Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta — belisha lights ta' ħdejn roundabout tax-Xemxija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta kienet l-aħħar darba li ġew rapuratati bil-ħsara l-belisha lights ta' ħdejn ir-roundabaout tax-Xemxija mill-Uffiċċju ta' Transport Malta peress li dawn il-lights huma importanti minħabba l-ammont ta' vetturi li jgħaddu minn dan il-post, minfejn iridu jaqsmu ukoll numru ta' persuni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ħsarat ta’ belisha lights jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Enemalta.

Transport Malta — belisha lights ħdejn roundabout ta' Erba Mwieżeb

Question

Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta jieħu l-passi neċessarji biex il-belisha lights li tkissru ħdejn ir-roundabout ta' Erba' Mwieżeb, f'inċident tat-traffiku fid-daħla tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar (direzzjoni San Pawl il-Baħar lejn Burmarrad) jiġu rranġati kemm jista' jkun malajr?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Numru 30524.

Kampanja ta' edukazzjoni dwar l-użu ta' indicators

Question

Jista' l-Ministru permezz ta' Transport Malta jorganizza kampanija ta' informazzjoni/edukazzjoni dwar l-użu tal-indicators tal-vetturi meta s-sewwieqa jkunu se jduru minn direzzjoni għall-oħra fit-toroq tagħna, għaliex sfortunatament huma bosta sewwieqa li ma jagħmlux użu minn dawn l-indicators?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fl-2012 Transport Malta se tniedi kampanja edukattiva li se tkun qed titratta dan is-suġġett fost affarijiet oħra. Il-kampanja se tkun qed tiffoka mhux biss fuq is-sewwieqa iżda fuq kull min juża’ t-toroq.

Transport Malta — qagħda finanzjarja

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28867, dwar il-qagħda finanzjarja preżenti, jista' l-Ministru jgħid kemm għandha dejn Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi Transport Malta għandha €146,942,042 f’assi kapitali u kurrenti waqt li s-self mal-banek jammonta għal €51,011,822 li €41,595,051 jirrapreżentaw ħlas lis-sidien tal-ex karozzi tal-linja meta ttieħditilhom il-liċenżja biex joperaw.

karozzi tal-linja antiki li se tuża l-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vetturi li se jerġgħu jiġu utillizzati mis-soċjetà Arriva fit-toroq wara li dawn kienu jintużaw fuq ir-rotot l-antiki mill-Awtorità dwar it-Trasport? Jista' jgħid u jagħti tagħrif dwar lil min Transport Malta tat l-inkarigu biex jiġu spezzjonati dawn il-vetturi peress li l-emissjonijiet tagħhom se jkunu bejn Euro III u IV? Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ġiet magħżula din il-persuna jew kumpanija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

tender għall-importazzjoni ta' ktajjen

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27643, jista' l-Ministru jgħid jekk l-importazzjoni għall-ktajjen ngħatatx b’direct order? Jista' l-Ministru jgħid u jagħti tagħrif dwar min espona t-tender? Jista' jgħid, wara li ġie approvat it-tender, min ħa l-inkarigu li jamministra l-istess tender?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ktajjen li nxtraw mingħand Pantheon Shipping Supplies ġew mixtrija permezz tender li kienet ħarġet l-awtorità. Il-ktajjen mingħand J.P.Baldacchino u Ray's Hardware Store inxtraw permezz ta’ direct order minħabba raġunijiet ta’ urġenza relatati ma’ problemi tekniċi. Fil-każ tat-tender, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġew provduti minn uffiċċjal tad-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura u l-istruzzjonijiet ġenerali minn uffiċċjal tal-Corporate Services Directorate. It- tender ġie mbagħad rivedut u approvat mill-Procurement Committee sabiex jinħareġ. Wara li ġie approvat, uffiċċjal tad-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura ħa l-inkarigu li jamministra l-istess tender.

informazzjoni dwar opri tal-baħa li għandha Transport Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandhiex opri żgħar tal-baħar biex ikunu jistgħu jsiru xogħlijiet fl-ibħra Maltin bħal tiswijiet eċċ.? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid jekk isirx użu minnhom? Kif jiġi mwettaq dan it-tip ta' xogħol? Jekk jirriżulta fin-negativ, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jsirx użu minnhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

xufiera li jitilqu minn mal-Arriva — teħid ta' liċenzja

Question

Peress li persuna tista' ġġib liċenzja sabiex tkun ingaġġata mal-kumpanija Arriva, jista' l-Ministru jgħid jekk mhux fl-affermattiv li qed tittieħet il-liċenzja meta x-xufiera tal-Arriva jiddeċiedu li jitterminaw l-impjieg tagħhom minn mal-kumpanija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta toħroġ liċenzji tas-sewqan u permessi ta’ xufiera skont ir-Regolamenti dwar Vetturi bil-Mutur (Liċenzji tas-Sewqan), irrispettivament ma’ min ikun jew kien impjegat. Kull persuna illi tixtieq issuq vettura bħal xarabank jew coach trid iġġib liċenzja apposita ta’ sewqan u din tinħareġ lill-persuna u mhux lil min jimpjegaħ, bil-konsegwenza li jekk ibiddel impjieg jew ma jkomplix isuq xorta jżomm il-liċenzja.

Transport Malta self mill-banek għal permessi tal-karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta kenitx involuta f'self mill-banek biex tagħmel tajjeb għal permessi tal-karozzi tal-linja tal-Arriva kif ukoll għal dawk tax-xufiera? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti tagħrif dwar dan is-self u kemm jilħaq dan l-ammont imsemmi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma kenitx involuta f’self mill-banek biex tagħmel tajjeb għal permessi tal-karozzi tal-linja tal-Arriva kif ukoll għal dawk tax-xufiera. Madanakollu, kien hemm self mill-banek sabiex jagħmel tajjeb għall-kumpens lis-sidien tal-karozzi tal-linja li kienu joperaw sat-2 ta’ Lulju 2011. Dan is-self jammonta għal €41,595,051, u huwa inqas mill-kumpens attwali li ġie mħallas.

Sistema ta' rapport li vettura qed iddaħħan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sistema li tirraporta xi vettura għaliex tkun qed idaħħan għadiex fis-seħħ? Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti b'din is-sistema matul is-sena 2009, 2010 u 2011?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-sistema tal-SMS fejn wieħed jirrapporta xi vettura għaliex tkun qed iddaħħan, għadha fis-seħħ. Infurmat ukoll li l-ammont ta’ rapporti b’din is-sistema kienu hekk kif ġej: 2009 – 32,654 2010 – 19,568 2011 – 10,981 (Jannar – Ottubru)

Gozo Channel — spiża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa lill-Gozo Channel, id-deċiżjoni taċ-Chairman tal-istess kumpanija meta huwa ordna sabiex il-vapur jiġi mġiegħel jerġa' lura biex hu jitla' fuq l-istess vapur?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Transport Malta — karigi maniġerjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' persuni li jokkupaw karigi maniġerjali (inkluż direttur u assistenti diretturi) fi Transport Malta? X'allowance u benefiċċji oħra jingħataw lil dawn il-persuni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

rotot li jwasslu sal-Isptar San Luqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30244 u jgħid liema huma r-rotot li jwasslu sal-Isptar San Luqa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-isptar San Luqa huwa moqdi bir-rotta 122. Din ir-rotta titlaq minn Mater Dei lejn il-Belt Valletta, fejn matul it-traġitt tagħha tgħaddi mill-isptar San Luqa, kif ukoll tgħaddi minn Santa Venera (Triq il-Kappillan P.P. Mifsud), Ħamrun (Mile End), Floriana u ċ-Ċentru tas-Saħħa, Floriana. L-ewwel vjaġġ mill-Isptar Mater Dei jibda fil-05:30hrs filwaqt li l-aħħar vjaġġ huwa fl-22:30hrs. Din ir-rotta għandha frekwenza ta’ 30 minuta. Dan ifisser li kull min ikun irid imur l-isptar San Luqa jista’ jagħmel dan billi jaqbad tal-linja, kemm mill-Belt, minn Mater Dei kif ukoll matul ir-rotta Nru 122.

talbiet pendenti għall-parkeġġ riservat għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma t-talbiet pendenti quddiem il-Bord tal-parkeġġ riservat għall-persuni b'diżabilità? Minn liema lokalitajiet huma t-talbiet pendenti? Kemm f'kull lokalità, dawn it-talbiet pendenti huma talbiet ta' individwi u kemm huma talbiet tal-kunsill lokali?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi t-talbiet pendenti quddiem il-bord tal-parkeġġ riservat għall-persuni b'diżabilità. Dawn l-applikazzjonijiet jiġu sottomessi minn individwi permezz ta’ formola apposta li trid timtela mill-applikanti stess, u tiġi sottomessa lil Transport Malta sabiex tiġi pproċessata. Ninsab infurmat ukoll li hemm numru ta’ każijiet oħra li qegħdin jiġu pproċessati, iżda għadhom mhumiex lesti sabiex jidhru quddiem il-Bord imsemmi, għal diversi raġunijiet, fosthom li Transport Malta qed tistenna informazzjoni mill-Kunsill Lokali rispettivi, jew l-applikanti għadhom ma ssottomettewx id-dokumenti kollha meħtieġa, kif ukoll każijiet li qegħdin għand it-tabib tal-Awtorita` sabiex jeżamina l-applikanti qabel dawn il-każijiet jgħaddu quddiem il-Bord.

Vehicle Activated Sign

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-informazzjoni miġbura mill-Vehicle Activated Sign li ġiet stallata fit-triq ta' bejn iż-żewġ mini (qrib l-Università), Santa Venera/Msida f'dak li hu n-numru ta' vetturi li qed jaqbżu l-40 kilometru fis-siegħa, indikat fuq il-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — timing tal-lights

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30245, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma d-differenzi bejn il-ħinijiet li qed jitħaddmu llum u dawk li kienu jitħaddmu qabel, fejn bir-raġun kollu saret it-tiswija sħiħa tas-sistema tad-dawl li kellha numru ta' ħsarat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-differenza bejn il-ħinijiet li qed jitħaddmu llum u dawk li kienu jitħaddmu qabel, hija li żdied il-ħin b’ħames sekondi, matul il-ġurnata kollha, għall-vetturi ħerġin minn Buġibba direzzjoni lejn Burmarrad.

Fgura — Triq il-Foss - xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30169, jista' l-Ministru jikkonsidra li Triq il-Foss fil-Fgura ssir mingħajr ma ddum u titlesta għallinqas sa Frar 2012 anke minħabba li jidher li x-xogħol fuq Smart City u servizzi anċillari waqgħu lura?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta bdiet il-proċess biex tinħareġ is-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet f'din it-triq.

Transport Malta — soqfa tal-uffiċini

Question

Ġaladarba fi ħdan Transport Malta hemm sezzjoni nkarigata mill-manutenzjoni mmexxijja minn property manager u anke sezzjoni nkarigata mill-health and safty tal-ħaddiema, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r raġuni li kellhom jibdew iċedu uħud mis-soqfa tal-uffiċini ta' Transport Malta sabiex dawn jaġixxu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi s-soqfa tal-uffiċini li qed jirreferi għalihom l-Onor.Interpellant huma fil-Licencing & Testing Department fejn l-awtorità ħadet azzjoni mmedjata kif saret taf b’dawn il-ħsarat strutturali. Wieħed mill-periti tal-istess awtorità ċċekkja dawn is-soqfa u ttieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ma jkun hemm l-ebda periklu kemm għall-impjegati kif ukoll għall-klijenti ta’ Transport Malta. Bħalissa għaddejjin ukoll ix-xogħlijiet meħtieġa, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-perit, biex din il-problema tiġi indirizzata.