B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22492, jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu fondi Ewropej f’Għawdex s’issa kull sena mill-2004 ‘l hawn taħt: l-EAGGF Guarantee u l-Agricultural Fund for Rural Development ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi bejn is-sena 2004 u l-2010 saru diversi pagamenti ta’ fondi Ewropej lill-benefiċjarji Għawdxin. Mill-2004 sa l-2008 il-pagamenti ta’ fondi Ewropej tħallsu mill-European Agricultural Guidance and Guarantee Fund (EAGGF) biss. Filwaqt li mis-sena 2009, minbarra pagamenti mill-EAGGF saru ħlasijiet ta’ fondi Ewropej li kienu joriġinaw mill-European Agricultural Fund for Rural Development (EAFRD).
Parti mill-pagamenti huma iffinazjati totalment minn fondi Ewropej. Iżda hemm miżuri li hemm l-obbligu li jkunu ko-finanzjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tal-pajjiż. Għaldaqstant, fit-tabelli t’hawn taħt, il-ħlas lill-benefiċjarji Għawdxin jidher maqsum bejn fondi Ewropej u dawk Nazzjonali.
Fond: EAGGF
Sena
Fondi Ewropej
€
Fondi Nazzjonali
€
Total
€
2004
270,140.62
64,602.18
334,742.80
2005
1,037,209.66
913,475.66
1,950,685.32
2006
1,597,626.84
859,815.43
2,457,442.27
2007
2,466,724.23
1,461,396.01
3,928,120.24
2008
1,390,941.68
679,099.10
2,070,040.78
2009
1,313,339.19
192,242.09
1,505,581.28
2010
1,222,359.24
1,964.37
1,224,323.61
Fond: EAFRD
Sena
Fondi Ewropej
€
Fondi Nazzjonali
€
Total
€
2009
1,053,446.72
268,991.59
1,322,438.31
2010
3,458,698.01
1,113,364.33
4,572,062.34
L-Aġenzija għall-Pagamenti fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali hi
responsabbli għall-ħlasijiet imsemmija hawn fuq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kilometru ħitan fit-toroq saru bil-ġebel tas-sejjieħ lokalità, lokalità f'Malta u Għawdex mis-sena 2000?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ħafna mill-ħitan tas-sejjieħ li saru fit -toroq kienu proġetti ta' Transport Malta. Is-sezzjoni tal- P.A.R.K. għamlet dawn ix-xogħolijiet fil-
perjodu li qed jindika l-Onor Interpellant: Mellieħa, 2820 metru, Ħad-Dingli, 640 metru, Gharghur 1000 metru, Għajn Tuffieħa 1200 metru, San Ġwann 750 metru, Rabat Malta,
2000 metru, Ħal Far, 470 metru u l-Mosta 1500 metru.
Jista' l-Ministru jgħid xi studju hemm għaddej u x'inhu l-pjan tal-gvern biex ma jinħeliex l-ilma tax-xita? Kemm mill-ilma tax-xita jiġi reservat? Hemm pjanijiet għas-south? Jekk iva, x'inhuma?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa mill-perjodu bejn l-2007 u l-2008 kien sar MasterPlan dwar l-Storm Water u li serva bħala bażi li fuqu kontinwament saru żviluppi tal-pjanijiet biex kif indikat fl-stess pjan jkunu attwati numru ta’ mizuri biex kemm jista’ jkun possibbli u b’mod vijabli ma jinħeliex l-ilma tax-xita. Il-pjan tal-Gvern hu li fejn hu ekonomikament vijabli, kif ukoll ambjentalment aċċettabli, jsiru proġetti li jwasslu għal dan il-għan.
Barra minn dan il-Ministeru għandu għaddej program ta’ tindif u manutenzzjoni regolari ta’ riservi tal-ilma tax-xita u widien, kif ukoll ser jara li r-regolamenti tal-bini li jirrikjedu li kull-bini ġdid ikollu ħazna għal illma tax-xita li tkun infurzata meta jinħarġu l-permessi għal bini. Ma hux possibli li ngħidu kemm ilma tax-xita jiġi reservat għax barra minn riservi naturali u gibjuni li jappertjenu lil diversi entitajiet tal-Gvern, ħafna ilma tax-xita jiġi maħzun fi bjar privati.
Fir-rigward ta’ pjan għas-South, il-Ministeru qed jistudja l-possibilita li parti mill-ilma tax-xita li ser ikun miġbur fil-mina li ser tinbena għal kontra l-għarar bejn Ħaż-Żabbar u l-kosta li tagħti mix-Xgħajra għal Wied il-Għajn, ikun jinqabad biex jintuża għar-riġenerazzjoni tal-ilma tal-pjan jew għat-tisqijja.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema parti mill-proġett tal-għargħar fir-raba ta' Burmarrad hi mistennija titkompla din is-sena? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tax-xogħol li se jsir f'dan il-wied?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li għal din is-sena m'hemmx ippjanat xogħol fiż-żona li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna finanzjarja u ta' xorta oħra tingħata lil min irid jiżviluppa photovoltaic farm fil-gżejjer tagħna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-għajnuna finanzjarja li tingħata hi taħt forma ta' feed-in tariff li tkun stabbilita b’mod li tiggarantixxi return ġust fuq l-investiment li jkun qed isir. Apparti dan hemm kontemplati għajnuniet finanzjarji skont l-iskema taħt is-Support Schemes tal-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi.
Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd — permess għal xogħol privat ma' spiżerija tal-annimali
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-ispiżjar prinċipali li jaħdem fi ħdan id-Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd ingħatax permess skont il-Public Service Management Code sabiex jagħmel xogħol privat ma’ spiżerija ta’ animali lokali u jekk dan il-permess ingħata, meta effettivament ingħata dan il-permess? Jekk ma ngħatax dan il-permess, jista' jinfurmani għaliex u x’passi dixxiplinari ttieħdu jew se jittieħdu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ispiżjar Prinċipali li jaħdem fi ħdan id-Dipartiment tar-Regolazzjoni tal-Agrikoltura u Sajd qatt ma applika kemm ilu ma dan id-dipartiment biex jagħmel xogħol privat
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol li qed isir biex il-bankijiet tal-ġebel li hemm fi triq prinċipali li mix-Xemxija twassal sa Għajn Tuffieħa qed jinbidlu ftit ftit?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l--imsemmi xogħol sejjer jikompla minn nhar it-Tlieta li gej 15 ta’ Frar u huwa ppjanat li jitlesta sa l-aħħar ta’ Mejju li ġej.
Sejjer isir sforz biex dan ix-xogħol jitlesta mill-aktar fis possibli, iżda għad hemm ħafna bankijiet li jridu jsiru mill-ġdid.
manutenzjoni fuq ċint ħdejn il-Knisja tal-Isperanza
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun possibbli li jibda x-xogħol fuq manutenzjoni u restawr ta' ċint u taraġ li hemm fil-pont mal-Knisja tal-Isperanza fil-Mosta? Illum il-ġurnata l-periklu qed jiżdied għaliex ġebel li kien parti miċ-ċint qed jitwaqqa' fil-wied. Qed nagħmel din il-mistoqsija wara li għal diversi drabi għamilt mistoqsijiet fuq is-suġġett imsemmi u kull darba l-Ministru jirrispondi li dan ix-xogħol mitlub kien se jsir iżda sal-lum għadu ma sarx.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan ix-xogħol imsemmi qiegħed f’idejn il-kunsill lokali. Infatti jien infurmat li saret applikazzjoni mal-MEPA mill-kunsill lokali li ġġib id-data tat-8 ta’ Ottubru 2010.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru hux posibbli li joffri għajnuna jew post alternattiv li jista' jgħin sabiex tinstab soluzzjoni għal problema li tidher fl-ittra li qed tintbgħat separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li malli d-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Annimali kien infurmat bis-sitwazzjoni, uffiċjali ta’ dan id-Direttorat marru fuq il-post biex jaraw kif setgħu jgħinu mill-aħjar possibbli. Il-funzjoni ta’ dan id-Direttorat mhix waħda ta’ santwarju iżda flimkien mad-diriġenti ta’ dan is-swantwraju saru appelli fuq il-midja biex jinstab kenn għal dawn l-annimali. Numru sew minnhom diġa gew adottati.
Rigward it-talba għal-post minn fejn din l-NGO tista’ topera, dan il-Ministeru m’għandux la l-proprejata u l-anqas il-kompetenza li jalloka post simili. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi għas-sajd permezz ta' (a) Trawlers u (b) Long Line bejn 1 ta Jannar 2008 u 7 ta Frar 2011?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul il-perjodu mitlub imsemmi,.kien hemm disa' trawlers reġistrati u li minnhom kien hemm 2 li kienu replacement ta' bastimenti diġa' eżistenti. Kien hemm ukoll disa' u għoxrin reġistrazzjoni ta' bastimenti Longliners u li ħdax minnhom kienu wkoll replacements.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il santwarju tal-annimali hawn f'Malta u f'Għawdex? Fejn jinsabu u kemm għandhom kapaċita li jżommu annimali fihom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
F'Malta hawn 5 santwarji u hemm santwarju ieħor f' Għawdex. Kull santwarju jista’ jagħti kenn lill-ammont differenti ta’ klieb u qtates skont il-kapaċità tiegħu. L-Att tal-Ħarsien tal-Annimali joffri linji ta' gwida biex dawn l-annimali jinżammu fl-aħjar ambjent possibli .
Jista' l-Ministru jgħid kemm jagħti għajnuna l-Gvern lis-santwarji tal-annimali li hawn f'Malta u f'Għawdex? Dawn is-santwarji huma marbutin b'xi regolamenti li jridu jsegwu biex jingħataw din l-għajnuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-NGOs apparti li ingħataw għajnuna diretta mill-gvern gawdew minn numru ta’ inizjattivi bħal servizz bi ħlas imnaqqas fiċ-Ċentru San Franġisk u servizz ta ambulanzi. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ għajnuniet u inizjattivi li minnhom gawdew is-santwarji u l-NGOs.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux xi regolamenti li s-santwarji tal-annimali huma marbutin bihom għaliex jekk ma jzommux dawn l-istandards jitteħdilhom il-permess jekk għandhom? Jista' jgħid jekk isirux inspections biex jaraw li dawn l-istandards jinżammu u min imur biex jagħmel dawn l-inspections xi kwalifikazzjonijiet għandu biex jagħmel dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-Regolamenti dwar is-Santwarji tal-annimali se jkunu pubblikati dalwaqt. Il-provvedimenti kollha neċessarji huma nklużi fir-regolament u jiġu attwati hekk kif dan jidħol fis-seħħ. Madankollu, sadnittant uffiċjali mill-Animal Welfare xorta regolarment jagħmlu spezzjonijiet biex jiġi żgurat li dawn is-santwarji jinżammu f’kundizzjonijiet adegwati.
Rwol tal-Gvern biex jara li ma ssirx moħqrija fuq l-annimali
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'role għandu l-Gvern fil-pajjiż biex jara li ma ssirx moħqrija fuq l-annimali kollha li jinsabu f'Malta u f'Għawdex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rwol tal-gvern rigward il-moħqrija fuq l-annimali kollha li jinsabu f’Malta u Għawdex huwa defenit fl-Att dwar it-Trattament xieraq ta’ l-Annimali (Kap.439) tal-Liġijiet ta’ Malta. Barra dan ir-rwol regolatorju, il-gvern għandu wkoll servizzi li jindirizzaw it-trattament xieraq tal-annimali bħas-Servizz tal-Ambulanza u l-ftuħ taċ-Ċentru San Franġisk f’Ta’ Qali. Fl-2008, il-Gvern waqqaf id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u uffiċjali minn dan id-direttorat jagħmlu spezzjonijiet kontinwi fuq kundizzjonijiet ta’ annimali differenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk bediex ir-restawr tas-swar fil-Kottonera u l-Belt? Jekk iva, meta se jitlestew u kemm ingħataw flus mill-Unjoni Ewropea? Ħareġ xi flus il-gvern għal dan ir-restawr?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ma nistax nifhem kif l-Onor Interpellant għadu ma ndunax li beda r-restawr fil-Belt u l-Kottonera.Kif inhu evidenti minn ħafna scaffolding armat f'diversi partijiet ta' swar kemm fil-Belt kif ukoll ġewwa l-Kottonera, ir-restawr tas-swar jinsab għaddej b'ritmu tajjeb. Il-parti l-kbira tax-xogħol hu ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja, taħt il-programm tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) b'rata ta' ko-finanzjament ta' 85% tan-nefqa eliġibli, u ċioe €27.4 miljun . Dan il-programm jitlesta fl-2013 u jinkludi ukoll xogħlijiet fl-Imdina u ċ-Ċittadella. Il-gvern qed joħrog 15% tan-nefqa eligibli, flimkien mal-VAT u n-nefqa li mhijiex eligibli.
Barra minn dan ghaddej xogħol ieħor ta' restawr fuq is-swar fil-Belt u l-Kottonera, kemm minn ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan l-Ministeru tiegħi, kif ukoll minn kuntratturi privati wara ħruġ ta' sejħiet għall-offerti. Dawn qed ikunu finanzjati minnfondi tal-Gvern Ċentrali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħiseb li jsiru tisbiħ ta' roundabouts fis-south ta' Malta? Jekk iva, liema huma u meta se jibdew? Liema huma dawk li bħalissa qed isir tisbiħ fuqhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Fl-aħħar xhur tas-sena li għaddiet beda u tlesta x-xogħol ta' tisbiħ fir-roundabout ta' ħdejn l-MCAST f’Raħal Ġdid u l-by pass ta' Wied il-Għajn. Wasal biex jitlesta ukoll ix-xogħol fir-roundabout barra Santa Lucia. Saret applikazzjoni lil MEPA sabiex isir x-xogħol ta' tisbiħ fir-roundabout ta' Għajn Dwieli. Il-permess ġie approvat fil-ġranet li għaddew u qegħdin isiru tħejjijiet biex jidba x-xogħol. Barra minn dan ix-xogħol hemm ippjanati li jsir xogħol fil-junction ta' Bir-id-deheb, Triq Garibaldi u Triq il-Kunsill tal-Ewropa Luqa/Marsa.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu inizjattivi biex il-karta riċiklata tiġi b'xi mod inċentivata biex b'hekk inkabbru l-użu tal-karta riċiklata fuq il-karti normali, partikolarment meta wieħed iqis li l-karta riċiklata hi ferm u ferm ogħla mill-karta normali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Dan is-suġġeriment qed jiġi diskuss fl-ambitu ta’inizjattivi oħra f’dan il-qasam . Nittama li l-Onor Interpellant jifhem ukoll li l-flus għal sussidji ma jaqgħux mis-sema u li l-ħarsien tal-ambjent jitlob investiment kostanti nkluż f’impjanti ta’immaniġjar tal-iskart, fejn tispiċċa finalment ukoll il-karta riċiklata.
Wied li jwassal minn Għajn Rihana sas-Salina — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'xogħol hu mistenni li jsir fil-wied li minn Għajn Rihana jwassal sas-Salina, kif ukoll fil-parti tal-istess wied li twassal sat-triq li tgħaqqad Tarġa Gap mal-Bidnija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li ser isir xogħol ta’ tindif fl-inħawi msemmijja matul is-sajf li ġej.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22564 u jgħid fuq il-bazi li matul in-negozjati għad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern kien qal li l-qasam tal-ħalib kellu jingħata appoġġ finanzjarju €19.72 miljun sal-2010
(
http://www.meusac.gov.mt/Portals/FME/Documents/AGGSE16e_Agriculture.pdf
), jagħti rendikont, sena b' sena mill-2004 sal-2010 kemm tħallsu minn dawn il-flus u kif intużaw? Jista' jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jkompli jagħti għajnuna minn din is-sena 'il quddiem lis-settur tal-ħalib? Jekk iva, kemm se tkun din l-għajnuna, fuq kemm snin u kif se tingħata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-ħlas għas-settur tal-ħalib jammonta għal €22.6 m. Bejn is-sena 2004 u 2010, is-settur diġà tħallas is-somma ta’ €15,890,442.81 kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Barra minn hekk bejn l-2011 u l-2013 is-settur għandu jirċievi is-somma ta’ €6.7 miljuni. Din l-għajnuna ingħatat għar-ristrutturar tas-settur kif ukoll bħal income support. Tajjeb li jingħad li t-total imsemmi hawn fuq ma jinkludix l-għajnuna li ngħatat lir-raħħala taħt il-miżuri tal-Meeting Standards taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2004-2006 u li qegħdin jingħataw taħt il-Miżura 121 mill-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2007 – 2013 Dawn waħedhom jammontaw għal €8.44 miljuni oħra.