika kemm għall-prokuri ġenerali, u kif ukoll prokuri speċjali li s-suġġett tagħhom ikun jikkonċerna biss proprjeta' immobbli. Sabiex wieħed jirrevoka prokura huwa meħtieġ illi timtela waħda minn żewġ formoli pprovduti mill-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern li huma msejħa Formola RPG (għal revoka ta' prokuri ġenerali) u Formola RSP (għal revoka ta' prokuri speċjali) rispettivament. Fiż-żewġ każijiet trid tiġi ppreżentata l-karta tal-identita' tal-persuna li qed titlob ir-revoka. Fil-każ tal-Formola RSP trid tiġi wkoll ippreżentata kopja tal-prokura speċjali li tkun se tiġi revokata. Kull applikazzjoni għar-revoka ta' prokura tista' ssir bi ħlas ta' 50 Ewro. L-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern jipproċessa l-applikazzjonijiet kollha mit-Tnejn sal-Ġimgħa (esklużi btajjel pubbliċi) sat-15:00. Il-lista ta' applikazzjonijiet tiġi aġġornata onlajn kuljum sat-15:30 fuq is-sit tal-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern li jifforma parti mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Din l-inizzjativa għenet ħafna sabiex il-pubbliku jkun dejjem moqdi aħjar u b'inqas burokrazija. Il-pubbliku issa għandu l-faċilita' li jiċċekkja onlajn fis-sit fuq imsemmi u għalhekk saret aktar faċli sabiex il-professjonalisti jaċċertaw ruħhom li t-tali prokurahija waħda valida u għalhekk tnaqqas ukoll l-abbuż. Salv dan kollhu, insibu wkol l-fatt li iċ-ċittadin qed jiffranka ħafna spejjeż li fejn qabel din il-proċedura kienet tiswa madwar 2000 Ewro, illum il-ġurnata b’din il-miżura ġiet tiswa biss 50 Ewro. Inoltre r-revoka qed issir fl-istess ġurnata fir-reġistru elettroniku. Sat-22 ta' Settembru 2017 saru 117 –il revoka ta' prokura.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — transfers ta' ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ transfers li ngħataw lill-ħaddiema fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi, u dan għall-perjodu bejn is-6 ta' Ġunju u t-12 ta’ Ġunju?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onore. Interpellant biex jindika ż-żmien li qed jirreferi għaliħ

Ministeru għal Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – proċess biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea – impatt

Question

Fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit ser jibda l-proċess biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tax-xogħol li sar fil-Ministeru tiegħu u l-entitajiet li jaqgħu taħtu biex jiġi analizzat x’impatt (pożittiv jew negattiv) li dan jista’ jġib miegħu? Jekk dan sar jista’ jpoġġi l-analisi rispettiva fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Malta minn dejjem kellha l-aħjar relazzjonijiet mar-Renju Unit u rridu nkunu attivi fi ħdan l-UE biex nassiguraw li n-negożjati ta’ Brexit iħarsu l-interessi taċ-ċittadini Ewropej b’attenzjoni partikolari fuq l-interessi ta’ Malta u l-Maltin. L-Onor Interpellant jifhem li hemm diversi aspetti li jridu jiġu salvagwardjati inkluż li r-Renju Unit ma jistax ikollu pakkett aktar favorevoli minn dak li ġġib sħubija fl-Unjoni Ewropea. Hemm diversi oqsma li qed jiġu kkunsidrati fl-analisi li qed iwettaq il-gvern Malti inkluż id-drittijiet taċ-ċittadini Maltin li jaħdmu u jistudjaw fir-Renju Unit, l-interessi tan-negozji Maltin li joperaw jew li joffru servizz fir-Renju Unit, l-aċċess tas-suq ewlieni Ewropew, kif ukoll oqsma oħra tal-ekonomija. Irridu naraw ukoll fost oħrajn li l-arranġamenti li għandha Malta mar-Renju Unit fil-qasam tal-kura għall-pazjenti jibqgħu mhux mittiefsa. Il-gvern huwa impenjat ukoll li jwaqqaf Brexit taskforce magħmula mill-gvern, il-Malta Enterprise u s-settur privat bil-għan li taħtaf kull opportunita possibli li Brexit tista' ġġib lejn pajjizna fil-waqt li nilqgħu għall-isfidi li joħorgu minn dan il-proċess. L-Onor. Interpellant japprezza li mhuwiex prudenti li f’dan l-istadju li l-Gvern jippublika r-riżultati ta’ l-analiżi tiegħu. Malta flimkien ma’ 26 Stat Membru ieħor tinsab f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea sabiex l-interess tal-Unjoni u l-Istati Membri jiġu ssalvagwardjati.

Ministeru għal Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – proċess biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea – opportunitajiet

Question

Fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit ser jibda l-proċess biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżuri, il-proġetti jew l-inizjattivi li l-Ministeru tiegħu u/jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu ser iwettqu biex pajjiżna jkun jista’ jibbenefika minn opportunitajiet li jistgħu jinħolqu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 655.

Kunsill Lokali Belt Valletta- Sit ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, ser jibda jopera mill-post il-ġdid tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejin ix-xogħlijiet ta’ finishes fuq is-sit li qabel kien jokkupa Cafe Premier biex ikun jista’ jibda jopera l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru mid-Direttorat tar-Restawr. Il-Kunsill Lokali hu mistenni li jibda' jopera mill-post il-gdid tiegħu din is-sena stess.

Proġett V18 – Finanzi pubbliċi minfuqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu finanzi pubbliċi fuq il-proġett tal-V18, sena b’sena mill-2013 ‘il hawn u għal kull sena jgħid kemm minn din l-ispiża kienet marbuta ma’ proġetti li wassal għal titjib fl-infrastruttura tal-Belt Valletta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fi proġetti relatatti ma’ V18 intefaq l-ammont totali ta’ €10,748,056. Min dawn €1,301,548.0 kienu marbuta ma’ proġetti li wasslu għal titjib fl-infrastruttura tal-Belt Valletta. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella iktar dettaljata. Infurmat ukoll li għaddej u ser isir xogħol għat-tisbieħ tal Belt Valletta b’ valur ta € €19,194,911 li €17,293,244 ammont minnhom huma min fondi Ewropej. Fost dawn il-proġetti nsibu dak tal-MUŻA, il-proġett tal-Palazz tal-Granmastru, l-proġett ta’ Teatru Manoel u oħrajn.

Proġett tal-V18 – proġetti li saru fil-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata ta’ proġetti li saru fil-Belt Valletta bħala parti mill-proġett tal-V18?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 658.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – reklamar fuq Facebook — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità u Dipartiment fi ħdan l-istess Ministeru, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-3 ta' Ġunju 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant li diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali nefqu l-ammont ta’ € 1,615.39 f’reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-3 ta’ Ġunju 2017. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Passaporti ġodda u passaporti mġedda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu kkonsinjati passaporti ġodda u passaporti mġedda bejn l-2011 u l-2015 lil ċittadini ta' Malta minn rappreżentanzi diplomatiċi jew konsolari Maltin barra minn Malta, sena b'sena u pajjiż b'pajjiż?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — persons of trusts

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-kariga jew xogħol li kull person of trust li hemm fil-Ministeru tiegħu, qiegħed jokkupa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kuntratti kollha tax-xogħol tal-persons of trust u tal-positions of trust ġew fi tmiemhom hekk kif ġiet fi tmiemha l-leġislatura li għaddiet u bħal issa għaddej il-proċess biex jigu stabbiliti kuntratti tax-xogħol ġodda.

Bypasss tas-Siġġiewi – speed camera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li l-ispeed camera tal-bypass tas-Siġġiewi ma kelliex speed tolerance ta’ 10% bħal speed cameras f’toroq oħra madwar Malta? Għaliex sar dan? Jista’ l-Ministru jgħid jekk u kif ġiet aġġustata din id-diskriminazzjoni nkluż b’rifużjoni ta’ multi mħallsa jekk dawn kienu jaqgħu fil-parametri tal-ispeed tolerance?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq is-suġġett diġà ngħataw spejgi estensivi b’mod pubbliku u m’għandix xi nżid ma dawk l-ispjegi .

Reġistru Pubbliku – twelid reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu rreġistrati twelid mar-Reġistru Pubbliku ta' persuni li kienu twieldu barra minn Malta u f'liema pajjiż kienu twieldu, sena b'sena, bejn l-2011 u l-2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali – konsulenżi minn Avukat

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarjat Parlamentari jgħid jekk wara Marzu 2013 xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jew mid-ditta legali tiegħu, u jekk iva, meta, liema entità kienet/hija, u l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi l-ebda entita’ li taqa’ taħt is-Segretarjat Parlamentari ma tat xogħol legali jew talbet konsulenzi mill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jew mid-ditta legali tiegħu.

Kunsilli Lokali – opri tal-arti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux informazzjoni dwar liema opri tal-arti hemm fil-proprjetajiet tal-kunsilli lokali, b'mod partikulari fil-proprjetajiet li huma proprjetà tal-Gvern? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar liema huma dawn l-opri tal-arti?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Tindif tal-kosta — Salini sa Baħar iċ-Ċagħaq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kull meta jsir it-tindif tal-kosta mis-Salini sa Baħar iċ-Ċagħaq fin-Naxxar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li t-tindif ta’ skart mill-bajjiet jsir ta kuljum. Jekk l-Onor. Interpellant qiegħda tirreferi għall-ammont ta’ alka li wasal fuq il-bajja tas-Salini, irrid nghid li din titnaddaf skond programm ta’ xogħol u prijoritajiet li jsir mid-Direttorat għat-Tindif.

Tindif ta’ Ramla — Naxxar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn fl-1 ta’ Lulju 2017, ir-ramla ta’ taħt is-Salina Bay Hotel fin-Naxxar ma kinetx aċċessibli minħabba alka eċċessiva li ma tnadfitx (kemm fuq ir-ramel kif ukoll fuq il-blat)? U għalfejn l-istess bajja tnadfet kważi ġimgħa wara?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ alka eċċessiv wasal fuq din il-bajja fl-aħħar ġranet tax-xahar ta Ġunju. Saret koordinazzjoni immedjata u din il-bajja tnaddfet fil-7 u 8 ta Lulju.

Żieda ta’ Ramel — Naxxar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb biex ir-ramla ta’ taħt is-Salina Bay Hotel fin-Naxxar jiżdidilha r-ramel li qed jonqos minnha b’rata mgħaġġla?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux kompitu ta dan il-Ministeru li jiddeċiedi jekk ikunx hemm bżonn ta’żieda ta’ ramel fuq il-bajjiet. Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi il-mistoqsija tagħha lil Ministru kkonċernat

Bajja — stallazzjoni ta’ toilets pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jinbnew jew jiġu installati toilets pubbliċi fil-bajja ta’ taħt is-Salina Bay Hotel fin-Naxxar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-bajja imsemmija ma hemm l-ebda spazju li jippermetti sabiex jinbnew xi latrini pubbliċi.