Gozo Channel (Operations) Ltd – audited u management accounts
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Gozo Channel (Operations) Ltd. ippreżentat l-audited accounts tagħha għas-sena 2019 fit-terminu preskritt mil-liġi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tagħhom? Jista', fin-nuqqas, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-management accounts għas-sena 2019 kif ukoll dawk għas-sena 2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-audited accounts għas-sena 2019 ma jistgħux jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra peress li għadhom ma ġewx iffinilizzati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għall-Breakwater f’Marsalforn u dan peress li din hija waħda mill-wegħdi prinċipali tal-Gvern għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-proġett se jitwettaq mid-direttorat EkoGħawdex u għalhekk l-ispejjeż relatati ma’ dan il-proġett se jgħaddu mill-vot allokat lill-EkoGħawdex. Madanakollu, mhux eskluż li dan il-proġett ikun iffananzjat mill-pakkett il-ġdid ta’ Fondi Ewropej.
Port tal-Imġarr Għawdex – proġett għal triq ġdida bejn il-Port u Triq il-Madonna ta’ Lourdes
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett propost fil-Baġit 2019 għal triq ġdida bejn il-Port tal-Imġarr Għawdex u Triq il-Madonna ta' Lourdes f'Għajnsielem (triq alternattiva għall-Port tal-Imġarr) u jgħid liema hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għal dan l-imsemmi proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema ingaġġati bħala skrivana
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16949 u jgħid kemm hemm persuni ingaġġati bl-iskemi u ngħataw xogħol ta' skrivana f'diversi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jikkonferma li dawn iddaħħlu bl-iskema bla ebda eżami u bi ftit kwalifiċi? Jista’ jgħid jekk il-persuni ingaġġati fuq skema u qed jagħmlu xogħol klerikali humiex kollha jagħmlu xogħol temporanju? Jista’ jgħid kemm hemm minnhom qed jagħmlu xogħol klerikali li hu permanenti? Jista’ jgħid jekk fil-futur qarib hemmx ippjanati li jiġu ingaġġati iktar persuni bl-iskema li jagħmlu xogħol klerikali ġewwa l-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm sebgħa u ħamsin persuna li kienu ngaġġati fil-passat bl-iskema u li qed jagħmlu xogħol meħtieġ skont il-kapaċitajiet tagħhom fid-dipartimenti fejn hemm il-ħtieġa għalihom.
Bħalma ġara fl-aħħar snin, il-Ministeru għal Għawdex jibqa’ mpenjat biex uffiċjali tal-Gvern residenti Għawdex li bħalissa x-xogħol tagħhom huwa bbażat f’Malta, jiġu rilokati f’Għawdex. Dan jinkludi ukoll l-iskrivana, fejn il-Ministeru għal Għawdex għandu bżonn numru akbar ta’ skrivana u filfatt qed jitlob li l-iskrivana Għawdxin li hemm jaħdmu Malta jiġu rilokati ġewwa Għawdex.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16669 fejn ingħad li ' Qed isir xogħol fuq il-pitch fil-parti ta’ nofs il-korsa li se tkun dedikata għal cricket u softball. F’parti oħra fin-nofs tal-korsa qed isir xogħol għal trakka tal-karozzi (autocross)', ġewwa l-Korsa tax-Xħajma, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-permessi kollha meħtieġa min-naħa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u tal-Awtorità ta-Ippjanar (PA) u jekk iva jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol li qed isir jeħtieġ grading u landscaping minuri u ma huwiex meħtieġ il-permess tal-Awtorita tal-Ippjanar. Minn żmien għal żmien, f’din iż-żona jiġu organizzati diversi attivitajiet li huma konformi mal-permess oriġinali.
Peress li f’din is-sena, refunds kienu l-prassi f’din l-industrija minn airlines għal hotels, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fejn hemm aġenziji li mhux ser ikollhom xogħol din is-sena, u dawn diġà ħallsu għall-biljetti tal-Gozo Channel, jikkunsidrax li jagħtihom refund? Nittama anke li f’dan il-każ.
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li nirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 17878, inżid li b’kollaborazzjoni mal-Gozo Channel, il-Ministeru għal Għawdex kontinwament jiddiskuti proċeduri li jkunu meħtieġa bil-għan li jimitigaw ċirkostanzi li jinqalgħu b’riżultat tal-pandemija.
Ministeru għal Għawdex – tender jew direct order lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu, tawx tender jew direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Meta ngħataw, ta’ kemm kienu u abbażi ta’ xiex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jispeċifika t-talba tiegħu.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16994, jista’ l-Ministru jgħid minbarra s-7 ħaddiema tal-Gozo Channel, kien hemm aktar ħaddiema mis-Servizz Pubbliku minn Għawdex li ħadmu permezz tat-teleworking? Jekk iva, kemm kien hemm mill-bidu ta’ Marzu sal-lum? Kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-bidu ta’ Marzu sal-lum, fil-Ministeru għal Għawdex hemm 199 ħaddiem fuq telework (48 raġel u 151 mara).
Minħabba s-siwazzjoni preżenti hemm għadd ta’ ħaddiema oħra li qegħdin jaħdmu għadd ta’ ġranet mid-dar.
Jista' l-Ministru jgħid hekk għandux il-ħsieb li jagħti wiċċ ġdid lit-triq ta' Għajn Damma jew kif inhi magħrufa wkoll Ta’ Għajn Xejba, li mix-Xagħra twassal lejn Marsalforn u jekk iva meta beħsiebu jagħmel dan? Jista' jispjega wkoll jekk f'din it-triq hemmx problema ta' tnixxija ta' drenaġġ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħsieb tal-Ministeru għal Għawdex huwa li jsiru t-toroq li hemm bżonn madwar Għawdex kif jista’ japprezza li qed jsir.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tad-direct orders mogħtija mill-Ministeru tiegħu tul l-2020? Jista' jindika għal kull direct order, il-ħlas li sar, il-persuna li offriet is-servizz jew irċeviet il-ħlas u n-natura tas-servizz mixtri?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppublikata fuq il-gazzetta tal-Gvern.
Xogħol infrastrutturali u ta’ restawr tal-Akwedott tar-Rabat Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid x'tip ta’ xogħol infrastrutturali u ta' restawr sar matul is-sena 2020 u kemm kienet l-ispiża tal-proġett ta’ restawr tal-Akwedott tar-Rabat, Għawdex, li kien imħabbar fil-Baġit tas-sena 2017? Jista’ jgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2020 saru l-istudji ġeoloġiċi u li għadhom ma sarux ħlasijiet. Ix-xogħlijiet mistennija jitlestew sa Marzu 2023.
Vapur MV Nikolaus – riħa ta’ drenaġġ fis-sala tal-passiġġieri
Question
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn kien hemm riħa ta’ drenaġġ fis-sala tal-passiġġieri fuq il-vapur tal-Gozo Channel MV Nikolaus nhar it-Tlieta 8 ta’ Diċembru 2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija Gozo Channel ma kellha l-ebda rapport fuq ir-riħa ta’ drenaġġ.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14027 u jispjega lill-Parlament kemm kienet in-nefqa tiegħu bejn l-2013 u l-2019 sena b’sena biex isir reklamar f’Għawdex bħala destinazzjoni turistika unika u distinta minn Malta? Jista’ jispjega kemm ser tkun din in-nefqa għas-sena 2020 u x’inhuma l-inizjattivi ppjanati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 17760 - Reklamar għal gżira Għawdxija - nefqa.pdf
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14730 u jgħid f'kemm żoni tal-kosta ta’ Għawdex jinsabu s-salini tal-melħ? Jista' l-Ministru jgħid fejn jinsabu? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm minn dawn is-salini għadhom qed jitħaddmu? Jista' jgħid kemm kienet, fi kwantità u fi dħul, il-produzzjoni tal-melħ minn dawn is-salini sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin? Jista' jgħid kemm minn dawn is-salini jappartjenu lill-privat u kemm minnhom huma f'idejn il-privat b'kera jew ċens? Jista' l-Ministru jgħid x’qed jagħmel il-Gvern biex dawn is-salini jiġu konservati għall-ġenerazzjonijiet futuri?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru ma jżommx l-informazzjoni mitluba.
Gozo Channel – Vjaġġi ta’ merkanzija minn Għawdex għall-Belt u lura
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li l-Gozo Channel jerġa’ jibda l-vjaġġi tal-merkanzija mill-Imġarr Għawdex għall-Belt Valletta u lura, liema vjaġġi twaqqfu tliet snin ilu u dakinhar il-Gvern permezz tal-Ministeru għal Għawdex kien qal li dawn twaqqfu temporanjament u kellhom jibdew fi żmien qasir? Jista' jgħid meta hu maħsub li jerġa’ jibda dan is-servizz bejn Malta u Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija qiegħda tistudja fuq kif inhu l-aħjar mezz li din isir.
B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 10029 u 11828, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-widien li kienu se jiġu mnaddfa u jiġu rijabilitati fis-sena 2019 li kienu Wied il-Għasri; Ta’ Kittina, Marsalforn u l-Wied tal-Grazzja ġewx imnaddfa u rijabilitati kollha kemm huma u jekk le x'inhuma r-raġunijet li ma ġewx imnaddfa u rijabilitati issa li qegħdin fl-aħħar ġranet tas-sena 2020? X'tenders għat-tindif ta' dawn il-widien diġà ħarġu u ġew awarded?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħiet għall-offerti għat-tindif tal-widien imsemmija ser ikunu jistgħu jitlestew meta jinkisbu l-permessi mill-ERA għat-tindif tal-widien li huma iffinanzjati minn fondi Ewropej. B’hekk is-sejħiet għall-offerti jkunu jistgħu jkopru tindif ta’ iktar minn wied wieħed.
Gozo Channel – flus lura lill-operaturi għal xiri bil-quddiem tal-biljetti
Question
In vista li operaturi lokali xtraw biljetti bil-quddiem tal-vapur għal Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Gozo Channel ma tridx tagħti l-flus lura bħalma għamlu kumpaniji mad-dinja kollha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija Gozo Channel infurmat lit-Tour Operators li l-ammonti ta’ biljetti li ma ġewx użati minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19, ser jerġgħu jingħataw lura lilhom meta dawn jinfurmaw lill-kumpanija Gozo Channel li ser jerġgħu jibdew joperaw JEW meta dawn jagħmlu t-talba tagħhom biex jinbiddlu l-biljetti li ma wżawx.
Jista’ l-Ministru jelenka l-faċilitajiet sportivi li hu ppjanat li ser ikunu jistgħu jiġu pprattikati fis-sit tal-Gozo Sports Complex meta jitlesta l-proġett li għaddej bħalissa? X’inhi l-istima tan-nefqa li se ssir fuq dawn il-faċilitajiet u mil-liema vot, ser issir din in-nefqa? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti approvati tal-faċilitajiet sportivi li qed isiru f’dan is-sit?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hekk kif jitlesta l-Kumpless Sportiv ser ikun jospita diversi dixxiplini sportivi fosthom l-għawm fiċ-Ċentru Akwatiku, basketball, squash, badminton, gymnastics, żfin, wall climbing, acrobatics, weightlifting, aerobics, yoga, martial arts, u dixxiplini oħra li jintlagħbu fuq ġewwa. Barra minhekk ser ikun hemm ukoll żewġ multi-purpose courts fuq barra.
Intant, il-pjanti diġà ġew ippubblikati mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jindika meta l-aħħar inbidel il-parquet fl-art tal-Gozo Sports Complex u kemm kienet l-ispiża totali sabiex sar dan ix-xogħol? X'sar mill-parquet li nqala' fix-xogħlijiet riċenti u x'inhu l-ħsieb li jsir minn dan il-parquet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-parquet inbidel fi Frar 2016 u ġie jiswa’ €59,994 (Vat Eskluż). Parti minn dan il-parquet ġie mogħti lill-Iskola Sir Mikelang Refalo biex jitpoġġa ġo sala li bħalissa qed tintuza’ mill-klijenti tal-Isport Complex għal aerobics, gymnastics, yoga u anke għal Sports on the Move. Parti minnu tpoġġa fil-korsa ta’ Xħajma fl-istand fejn ipoġġu bil-qegħda n-nies u li kien baqa’ ġie storjat fil-korsa ta’ Xħajma biex jintuża aktar ‘il quddiem skont fejn ikun hemm bżonn.
Ministeru għal Għawdex — ħaddiema li ħarġu bil-kwarantina
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16860, jista' l-Ministru jikkonferma li fil-Gozo Channel kien hemm persuna waħda infettata bil-Covid-19 u persuna waħda biss ħarġet bil-kwarantina? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm persuni infettati bil-Covid-19 u persuni li ħarġu bil-kwarantina li jaħdmu f'dipartimenti tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sad-data u l-ħin li ġiet imwieġba l-mistoqsija parlamentari numru 16860, fil-Gozo Channel kien hemm biss persuna waħda li ttestjat pożittiv għall-COVID-19 mill-1 ta’ Marzu 2020. Sussegwenti mill-mistoqsija parlamentari 16860 kien sar random swabbing lill-ħaddiema kollha u mill-aħħar testijiet li saru rriżulta li tlett ħaddiema - addizzjonali ma’ dak irrapurtat fil-mistoqsija parlamentari 16860 - instabu pożittivi għall-COVID-19. Dawn il-ħaddiema tpoġġew taħt kwarantina mandatorja. Barra minn hekk dawn il-każijiet ġew investigati mill-awtoritajiet tas-saħħa u sar il-contact tracing neċessarju, fejn ukoll tpoġġew f’kwarantina mandatorja numru ta’ ħaddiema li setgħa kellhom xi tip ta’ kuntatt ma’ dawn il-ħaddiema li nstabu pożittivi għall-COVID-19.