Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm assenteiżmu (truancy) fl-iskejjel tal-Gvern matul is-snin skolastiċi 2021-2022, 2022-2023 u 2023-2024? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont l-iskejjel u skont l-età tat-tfal?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fid-dawl tan-numru ta' riżenji ta' diversi għalliema, jista' l-Ministru jgħid jekk sarux exit interviews? Jekk le, għaliex u jekk iva, x'kienu r-raġunijiet imsemmija?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-exit interviews huma parti mill-proċedura li jsiru kull darba li jkun hemm riżenji. Matul dawn l-interviews ir-raġuni jkunu varji li jinkludu dawk li jridu jbidlu l-karriera, biex jgħalmu fi skejjel tal-knisja jew indipendenti, u raġunijiet ta’ saħħa.
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Konsulenti Maltin u barranin
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti Maltin u barranin (individwi jew kumpaniji) li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, għamel użu minnhom minn 2020 sal-aħħar ta' Ottubru 2023? Jista' jgħid ukoll jekk kull servizz mogħti ġiex magħżul wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw? Għal kemm perjodu ta' żmien kienu ingaġġati? Jekk iżjed minn sena jew term wieħed, għal kemm-il term jew sena mill-ewwel darba li ġew appuntati biex jagħtu dan is-servizz ilhom jagħmlu dan? Kemm kienu l-fees u spejjeż oħra relatati li tħallsu? Jekk il-każ fuq it-terminu ta' żmien li matulu kienu qed jipprovdu dan is-servizz, kemm tħalsu globalment fuq medda ta' żmien min mindu ġew appuntati l-ewwel darba? Kemm kienet ir-rata kull siegħa tal-fees li tħallsu?
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista’ jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Direct Orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 sat-8 ta’ Jannar 2025?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tas-CEO l-ġdid tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS)? Jista’ jippreżenta wkoll is-CV u l-kwalifiki li għandu s-CEO l-ġdid kif ukoll il-kondotta biex jokkupa din il-kariga?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt ta’ CEO qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24206 u jikkonferma jekk ir-rapport finanzjarju tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) għas-sena 2022 għadu ma ġiex ippreżentat minħabba li ċ-Chairman qed jirrifjuta li jaċċetta l-Management Letter tal-awdituri mqabbda mill-istess Awtorità? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx xi raġuni oħra jew għalfejn dawn ir-rapporti għadhom ma ġewx ippreżentati minkejja li l-awdituri ilhom xhur sħaħ li lestew l-audit u ppreżentaw il-Management Letter?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24414 u jgħid kemm hu l-baġit previst għall-Università ta’ Malta għas-snin 2025-2027?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-estimi għal din is-sena diġà ġew impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward għas-snin 2026 u 2027 nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferiha lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24415 u jgħid jekk numru ta' akkademiċi fl-Università ta’ Malta ma rċevewx il-'Work Resources' jew inkella rċevewh bi tnaqqis sostanzjali?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li l-‘Work Resources’ tħallsu lill-akkademiċi kollha.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24416 u ċjoè: Fid-dawl li numru ta' akkademiċi fl-Università ma rċevewx, jew inkella rċevew bi tnaqqis sostanzjali l-'Work Resources', jista’ l-Ministru jara li dawn l-akkademiċi jirċievu dawn ir-riżorsi b'mod sħiħ kif dejjem irċevewhom? Jista’ jgħid ukoll meta dan ser isir?
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21318, jista’ l-Ministru jwieġeb tali mistoqsija anki billi jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar it-tip ta' taħriġ li ngħata mill-Istitut għall-Edukazzjoni (IFE), il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS) u l-Awtorità tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla ta’ Malta (MFHEA), f'liema data, min kienu l-esperti li mexxew it-taħriġ u kemm ġiet tiswa kull sessjoni ta' taħriġ?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Nefqa fuq fjuri għal funerali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12047 u 18989 u jgħid kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21839.
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Baġit allokat u infiq għall-PR
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-baġit allokat u l-infiq għall-PR tal-Ministeru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-informazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ budget għall-PR huwa parti mil-line item rispettiv fl-estimi tal-budget li ngħatat kopja tagħhom u tpoġġew ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min huwa ċ-chairperson tal-entitajiet segwenti:
a. Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA);
b. Istitut għall-Edukazzjoni (IFE);
c. Sport Malta;
d. Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES);
e. Foundation for Tomorrow’s Schools (FTS);
f. Equestri Malta?
Jista’ jgħid ukoll meta nħatru? Sakemm għandhom it-terminu tal-ħatra? Xi ħlas u perkaċċi jgawdu?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-perjodu tal-ħatra ta’ kull Chairperson issir skont kif ikun mitlub mill-liġi, u r-remunerazzjoni tingħata skont il-Manwal tal-kategorizzazzjoni, klassifikazzjoni u remunerazzjoni ta’ bordijiet u kumitati maħtura mill-Gvern.
Entita
Isem u Kunjom
Rwol
MFHEA
Dr. Edward Woods
Chairman
SportMalta
Mr. Matthew Pisani
Chairperson
FES
Ms. Pamela Schembri
Chairperson
FTS
Dr. Cory Greenland
Chairperson
EquestriMalta
Mr. John Huber
Chairperson
Jista' l-Ministru jgħid min huwa ċ-chairperson tal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS)? Jista’ jgħid ukoll meta nħatar? Sakemm għandu terminu tal-ħatra? Xi ħlas u perkaċċi jgawdi?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li c-Chairperson tal-bord tal-entità msemmija nħatar f’Awwissu tas-sena 2022, il-ħatra ngħatat għal 3 snin. Fir-rigward tar-remunerazzjoni taċ-Chairperson, dan jiġi remunerat skont il-Manwal tal-kategorizzazzjoni, klassifikazzjoni u rumenerazzjoni ta’ bordijiet u kumitati maħtura mill-Gvern.