Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sejħiet għax-Chalet u l-Pixkerija

Question

Peress illi nħarġu numru ta’ sejħiet għal proposti, fosthom dawk għax-Chalet u l-Pixkerija, fejn hemm indikat li se jintgħażlu proposti minn dawk sottomessi, jista’ allura l-Prim Ministru jgħid jekk ifissirx li s-sejħiet huma għall-proġetti nfushom u mhux biss għall-proposti, u li essenzjalment għal kull sejħa se tkun qiegħda tintgħażel l-orħos proposta konformi mar-rekwiżiti?

Response (ABELA, ROBERT)

Il-proġetti magħżula għandhom ikunu dawk li skont il-kriterji tas-sejħiet għall-proposti li ħarġu, minnhom igawdi l-iktar il-pajjiż. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-komunikazzjoni li ħarġet meta tħabbru s-sejħiet ta’ espressjoni ta’ interess għaż-żewġ siti li tagħmel referenza għalihom l-Onor. Interpellant.

Amministrazzjoni Pubblika – ħaddiema fl-iskali 10 sa 14

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7890, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hawn ħaddiema fl-‘Amministrazzjoni Pubblika’ ġewwa Malta u Għawdex fl-iskali 10 sa 14, esklużi l-pulizija, l-għalliema, it-tobba, l-infermiera u l-qwiebel?

Response (ABELA, ROBERT)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Persuni reġistrati bħala self-employed mas-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali

Question

Jista' l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, jgħid kemm hemm persuni reġistrati bħala self-employed mas-Segretarjat Parlamentari kkonċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li fis-Segretarjat Parlamentari ma jkunux irreġistrati persuni self-employed. Meta jkun hemm contracts for service dawn jingħataw skont regolamenti tax-xiri pubbliku (public procurement).

Deklassifikazzjoni ta’ siti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jispjega kif inħarġet sejħa biex ikunu ppreżentati proposti għal numru ta’ siti li jwasslu għall-iffirmar ta’ ftehim dwar konċessjoni qabel ma kien iffinalizzat il-proċess ta' deklassifikazzjoni ta’ dawn l-istess siti fil-Parlament?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika għal liema sejħa qed tirreferi.

Sejħiet għal żvilupp fis-siti tax-Chalet, il-Pixkerija l-Qadima u Evans Building

Question

Ladarba l-Gvern jagħżel il-proposti minn dawk sottomessi għas-sejħiet li nħarġu biex isir żvilupp fis-siti tax-Chalet, il-Pixkerija l-qadima u Evans Building, jista’ l-Prim Ministru jgħid meta dawn se jsiru pubbliċi?

Response (ABELA, ROBERT)

Dawn is-sejħiet qed jgħaddu mill-proċessi meħtieġa ta’ procurement pubbliku. Finalment, kull ftehim jiġi quddiem il-Parlament biex ikun ratifikat.

Uffiċjali tal-FIAU li ltaqgħu ma’ uffiċjali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk uffiċjali tal-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) iltaqgħux ma' uffiċjali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fis-17 ta' April 2023 fil-Berġa ta' Kastilja?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 8109.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – rapporti kriminali mis-Segretarju Permanenti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7254, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il rapport kriminali sar mal-Pulizija mill-Permanent Secretary tiegħu fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 7254.

Remote Working — Logbook

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ħaddiema kollha fis-Settur Pubbliku li ser japplikaw għal Remote Working arrangement ser jintalbu jimlew logbook dettaljat li fih jiġi speċifikat ix-xogħol li jkun sar waqt ir-Remote Working?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ċentralment ma ngħatawx struzzjonijiet biex jintużaw logbooks dettaljati. Kull entità hi libera li topera metodi skont l-esiġenzi partikolari tagħha.

Extended Remote Working — logbook

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ħaddiema kollha fis-Servizz Pubbliku li ser japplikaw għal Extended Remote Working arrangement ser jintalbu jimlew logbook dettaljat li fih jiġi speċifikat ix-xogħol li jkun sar waqt l-Extended Remote Working? Jista' jgħid jekk il-logbook hux imsemmi fil-'Manual on Work-Life Balance Measures' tal-PSMC fejn jidħol remote working? Jekk il-logbook mhuwiex imsemmi f'dan id-dokument, jista' jispjega għalfejn se jintalab mill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferri lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 8059.

Sistema ta’ remote working għall-ħaddiema tas-servizz u s-settur pubbliku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8009, jista' l-Prim Ministru jgħid id-dokument 'Manual on Work-Life Balance Measures' għal liema ħaddiema japplika? Jista' jagħti lista tal-uffiċjali tas-settur pubbliku li għalihom japplika dan id-dokument?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li d-dokument imsemmi japplika għal ħaddiema tas-Servizz Pubbliku.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — emails mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-emails b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali li rċieva l-Uffiċċju tiegħu u l-entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar, Frar u Marzu 2023?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jgħoddu l-istess prinċipji msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħu numru 7115.

Uffiċjali tal-FIAU li attendew laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk fis-17 ta' April 2023 kienx hemm laqgħa fil-Berġa ta' Kastilja li għaliha attendew uffiċjali tal-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU)? Min kien preżenti u x’kien l-iskop ta’ din il-laqgħa?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-laqgħat fuq livell tekniku jkunu diversi biex ikun analizzat kif l-awtoritajiet regolatorji, inkluż l-FIAU, jistgħu jibqgħu jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra r-reati finanzjarji u reati oħrajn. Kienet din l-istrateġija li wasslet biex il-proċess li pajjiżna għadda minnu mal-Financial Action Task Force (FATF) ingħalaq favorevolment. Infakkar li l-ħruġ ta' pajjiżna fi żmien qasir ħafna mil-lista l-griża seħħ b'kordinament kontinwu bejn l-entitajiet konċernati u l-uffiċċju tal-Prim Ministru, fejn bħala Prim Ministru anke' ltqajt mal-esperti tekniċi tal-FATF fl-on-site visit li għamlu ġewwa pajjiżna, qabel id-deċiżjoni finali tagħhom. Il-pajjiż irid jibqa’ viġilanti u kontinwament janalizza l-iżviluppi li jkun hemm, inkluż dawk li jistgħu jheddu jew jinnewtralizzaw il-funzjoni ta’ infurzar tal-FIAU jew ta' entitajiet oħra li jaħdmu kontra l-kriminalità. Inżid li huwa obbligu tal-Gvern li ma jkunx ċass quddiem realtajiet bħal dawn, u li jagħti d-direzzjoni strateġika tal-pajjiż lill-entitajiet biex imbagħad dawn jimplimentawha. Jiena nittama li l-Oppożizzjoni għandha l-istess għanijiet tal-Gvern u għandi nifhem li m’għandha lil ħadd li trid tipproteġi billi timmilita favur xenarju fejn dawn is-sistemi t'infurzar ma jaħdmux jew jiġu mdgħajfa. Anke' jekk b’diżappunt, irrid infakkar li meta ġejna biex nikkodifikaw ċertu tisħiħ fil-funzjonijiet t'infurzar ta' dawn l-entitajiet regolatorji, u s-setgħat tagħhom, anke' permezz ta’ bidliet kostituzzjonali, l-Oppożizzjoni kienet kontra.

Uffiċjali tal-FIAU li attendew laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min sejjaħ il-laqgħa li saret fis-17 ta' April 2023 fil-Berġa ta' Kastilja u li għaliha attendew uffiċjali tal-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU)?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 8109.

Palazz ta’ Selmun – xogħol ta’ restawr

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk bediex ix-xogħol ta’ restawr f’Selmun Palace li kellu jibda sal-aħħar tas-sena 2022? Jekk iva, jista’ jagħti rendikont tax-xogħol li sar u indikazzjoni ta’ meta hu previst li jitlesta? Jekk le, jista’ jgħid għaliex ix-xogħol ta’ restawr għadu ma bediex?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Severance package ta’ individwu

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7503 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7134 u għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7352, jista' jgħid x'qed jiswa lill-poplu Malti kull oġġett tas-severance package tal-individwu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kif approvat f’Diċembru 2019, kull sena, u x'inhi l-ispiża totali ta' dan is-severance package fuq bażi annwali?

Response (ABELA, ROBERT)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mogħti lili dwar spejjeż marbuta ma’ eks Prim Ministri.

Sistema ta’ remote working għall-ħaddiema tas-servizz u s-settur pubbliku

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7655, filwaqt li l-Prim Ministru qal li s-sistema tar-remote working kienet se titjieb permezz tal-policy l-ġdida u peress li jidher li r-reazzjoni tal-ħaddiema kienet waħda bl-oppost ta’ dak li qal il-Prim Ministru fit-tweġiba tiegħu għax mhux qed iħossuhom motivati, jista’ l-Prim Ministru jiċċara jekk din il-policy hux se tapplika wkoll għal dawk il-ħaddiema b’kuntratt permanenti ma’ Fondazzjonijiet, Aġenziji u/jew Awtoritajiet?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-prattiċi moderni tax-xogħol għas-Servizz Pubbliku mħabbra mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni għandhom l-għan li jassiguraw sostenibbiltà, flessibbiltà u effiċjenza. Irridu nibqgħu nimmotivaw u ngħinu lill-ħaddiema, fl-istess ħin li noffru servizz ta’ eċċellenza lill-pubbliku. Jien infurmat li dawn l-inizjattivi tħabbru wara konsultazzjoni wiesgħa, inkluż mal-livelli diversi tat-tmexxija, kif ukoll ma’ unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema. L-għan hu li prattiċi ta’ Reduced Hours, Flexitime, Flexi-week u Remote Working jissaħħu b’mod strutturat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-manwal, u dokumenti oħra relatati li huma diġà disponibbli għall-pubbliku.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – direct orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il direct order saret mid-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Remunerazzjoni ta’ Eks Membri Parlamentari

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7230 u jagħti rendikont ta' kull kuntratt ta' konsulenza, servizz jew xort’oħra ta' remunerazzjoni li ngħataw mill-Ministeru jew minn xi entità li taqa' taħtu, lill-Eks Membri Parlamentari li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament bejn l-2018 u llum? Jista' f'kull każ jgħid b'liema proċedura ngħata l-kuntratt jew servizz, x'kienet ir-remunerazzjoni u x'kienu l-benefiċċji u perkaċċi marbuta miegħu?

Response (ABELA, ROBERT)

L-Informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Laqgħat ma’ uffiċjali/rappreżentanti ta’ kumpaniji fil-Berġa ta’ Kastilja

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7188 u jagħti elenku tal-laqgħat li attendew uffiċjali jew rappreżentanti ta' Vitals u/jew Steward Healthcare fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Berġa ta' Kastilja, bejn l-2013 u d-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Meta kienu dawn il-laqgħat u min kien preżenti għal kull laqgħa?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 7335.