Għawdex – Triq li twassal għall-bajja ta’ Daħlet Qorrot – xogħol
Question
B' referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16337, li ġiet imwieġba fis-6 ta' Ottubru 2020, fejn intqal fit-tweġiba li 'l-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jieħu ħsieb li din it-triq issir' jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li ser isir ix-xogħol fit-triq li twassal għall-Bajja ta’ Daħlet Qorrot f’Għawdex u preċiżament f’dik il-parti tat-triq fejn qed iċedi? Jista’ jara li dan ix-xogħol isir qabel jiġri xi inċident li jkollu konsegwenzi serji? Jista’ jgħid ukoll mill-aħħar mistoqsijiet li saru diversi xhur ilu dwar din it-triq sal-lum, x’sar mill-Ministeru tiegħu biex din il-problema tiġi indirizzata qabel ikun tard?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser jsiru x-xogħlijiet neċessarji fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fis-Servizz Pubbliku li ngħataw il-promozzjoni ta' Senior Foreman mal-Ministeru għal Għawdex sena b'sena u xahar b'xahar mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid fil-ġimgħat li ġejjin kemm hemm ippjanati skont il-Capacity Building (HR Plan) approvat għas-sena 2020, li jingħataw promozzjonijiet internament mal-Ministeru għal Għawdex ta' Senior Foreman?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mid-data ndikata kien hemm disa persuni li ngħataw il-promozzjoni ta’ Senior Foreman. Tnejn minnhom ingħataw il-promozzjoni fl-2018, wieħed ingħata l-promozzjoni fl-2019, filwaqt li l-bqija ngħataw il-promozzjoni matul din is-sena. Bħalisssa għaddej proċess ta’ selezzjoni ta’ żewġ sejħiet oħra ta’ Senior Foreman.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17262 u jgħid kemm hi n-nefqa s'issa taħt kull item of expenditure għal din is-sena sew kapitali kif ukoll rikorrenti tal-Ministeru tiegħu? Kemm hu l-ammont kommess għan-nefqa taħt kull item u li s'issa għadu ma tħallasx? Saru xi trasferimenti ta' fondi minn item għal ieħor u jekk iva kemm kien dan l-ammont?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-Għar ta' Calypso ġewwa x-Xagħra Għawdex liema għar issa ilu magħluq għall-pubbliku għal diversi snin? Jista’, in vista li żewġ Ministru ta' qablu ddikjaraw kemm-il darba li x-xogħol kien wasal biex jibda u li daqt jerġa’ jinfetaħ, jgħid jekk tħejjewx id-disinni biex tiġi sottomessa applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar? Jekk tlestew id-disinni u saret l-applikazzjoni. jista' jpoġġi n-numru tal-applikazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-disinji għal dan il-proġett tlestew u ġew sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jiġu evalwati. It-tracking number ta` din l-applikazzjoni huwa 244119.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-Gvern jerġa’ jintroduċi l-free pass għall-ħaddiema Għawdxin f'Malta issa li l-pajjiż qed jaffaċja mxija ġdida ta' COVID-19? Jista' jgħid ukoll jekk il-Gvern hux lest li jikkonsidraw jintroduċi dan il-pass b'mod permanenti minflok is-sistema fejn il-passiġġier iħallas u mbagħad jitlob ir-rifużjoni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta jibbenefikaw minn skema ta' sussidju maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex li tinkludi l-ħlas tat-traġitt tal-Gozo Channel.
Djar tal-Anzjani Għawdex – staff u anzjani bil-Covid-19
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' persuni li kellhom il-COVID-19 fi Djar tal-Anzjani f'Għawdex u dan sal-jum meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jaqsam dawn il-każijiet fi staff u residenti? Jista' jaqsam ukoll dawn il-każijiet f'dawk li kienu jikkonċernaw irġiel u f'kemm kienu jikkonċernaw nisa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Villa San Lawrenz sal-lum kien hemm 7 anzjani li kellhom il-Covid-19, li minnhom 6 kienu nisa u kien hemm raġel wieħed. Kien hemm ukoll żewġ membri tal-istaff li huma nisa li kellhom dan il-virus. Dawn il-persuni kollha fiequ u reġgħu lura lejn Villa San Lawrenz.
Gozo Channel (Operations) Ltd – kuntratturi — tnaqqis ta’ pagi u problemi ta’ leave
Question
Jista' l-Ministru jindika jekk waslulux ilmenti minn ħaddiema li qed jaħdmu ma' wieħed mill-kuntratturi mqabbad mill-Gozo Channel (Operations) Ltd dwar tnaqqis arbitrarju ta' pagi dovuti lill-istess ħaddiema kif ukoll dwar problemi sabiex wieħed jieħu l-leave tiegħu u x'għamel hu u x'għamlet il-kumpanija dwar dawn l-ilmenti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilmenti wassluli u għarraft lill-kumpanija tal-Gozo Channel.
Bini tar-raba vapur għall-ħtiġijiet tat-traffiku marittimu bejn Malta u Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx il-ħsieb illi jinbena r-raba' vapur sabiex jilħaq il-ħtiġijiet tat-traffiku marittimu bejn Malta u Għawdex u jekk iva, meta ser jibda' l-proċess sabiex jingħata l-kuntratt tal-bini ta' dan il-vapur u jekk le, għala?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpallant li bil-għan li jintlaħqu l-ħtiġijiet tat-traffiku marittimu bejn iż-żewġ gżejjer, il-kumpanija Gozo Channel bdiet topera r-raba’ vapur mal-flotta eżistenti tagħha sa minn Ġunju 2019. Fil-ġranet li ġejjin il-kumpanija Gozo Channel se tkun qed toħroġ tender li jikkoncerna r-raba’ vapur.’
Skemi u proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea – Proġett tal-Gozo Museum
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17266, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għalfejn il-proġett tal-Gozo Museum ġewwa r-Rabat Għawdex, li fit-18 ta' Ġunju 2020 tqiegħdet l-ewwel ġebla tiegħu, mhuwiex inkluż fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra tal-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif bdew l-ewwel xogħlijiet tal-iskavar fis-sit, taħt is-supervizzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, instagħbu fdalijiet arkaeoloġiċi. Wara xhur sħaħ ta’ konsultazzjonijiet mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, ġie deċiż li dawn il-fdalijiet huma ta’ xorta unika u għaldaqstant iridu jiġu integrati fid-disinn tal-Mużew ta’ Għawdex. B’konsegwenza ta’ dan, il-massimu ta’ budget allokat skont ir-regoli tal-applikazzjoni ta’ l-OP1 – ERDF 2014-2020 kien se jigi maqbuż. Għalhekk lura fl-2019 ġie deċiż li biex tiġi ssalvagwardjata din is-sejba arkaeologika kellu ukoll jinbidel il-pjan oriġinali ta’ dan il-progett fejn sussegwament il-Ministeru għal Għawdex alloka fondi oħrajn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw s'issa direct orders fuq il-proġett tal-Gozo Museum fir-Rabat Għawdex? Kemm kien il-valur tagħhom, lil min ingħataw u ta' xiex ingħataw? Min talab għalihom u min approvahom dawn id-direct orders? Kemm hemm ippjanati li jingħataw direct orders fuq dan il-proġett fil-ġimgħat li ġejjin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-direct order mogħtija fuq il-Mużew ta’ Għawdex huma skont it-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din id-direct order ġiet mitluba mill-Ministeru għal Għawdex u sussegwentament approvata mid-Direct Orders Office jew mill-General Contracts Committee fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi rispettivament, skont kif jitolbu r-regoli tal-procurment tas-Sevizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jindika għaliex fil-proġett ta’ ripavimentazzjoni ta' Pjazza San Franġisk, Rabat, Għawdex li tlesta dan l-aħħar, ma sarx culvert fil-parti ta' Pjazza San Franġisk, Victoria fil-parti li tmiss ma' Triq Vajringa biex jilqa' l-ilma tax-xita tal-istess triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet marbuta mal-ilquħ tal-ilma saru b’tali mod li ma kienx hemm bżonn culverts ġodda fuq pariri tas-Sovrentendenza tal-Partimonju Kulturali.
Jista' l-Ministru jindika meta ngħalqet Triq Marżiena kantuniera ma' Triq Sannat, Sannat u għala dan id-dewmien sabiex jitlestew ix-xogħlijiet f'din it-triq? Meta hemm il-ħsieb li jitlesta x-xogħol fuq il-kumplament ta' Triq Sannat u kemm ser jiswew dawn ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li s-superviżjoni u l-immaniġġjar ta’ dan il-proġett qed isir mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat, ix-xogħol ser jitlesta fil-jiem li ġejjin.
Ir-Rabat Għawdex – Pjazza San Franġisk – Ċertifikazzjoni tal-Pavimentar
Question
Jista' l-Ministru jindika jekk u minn min ġiet iċċertifikata l-pavimentazzjoni fi Pjazza San Franġisk, Rabat, Għawdex u għala tħalla l-użu ta' ħafna madum tal-lava bid-daqqiet ta' sega f'din il-pjazza? Jista' jindika jekk hemmx xi ħsieb li dan il-madum ta' kwalità inferjuri jinbidel fil-futur qarib?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Perit li qed jiċċertifika x-xogħol qiegħed jassigura li l-madum huwa kollu skont it-termini tal-kuntratt.
Parkeġġi tal-Ministeru għal Għawdex, Triq Marsalforn u parkeġġ ħdejn l-Uffiċċju tal-ARMS – parkeġġi miftuħa
Question
Jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet sabiex il-parkeġġ tal-Ministeru jibqa' miftuħ għall-pubbliku wara l-10 pm speċjalment fil-weekends? Jista' jagħti struzzjonijiet sabiex il-parkeġġ li hemm fi Triq Marsalforn, ir-Rabat fejn hemm l-uffiċċju tal-ARMS jinżamm miftuħ għall-pubbliku wara l-ħinijiet tal-uffiċċju u speċjalment fil-weekends?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-parkeġġ tal-Ministeru huwa miftuħ għall-pubbliku wara 10PM kif ukoll fil-weekends. Rigward il-parkeġġ fejn hemm l-uffiċċju tal-ARMS nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
In-Nadur Għawdex – Daħlet Qorrot u Wied il-Gragel – tender għar-rijabilitazzjoni u tindif
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-applikazzjoni li saret mill-Ministeru għal Għawdex PA/02853/20 li ġiet sottomessa f'April li għadda? Jista' jgħid meta hu ppjanat li Wied ta' Daħlet Qorrot u Wied il-Gragel, ġewwa n-Nadur Għawdex li l-Ministeru akkwista fondi mill-Unjoni Ewropea taħt il-miżura 'M4.4121 - Rehabilitation of Gozo's Valleys to Enhance their rain capturing and soil retention capabilities' ser jiġu rijabilitati u mnaddfa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li rriżulta li l-parti ta’ fejn kien propost l-intervent kienet propjetà ta’ terzi.
Spezzjonijiet fuq vapuri u terminals rigward il-COVID-19
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq il-vapuri li jaqsmu bejn Malta u Għawdex u kif ukoll it-terminals tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa a rigward l-osservanza tad-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet kwantu l-COVID-19 u dan sa meta tiġi mwieġba din id-domanda? Jista' jispjega wkoll jekk ingħatawx sanzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat peress li l-uffiċjali li jagħtu ċ-ċitazzjonijiet ma jaqgħux taħt dan il-Ministeru.
Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema fiċ-Ċivil li ngħataw il-promozzjoni ta’ Gardener
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fis-Servizz Pubbliku li ngħataw il-promozzjoni ta' Gardener, kif ukoll kemm ġew impjegati minn barra s-Servizz Pubbliku ħaddiema fil-grad ta' Gardener għal mal-Ministeru għal Għawdex sena b'sena u xahar b'xahar mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid fil-ġimgħat li ġejjin skont il-Capacity Building approvat għas-sena 2019, kemm hemm ippjanati li jingħataw promozzjonijiet internament jew li jiddaħħlu ħaddiema minn barra s-Servizz Pubbliku, fil-grad ta' Gardener mal-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mit-8 ta’ Marzu 2013 fis-Servizz Pubbliku kien hemm ħaddiem wieħed li ngħata il-promozzjoni ta’ Gardener. Dan seħħ fi Frar tas-sena 2015. Minn naħa l-oħra, kien hemm sitt ħaddiema li ġew impjegti minn barra s-Servizz Pubbliku fl-istess grad. Dawn tal-aħħar ġew ingaġġati bejn Frar 2015 u Frar 2016.
F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm sejħa għal applikazzjonijiet għall-post ta’ Gardener fil-Ministeru għal Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba matul is-sena 2020 ġie mibdul jew miżjud u f’liema perjodu (żmien) il-Capacity Building (HR Plan) tas-sena preżenti jiġifieri s-sena 2020 tal-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-HR Plan tiġi emendata skont il-ħtiġijiet tal-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kilometru ta’ toroq ġodda jew bini mill-ġdid ta’ toroq saru matul is-sena 2020, kif ukoll jgħid:
(a) kemm minnhom kienu toroq arterjali u distributorji;
(b) kemm minnhom tlestew kompletament u liema minnhom għadhom mhux lesti;
(c) f'każ ta' dawk it-toroq li għadhom mhux lesti, x'persentaġġ ta' xogħol fadal u meta jaħseb li ser jitlesta dan ix-xogħol;
(d) x'tip ta' servizzi nbidlu (dawl, mains tal-ilma tax-xorb, mains tad-drenaġġ, eċċ.);
(e) fejn saru water culverts u x'tulijiet ta' water culverts saru f'kull triq; u
(f) fejn saru walk through culverts u x'tulijiet saru ta' walk through culverts f'kull triq;
(g) fejn saru bankini ġodda u gutters u x'tulijiet saru ta' bankini ġodda u gutters f'kull triq; u
(h) kemm kien stmat li tiġi tiswa’ kull triq u kemm fil-fatt ġiet l-ispiża?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.