Jista’ l-Ministru jgħid matul l-2009 kemm-il persuna ġiet rapportata nieqsa lill-pulizija? Kemm minnhom instabu? Kemm kienu tfal, żgħażagħ, nisa, irġiel u/jew ta' ċittadinanza barranija? Kemm minnhom instabu mejta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2009 kien hemm 391 persuna li ġew irrappurtati nieqsa, 364 minnhom ġew rintraċċati, u 4 minnhom instabu mejta. Tagħrif dwar il-kumplament tal-mistoqsija huwa kif ġej:-
Maltin
Barranin
Eta
Irgiel
Nisa
Irgiel
Nisa
0 – 17
47
92
24
26
18 – 60
55
52
38
30
61 +
13
4
7
3
Total
115
148
69
59
Jista’ l-Ministru jgħid matul l-2009 kemm kien in-numru ta' persuni rapportati lill-pulizija li tilfu ħajjithom traġikament u/jew instabu mejta? Kemm minnhom kienu ta' nazzjonalita barranija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2009 kien hemm 91 persuna li tilfu ħajjithom traġikament. Minn dawn kien hemm 15-il persuna ta' nazzjonalità barranija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm arbituri li jisimgħu arbitraġġi taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ u jgħid min huma?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Fil-preżent hemm 134 persuna li huma arbitri fil-Gruppi ta’ Arbitri għall-Arbitraġġi maħtura miċ-Ċentru tal-Arbitraġġ ai termini tal-artikolu 10 tal-Att dwar l-Arbitraġġ [Kap. 387 tal-Liġijiet ta’ Malta]. Qed inqieħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet ta’ dawn l-arbitri.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13007 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'qed jistenna biex jabolixxi ċ-ċensura fuq l-arti darba għal dejjem minn pajjiżna?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-abolizzjoni totali taċ-ċensura li qiegħed jissuġġerixxi l-Onorevoli Membru tfisser li f'pajjiżna jkun jista' jsir użu minn materjal pornografiku li jabbuża minn tfal, persuni b'diżabilità, persuni vulnerabbli eċċ. Il-Gvern ma jaqbilx ma' din il-pożizzjoni drastika u għalhekk qiegħed jaħdem fuq mordernizzar tal-Liġijiet f'pajjiżna.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li d-dog section tal-Pulizija terġa' tmur lura fil-Furjana, għax hemmhekk fejn jinżammu l-klieb għandhom il-bżonnijiet kollha u l-post huwa miżmum f'kundizzjoni tajba ħafna?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi għalkemm għalissa mhux maħsub li jkun hemm xi trasferimenti tat-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija, il-Korp dejjem jimxi skont il-ħtiġijiet u l-esiġenzi li jkunu eżistenti minn żmien għal żmien.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' serqiet li ġew rapportati matul is-sena li għaddiet f'San Pawl il-Baħar, Mellieħa u Naxxar rispettivament? Kemm minn dawn is-serqiet ġew solvuti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi r-rapporti ta' serq li saru lill-Pulizija matul l-2009 kienu; 529 minn San Pawl il-Baħar, 170 mill-Mellieħa u 107 minn Naxxar. Ninforma l-Onorevoli Membru li l-informazzjoni għall-aħħar parti tad-domanda għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' inċidenti tat-traffiku li fihom issejħu l-membri tal-protezzjoni ċivili biex jagħtu l-għajnuna tagħhom matul l-2009? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-informazzjoni li tinġabar minn fuq is-siti li fihom iseħħu l-inċidenti fil-fatt jgħaddux għand l-Awtorità dwar it-Trasport biex possibilment jittieħdu passi fuq l-istess lokalitajiet, f'dik li hi kostruzzjoni ta' toroq?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2009 membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew imsejħa biex jintervjenu f'144 inċident tat-traffiku. Infurmat ukoll li l-Pulizija tgħaddi rapport tal-inċident fuq formola (Accident Record Sheet) lill-Awtorita' dwar it-Trasport. Dan ir-rapport jinkludi l-istat u l-kundizzjoni tat-triq fejn ikun seħħ l-inċident.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-Qrati tagħna tinżammx informazzjoni dwar x'inhuma r-raġunijiet li per eżempju, informazzjoni li jkollha tinġabar għall-użu tal-Qorti, liema informazzjoni tkun trid tinġabar għal seduta partikolari ddum snin sħaħ biex tasal fil-Qorti, bil-konsegwenza li l-proċeduri fil-Qrati jitwalu sostanzjalment?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Fil-Qorti ma tinżammx informazzjoni dwar x'inhuma r-raġunijiet għala informazzjoni li jkollha tinġabar għall-użu tal-Qorti ddum biex tasal. Meta l-Qorti jkollha bżonn li tinġabar xi evidenza f'xi kawża partikolari, dana jiġi verbalizzat fl-atti tal-istess kawża u l-Qorti ssegwi minn seduta għal oħra jekk din tiġix ippreżentata jew le. Hija l-Qorti stess li tieħu dawk il-passi neċessarji sabiex tara li l-informazzjoni li tkun trid, tasal għandha fiż-żmien li hija tistabilixxi.
investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar allegazzjonijiet li saru fil-Parlament
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar numru ta' allegazzjonijiet li kienu saru fil-Parlament qabel l-elezzjoni li għaddiet, u li jien personalment kont tlabt li jiġu investigati?
breathalyser tests — passi fil-konfront ta' min jikser ir-regolamenti
Question
Jista l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' breathalyser tests li saru matul l-2009? X'passi jittieħdu fil-konfront ta' min jinstab li kien qed jikser ir-regolamenti dwar il-limitu tax-xorb?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2009 kien hemm 95 sewwieq li sarlu it-test tan-nifs mill-Pulizija. Minn dawn 61 kienu posittivi, waqt li 34 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. F’kull każ fejn it-test jirriżulta pożittiv jew ma kienx komplut, inbdew proċeduri kriminali skont il-liġi.
Attivitajiet lokali f'San Pawl il-Baħar, Mellieħa u Naxxar — Permessi rifjutati
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talba għall-organizzazzjoni ta' attivitajiet lokali f'San Pawl il-Baħar, Mellieħa u Naxxar, liema talbiet saru minn individwi jew għaqdiet mhux governattivi u li ġew rifjutati l-permessi għalihom matul l-2009?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Matul l-2009 kien hemm żewġ talbiet għall-organizzazzjoni ta' attivitajiet fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar li saru lill-Pulizija u li ġew rifjutati. Waħda minn dawn kienet tikkonċerna tiġrija ta' żwiemel fi Triq it-Trinċetta u oħra party quddiem Ta' Fra Ben.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew mogħtija disprezzi mill-Qrati tal-Maġistrat sena b'sena fl-aħħar sentejn? Kemm inġabru flus b'kollox sena b'sena? Kemm inħarġu mandati lil xhieda jew imputati/akkuzati li ma jkunux dehru fis-seduta ta' qabel?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fil-preżent każijiet li qed jaħdmu fuqhom l-Avukati (Għajnuna Legali)? Kemm-il sena ilhom dawn il-każijiet pendenti quddiem l-avukati? Min huma l-avukati li qed jagħtu l-għajnuna legali lill-persuni foqra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent fil-Kawżi Ċivili hemm 674 każ fil-Qrati tal-Ġustizzja (Malta) u 3 fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex). L-Avukati li qed jaħdmu fuq dawn il-kazijiet bħala Għajnuna Legali huma, Dr Martin Fenech, Dr Mark M Busuttil, Dr Anthony Cutajar u Dr Renzo Porsella Flores għal Malta u Dr Kevin Mompalao u Dr Jean Paul Grech għal Għawdex. Din is-sezzjoni tal-Avukati tal-Għajnuna Legali hija mmexxija mill-Avukat Dr Joe Mifsud u Dr Malcolm Mifsud.
Ninsab infurmat illi statistika fir-rigward ta' kemm ilhom pendenti l-kawżi ma tinżammx.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibda kors ieħor ta' spetturi kadetti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-kors ta' Spetturi Kadetti mistenni jibda fil-futur qarib u dan wara li jiġu eżawriti l-proċeduri amministrattivi kollha qabel ma tinħareġ is-sejħa tal-applikazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma s-suġġetti akkademiċi li qed jiġu mgħallma l-pulizija, b'referenza diretta għax-xogħol tagħhom, fl-Akkademja tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li s-suġġetti akkademiċi li qed jiġu mgħallma fl-in service courses lill-Pulizija b'referenza diretta għax-xogħol tagħhom, huma dawn kif indikati hawn taħt:-
– Qorti tal-Minorenni/Delinkwenza
–
Community Policing
– Abbuż fuq it-Tfal
– Liġi Kriminali
– L-Ewwel Għajnuna
– Sirene/Schengen – L-Unjoni Ewropeja u l-Istituzzjonijiet tagħha
–
Customer Care
– Etika tal-Pulizija
– Ġbir ta’ Informazzjoni
– Vittmi tar-Reati
– l-Att Dwar il-Pulizija
– Każi dwar l-Immigrazzjoni
– Atteġġjament ma’ Pazjenti b’Mard Mentali
– Liġijiet dwar it-Traffiku
– Vjolenza Domestika
– Il-Pulizija u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
– Leġislazzjoniet Sussidjarja
– Preservazzjoni ta’ Xeni tar-Reati
– Prostituzzjoni
– Loghob ta’ l-Ażżard
– Ċirkolarijiet (Personali u Proċedurali)
– Administrative Law Enforcement issues
– Kontra t-Terrorizmu
–
Intellectual Property Rights
– L-Ewro u Dokumenti Falsifikati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li d-detail, u ċioe r-roster, tal-pulizija tiġi fuq sistema online li tkun aċċessibbli mill-pulizija permezz ta' password apposta mid-djar tal-istess pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi diġà nbdew diskussjonijiet mal-MITA biex din is-sistema tkun tista' sseħħ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il Maġġur tal-Pulizija hu stazzjonat fis-servizz sigriet? Hekk kif jien informat li hemm ammont sostanzjali ta' maġġuri, dawn huma daqstant indispensabbli li jibqgħu hemm, meta wieħed iqis li fil-korp jeżistu diversi vaganzi f'dan il-grad?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-Servizz Sigriet hemm ħames Maġġuri, 4 rġiel u mara, li f'dawn l-aħħar għaxar snin is-Servizz tas-Sigurtà investa ħafna fihom f'dak li huwa courses u training u kollha għandhom rwol partikolari.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija kkonkludietx l-investigazzjoni dwar l-allegat abbuż ta' poter waqt sekwestru mingħand il-fondi tal-kumpanija, li l-isem tagħha qed jinbagħat separatament, f'liema sekwestru intrema materjal li kien fi friża u li l-valur tas-suq tiegħu kien jeċċedi s-€700,000? Jista' jgħid jekk fl-investigazzjoni tagħha l-pulizija semgħetx lill-partijiet kollha in kwestjoni, inkluż il-proprjetarji tal-kumpanija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-kumpanija msemmija mill-Onorevoli Interpellant għadha mhix konkluża, u għaldaqstant ma nħossx li huwa opportun li jingħata xi tagħrif f'dan l-istadju.
Jaf il-Ministru li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja ddiferiet il-ħidma tagħha sine die u li attwalment jidher li din il-Kummissjoni mhux qed tiffunzjona? Jista' l-Ministru wara indaġini relattivi jispjega għaliex il-ħidma ta' din il-kummissjoni ġiet hekk diferita sine die?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mhix responsabbiltà tiegħi bħala Ministru tal-Ġustizzja li nissorvelja l-andament tal-Kummissjoni għall-Amministrazzzjon tal-Ġustizzja kostruwita bl-Att XI tal-1994. Iżda jien infurmat li l-laqgħat ma' din il-Kummissjoni mhumiex aġġornati sine die.
Jista' l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet il-petizzjoni għall-maħfra presidenzjali tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament? Japprezza l-Ministru li l-persuna indikata għandha marda terminali u b’hekk timmanifesta ruħha l-urġenza tal-materja?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Il-petizzjoni in kwistjoni qed tiġi trattata bl-urġenza li timmerita. Il-materja hi waħda kumplessa u delikata u teħtieġ żmien sabiex iċ-ċirkostanzi kollha jiġu eżaminati u verifikati bir-reqqa u sabiex issir il-konsultazzjoni meħtieġa mal-awtoritajiet kollha relevanti. In vista tal-fatt li kien hemm il-ħtieġa li jingħata aċċess għall-informazzjoni medika rigward il-priġunier konċernat, kien hemm ukoll in-neċessità li jiġi akkwistat il-kunsens bil-miktub tiegħu għal dan il-għan. Il-konsultazzjonijiet neċessarja qed jieħdu l-kors tagħhom bl-ispeditezza li n-natura tal-każ jippermetti.