Għawdex — Nadur - Triq il-Qortin - sistema tad-drenaġġ
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31504, peress li fi Triq Qortin huma biss żewġ residenzi li qed jitbattlilhom id-drenaġġ b'xejn, jista' l-Ministru jgħid għaliex dan mhux qed isir għar-residenzi kollha fi Triq Qortin u jgħid ukoll meta se jsir ix-xogħol biex ir-residenzi jiġu komunikati mas-sistema tad-drenaġġ?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari numru 31969.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Family Friendly measures
Question
B’referenza għat-tweġiba li kien ta' xi xhur ilu għall-mistoqsija parlamentari 25673, jista' l-Ministru jagħti kif kien mitlub fiha, it-tweġiba għall-mistoqsija (b), jiġifieri l-breakdown ta’ kemm kienu (dakinhar li ta t-tweġiba) l-ħaddiema fid-dipartimenti li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kienu qegħdin jibbenefikaw minn dawk il-miżuri msemmijin f’(a) u dan qed jintalab għax huwa biss mill-Ministri ma kienx ta dan it-tagħrif mitlub?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-performance bonus li ngħata lill-Heads ta' ARMS Ltd wara li huwa kien iddikjara li se jingħatalhom dan, meta għamel iż-żjara fl-uffiċini tal-ARMS Ltd ġo Ħal-Luqa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma nħossx li huwa prudenti li wieħed jiżvela ammonti speċifiċi individwali. Ngħid iżda li l-performance bonus li ngħata lil Heads ta’ ARMS kien f’konformità stretta mal-kuntratti tagħhom.
Għal dettalji tal-kuntratti in kwistjoni l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi għal PQ 19365.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji bir-residenza tagħhom f’Malta u f’Għawdex separatament reġistrati fir-Reġistru tal-Kumpaniji fl-aħħar ta’ Ġunju u fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi fir Registru tal-Kumpaniji jirrizulta illi mill madwar 37,200 kumpaniji reġistrati u li huma effettivament fuq ir Registru (cioè mhux xolti jew struck off) huma 772 li għandhom l-indirizz reġistrat tagħhom sitwat ġewwa Għawdex. Ir-Registru tal-Kumpaniji m'għandux in-numru ta’ kemm kienu dawn il-kumpaniji fiż-żewġ dati msemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu full-time fis-settur tas-servizzi diretti ta’ intermedjazzjoni finanzjarja f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ Ġunju u fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm familji Maltin li ilhom ma jirċievu kont actual tad-dawl u l-ilma minn Mejju ta’ sena ilu? Kemm hemm familji mqabbdin s’issa mal-ismart meters? Kemm minnhom qegħdin jinqraw miċ-ċentru tal-ARMS Ltd b’mod remot? Kemm għad baqa' biex il-proċess li bih il-meters kollha jinqraw b’dan il-mod jitlesta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk skont il-pariri legali li ngħatawlu huwiex meħtieġ li, ai termini tal-Kap 304 tal-Liġijiet ta' Malta, l-ACTA jiġi approvat mill-Kamra tar-Rappreżentanti f'każ li l-Gvern ikun irid jirratifika dan it-Trattat jew inkella hijiex biżżejjed il-firma tal-Ministru konċernat biex isir mhux biss l-iffirmar imma anke r-ratifika tat-Trattat in esami? X'beħsiebu jagħmel il-Gvern dwar l-ACTA in vista tal-kritika qawwija u fil-fehma tal-interpellant ġustifikata li qamet mhux biss f'Malta imma mal-Ewropa kollha?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern m’għandux il-ħsieb li jressaq dan it-Trattat għar-ratifika. Malta m’għandha l-ebda obbligu li tirratifika dan it-trattat sakemm l-aħħar ħames Stati Membri (Ċipru, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Islovakja) ikunu ffirmaw t-Trattat u l-Parlament Ewropew ikun ta l-kunsens tiegħu. Barra minn hekk, nixtieq intenni u nafferma li l-Gvern se jiżgura illi bl-ebda mod ma jiġu aċċettati liġijiet jew trattati li jinpinġu fuq id-drittijiet tal-individwu fil-qasam digitali.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru matul is-sena 2011? Jista' jgħid ukoll b'liema mod sar kull ingaġġ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu proġettat id-deficit għal din is-sena 2012, skont il-budget? Kemm hu l-ammont ta' deficit li l-Unjoni Ewropea qiegħda titlob li nnaqqsu minn dak kif proġettat? Jista' jagħti d-dettalji ta' tnaqqis ta' dan l-ammont kif propost mill-gvern?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kif intqal fid-diskors tal-bagit għall-2012, id-deficit għal din is-sena huwa pproġettat li jkun ta’ 2.3%.
Il-Kummissjoni Ewropea m’hix titlob reviżjoni tad-deficit kif proġettat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess biex għal dak li jikkonċerna dawl f'postiijiet pubbliċi sseħħ id-devoluzzjoni totali lill-kunsill lokali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Bulebel Industrial Estate — ħsara magħmula minn kuntrattur
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se tissewwa l-ħsara li saret minn kuntrattur imqabbad mill-Malta Enterprise sabiex jagħmel xogħol f'Bulebel Industrial Estate u minħabba f'din il-ħsara għal xhur sħaħ is-servizz tad-dawl fit-toroq tal-Industrial Estate huwa maqtugħ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li jinħareġ il-kont tad-dawl u l-ilma ta' koppja, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, li ilhom ma jirċievu dawn il-kontijiet ix-xhur?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jara li jinħareġ kont tal-koppja anzjana, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, li ilhom ma jirċievu l-kont u kienu wkoll ilmentaw li kienu jiġuhom kontijiet għolja?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31506, 31153 u 30945 u jgħid x'riċerka saret biex isir użu ta' hazard waste li jkun qed jirriżulta mill-power station il-ġdida? Jekk fl-affermattiv, min ikkummissjona din ir-riċerka u kemm swiet?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari numru 31629.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li se tipproduċi hazard waste kull ġimgħa l-power station il-ġdida?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi meta tkun qed topera l-estensjoni tal-power station ġewwa Delimara, din se tkun qed tuża 0.7% sulphur fuel oil biex topera. Meta l-impjant ikun qieghed fully operational, dan se jkun qed jipproduċi 160m3 ta’ solid waste fil-gimgha li se jingabar f’1.4 containers kuljum. Dan kollu se jkun fil-limiti permessi mill-Unjoni Ewropea u skont l-IPPC permit tal-MEPA that l-IPPC Directive.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31509 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30416, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bi tweġiba to date abbażi ta' dak li jirriżulta bħala dejn globali?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dejn globali sal-aħħar ta’ Settembru 2011 kienet ta’ €4.47 biljun.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm intrapriżi f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ Ġunju u ta’ Diċembru 2011 li kienu qed iwettqu attività ta’:
a) innovazzjoni teknoloġika;
b) innovazzjoni mhix teknoloġika;
ċ) innovazzjoni sew teknoloġika kif ukoll innovazzjoni mhix teknoloġika?
Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont id-daqs ta’ kemm iħaddmu nies dawn l-intrapriżi?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi filwaqt li l-Malta Enterprise toffri għadd ta’ skemi lill-kumpaniji ta’ kull daqs biex tħeġġiġhom jkunu iktar innovattivi, l-istatistika miġbura tinkludi l-benefiċjarji u għaldaqstant ma tagħtix l-istampa kollha tal-attività innovattiva fil-pajjiż. Ta’ min jgħid li m’hemm l-ebda obbligu biex il-kumpaniji li jkunu qed iwettqu innovazzjoni fil-prodotti, servizzi jew proċessi tagħhom jinfurmaw lill-awtoritajiet dwar dan.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta’ investiment barrani f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ Diċembru 2010, fl-aħħar ta’ Ġunju u ta’ Diċembru 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra News Release 33/2012 li l-NSO ħarġet fis-16 ta’ Frar 2012.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kumpaniji bir-residenza tagħhom f’Malta u f’Għawdex ġew likwidati kull xahar matul l-2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi fir-Reġistru tal-Kumpaniji, ma jinżammux reġistri tal-kumpaniji separati għal Malta u għal Ghawdex, imma reġistru uniku kif tirrikjedi il-liġi. Ninsab infurmat ukoll illi ir-Registru tal-Kumpanniji ma jżommx l-istatistika dwar kemm kumpaniji li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom f’Għawdex ġew likwidati fl-2011.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm mergers ta’ kumpaniji reġistrati f’Għawdex fl-2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi fir-Reġistru tal-Kumpaniji, ma jinżammux reġistri tal-kumpaniji separati għal Malta u għal Għawdex, imma Reġistru uniku kif tirrikjedi il-liġi, u ma tinżammx statistika dwar mergers ta’ kumpaniji li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom f’Għawdex.