Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li jużaw is-servizz ta’ POYC

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li jużaw is-servizz tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li użaw is-servizz tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek sal-lum huwa ta’ 170,968.

Tqassim ta’ mediċina fi djar residenzjali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il mediċina twasslet fid-djar residenzjali bejn l-2013-2017 skont il-wegħda elettorali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema msemmija bdiet fl-2016. Fil fatt bejn l-2016 u l-aħħar t’April tal-2020 saru 1089 applikazzjoni minn pazjenti sabiex tittwaslilhom il-mediċina fid-djar tagħhom mill-Ispiżerija tal-Għażla Tagħhom. Dawn jirċievu l-mediċini tagħhom id-dar darba kull 8 ġimgħat. Barra minn hekk id-Dipartiment tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek introduċa wkoll l-iskema nazzjonali għat-tqassim ta’ mediċini meqjusa bħala goffi jew tqal, direttament fid-djar tal-pazjenti magħrufa bħala Free Delivery of Bulky Items To Patients Benefitting from the POYC Scheme. Sal-aħħar ta’ April tal-2020 dan id-Dipartiment wettaq 6253-il konsenja lil 986 pazjenti. B’hekk it-total ta’ persuni li jirċievu mediċini d-dar mingħajr ħlas huwa ta’ 2,075.

Ministeru għas-Saħħa — teleworking

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru talbiet għal teleworking minn ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u fi ħdan l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu min-nhar l-20 ta' Frar 2020 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' d-Deputat Prim Ministru jindika l-grad u l-kariga li jokkupa kull wieħed mill-imsemmija ħaddiema? Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttiva 13 tisħaq li, f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ COVID-19, xogħol li jista’ jsir remotament isir hekk. Din id-direttiva għadha fis-seħħ.

Persuni li ġew ċertifikati bħala persuni b’diżabilità severa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm ġew iċċertifikati persuni mid-dipartiment, bħala persuni b’diżabilità severa tul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għas-Saħħa – direct orders

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-parti tal-mistoqsija parlamentari 13614 fejn tlabtu l-valur/prezz ta’ kull direct order mill-1 ta’ Jannar 2020 peress li din il-parti tal-interpellanza ma ġietx imwieġba?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għas-Saħħa – direct orders

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 13614, jistax id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka l-isem ta’ kull persuna/ditta li ngħatat dawk id-direct orders mill-1 ta’ Jannar 2020?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuni/kumpaniji li taw is-servizzi tagħhom permezz tad-direct orders li ngħataw mid-dipartimenti u entita’ msemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 13614, huma 2i Ltd, 4S Dawn Clinical Software Ltd, A.M. Mangion Ltd, Alberta Fire and Security Ltd, Alfred Gera & Sons, ASC&S International Ltd, Associated Equipment Ltd, Audifon Ltd, Cabserv Ltd, Camray, Centro Animazzjoni u Komunikazzjoni, Charles De Giorgio Ltd, Cherubino Ltd, CLASI - Collaborative for Leadership in Ayres Sensory Integration, Copag IT, Copag S.p.A, Drugsales Ltd, EJ Busuttil Limited, Europharma Ltd, Eventi Ltd, Evolve Ltd, Healthmark, iProjects Ltd, Jet Call, Krypton Chemists Ltd, Magicine Pharma, Mall Systems Ltd, Malta University Holdings Ltd, Malta University Residence, Martin Galea, Martin Grima Ltd, Medical Air Technology Ltd Malta, Medilink, Medina Health Ltd, Miller & Miller (Chemicals) Ltd, Mr Bryan Wubbels DipSR, Mr Noel Beck, Multigas Ltd, Persona Ltd, Pharma MT Ltd, Pharmabart Ltd, Pharma-Cos Ltd, Porziuncola Retreat House, ProCare Ltd, Queen's Furniture Ltd, RB Pharma Ltd, Red Cross Ambulance Services, S Curmi & Sons Ltd, Sidroc Services Ltd, Sirtex Ltd, Suratek Ltd, Target Healthcare Ltd, Technoline Ltd, Tektraco Ltd, The Catering Centre, TrioMed Ltd, UK Neqas, Dr.Yousef Alyaqout, Fieldsports Ltd, General Cleaners, Joseph F. Spiteri Ltd, Mawdleys, OK Medical Ltd, Princling Holdings Ltd, Sophia Genetics, Prohealth Ltd, JV Pharma u Mekanika Ltd.

COVID-19 — Swabs

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jinforma lill-Parlament kemm hu t-total ta’ swabs b’relazzjoni mal-imxija tal-COVID-19 li saru f’Għawdex sal-jum li fih tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid kemm hi l-medja ta’ swabs li jsiru kuljum? Kemm hi l-medja taż-żmien biex joħroġ ir-riżultat ta’ dawn is-swabs u kif iqabbel din mal-medja ta’ swabs meħuda f’Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ewwel swab minn Għawdex ittieħed fit-3 ta’ Marzu ta’ din is-sena u minn dak inhar in-numru ta’ swabs żiedu bil-bosta u fl-aħħar xahar qed joqorbu l-mija kuljum. Għalhekk t-total ta’ swabs li ttieħdu mill-gżira Għawdxija sal-4 ta’ Mejju kien 2,021. Peress li dawn l-iswabs jinħadmu flimkien u bl-istess analyser tas-swabs li joriġinaw minn Malta, l-analiżi fil-laboratoju hija l-istess għaż-żewġ gżejjer. Ninfurmah ukoll illi il-kampjuni jiġu trasferiti regolarment matul il-ġurnata minn Għawdex għal Malta.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – xiri ta’ Bulk Oxygen Tanks

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew installati Bulk Oxygen Tanks minn Stewart Health Care jew mill-Gvern ġewwa l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista' jgħid fejn ġew installati dawn it-tankijiet u meta ġew installati? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża u min ħallas għal din l-ispiża? Kemm hi l-kapaċità ta' kull wieħed minn dawn it-tankijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi żewġ bulk oxygen cylinders b’kapaċita’ li tammonta għal total ta’ 13,000L ser ikunu installati sal-aħħar ta’ Mejju 2020. Dawn it-tankijiet ser jiġu installati biswit l-Oxygen plant eżistenti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Sptar Monte Karmeli – pazjenti ġodda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi pjanijiet hemm għal persuni bi bżonn ta’ kura mentali? L-Isptar Monte Karmeli ħa jiġi rranġat biex jibda jilqa’ pazjenti ġodda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa fl-isptar Monte Karmeli qed isir refurbishment qawwi fuq tlett iswali partikolari u daqt ser jiskatta xogħol fuq blokka oħra. Pazjenti bi bżonn ta’ kura ta’ saħħa mentali baqgħu jidħlu u jiġu aċċettati f’dan l-isptar skont l-esiġenzi. Ix-xoghljijet u l-iżviluppi li qed isiru, fl-ebda mod ma xekkel id-dħul ta’ pazjenti ġodda. Nfakkru ukoll illi dan il-Gvern nieda pjan ta’ strateġija nazzjonali għas-Saħħa Mentali fejn se jiffoka l-ħidma f’dan is-settur għall-għaxar snin li ġejjin. Fost oħrajn se jsiru tibdil strutturali, jingħata aktar servizzi, taħriġ u sapport kemm lill-pazjenti, u l-qraba, iżda wkoll il-ħaddiema involuti fis-settur.

Sptar Monte Karmeli – Forensic Unit — residenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni taħt sentenza u li huma residenti ġewwa l-Forensic Unit fl-Isptar Monte Karmeli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Stili ta’ ħajja sana – bord konsultattiv — membri

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min huma l-membri u lil liema entitajiet / dipartimenti huma jirrapreżentaw fil-Bord Konsultattiv, li twaqqaf grazzi għal-liġi li tresqet u li ġiet approvata mill-Parlament fl-2016 li titratta dwar stili ta' ħajja sana?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tabella t’hawn taħt. Name and Surname of Appointee Position on Board Representing Dr Charmaine Gauci Chairman N/A Mr Kevin Azzopardi Member Nominated by the Minister Responsible for Sports Dr Walter Busuttil Member Nominated by the Minister Responsible for Health Ms Dolores Gauci Member Nominated by the Minister Responsible for Education and Employment Ms Marisa Pisani Member Nominated by the Minister Responsible for Finance Ms Marisa Scerri Member Nominated by the Minister Responsible for the Family and Social Solidarity Mr Natalino Attard Member Nominated by the Minister Responsible for Local Government Dr Matthew Psaila Member Nominated by the Minister Responsible for Home Affairs Dr Karen Vincenti Secretary Public Health Consultant

Stili ta’ ħajja sana – bord konsultattiv — laqgħat

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat kollha tal-Bord Konsultattiv li saru sa mit-twaqqif tiegħu, liema Bord joħroġ mil-liġi approvata unanimament fil-Parlament f'Jannar 2016 liema liġi titratta l-istili ta' ħajja sana?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta ġie mwaqqaf dan il-Bord Konsultattiv dwar Stili ta’ Ħajja Sana u Mard li Ma Jitteħidx sal lum, iltaqa 30 darba u ddiskuta diversi materji.

Rabat Għawdex – ħlas ta’ kirja ta’ hotel

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-kirja tal-hotel fir-Rabat, Għawdex li fiha ttieħdu l-anzjani li kienu residenti f'Sant' Anna hux qed titħallas mill-Gvern jew inkella minn Steward Healthcare?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għas-Saħħa — kuntratti mogħtija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il kuntratt ingħata mill-Ministeru, aġenzija jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, sa mill-1 ta’ Marzu 2020? Jista’ jgħid lil min ingħata kull kuntratt, jindika l-iskop tiegħu, jekk ingħatax wara sejħa jew le, u l-valur tal-kuntratt?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tispeċifika għal-liema kuntratti qiegħda tirreferi.

Sejħa għall-nurses Indjani

Question

Fl-1 ta’ April ġurnalista tat-Times li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, irrapurtat hekk: “li kienu qed isiru sforzi biex jiġu ingaġġati nurses mill-Indja. In-nurses kellhom jinżammu l-ewwel erbatax-il jum kwarantina f’Malta u fl-istess żmien jirċievu t-taħriġ meħtieġ dwar il-COVID-19”. Dan il-proċess ta’ reklutaġġ eventwalment kellu jieqaf minħabba l-mod kif żviluppat il-pandemija. Għaldaqstant jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jirreferi għall-avviż/sejħa ta’ reklutaġġ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li deher f’media internazzjonali u anki fuq sezzjoni ta’ media lokali, u jgħid kellux x’jaqsam b’xi mod ma’ dan ir-reklutaġġ ta’ nurses Indjani u jekk iva jgħid kif kellu x’jaqsam?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għas-Saħħa ma kellu x’jaqsam xejn mal-avviż anness separatament.

Sptar Mater Dei — operazzjonijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei f’Marzu 2020 u April 2020 (sas-26 ta’ April 2020) kif ukoll kemm saru operazzjonijiet fl-istess perjodi fis-sena 2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li aktar kmieni din is-sena minħabba l-pandemija tal-Covid 19 ittieħdet id-deċiżjoni illi numru ta’ operazzjonijiet mhux urġenti jiġu posposti ħalli t-tobba u infermiera jiġu rilokati għall-ITU’s u l-A&E ġodda bħala parti mill-preparamenti tal-Covid. Għalhekk f’Marzu tal-2019 saru 4588 operazzjoni f’Mater Dei filwaqt li f’Marzu ta’ din is-sena saru 2815. F’April tal-2019 saru 4664 operazzjoni filwaqt li n-numru t’operazzjonijiet għal April ta’ din is-sena għadhom qed jinġabru.

Sptar Mater Dei – appuntamenti skedati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm appuntamenti skedati għal viżti fl-Isptar Mater Dei f’Marzu u April 2019 (sas-26 ta’ April 2019) u li fil-fatt inżammu u jgħid kemm kien hemm appuntamenti għal viżti fl-Isptar Mater Dei fl-istess perjodi fis-sena 2020 u li fil-fatt inżammu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Marsaskala – Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid għaliex f’Marsaskala, fejn hemm aktar minn 13,000 resident fix-xitwa m’għandhomx Ċentru tas-Saħħa meta jidher li hemm xi artijiet tal-Gvern fejn dan iċ-Ċentru jista’ jinbena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sa qabel ma kien hawn is-sitwazzjoni kurrenti tal-Covid 19 fejn kellhom saħansitra temporanjament jingħalqu l-bereġ, ir-residenti kienu qegħdin jingħataw servizzi mill-berġa tal-istess lokal.

Ministeru għas-Saħħa — użu ta' karozzi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12995, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fil-fatt kemm hemm karozzi li jintużaw mill-Ministeru għas-Saħħa inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Ministeru għas-Saħħa u fl-entitajiet u d-dipartimenti li jagħmlu parti mid-dekasteru tiegħu, bħalissa hemm 170 vettura li qed tintuża għal waqt il-qadi tad-dmirijiet. Minn dawn hemm 20 li huma vannijiet, trucks u minibuses (uħud li jinkludu tail lifts), tractor unit 1, 32 li huma ambulanzi, u 22 vettura oħra li bdew jintużaw matul il-pandemija tal-Covid-19.

Ministeru għas-Saħħa – konsulenzi/kuntratti minn kumpanija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatatx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn il-konsulenzi u/jew kuntratti? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv biex ingħataw l-imsemmija konsulenzi u/jew kuntratti u jagħti dettalji tal-ħlasijiet li saru lill-imsemmija kumpanija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2013 sal lum ma ngħata l-ebda konsulenza u/jew kuntratti mill-Ministeru għas-Saħħa u mill-entitajiet u d-dipartimenti li jagħmlu parti mid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija msemmija minnu separatment.