Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paul – infermiera – avvanz fil-karriera

Question

Jista’ l-Ministru jelabora ftit dwar x’qed isir biex l-infermiera li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul javvanzaw fil-karriera tagħhom u jkunu jistgħu joffru l-aħjar servizz fil-Qasam tal-Kura tal-Anzjani?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-infermiera li jaħdmu ġewwa ir-residenza San Vinċenz, jingħatalhom taħriġ kontinwu bħala parti minn programm ta’ lezzjonijiet li jsiru regolari kull nhar ta’ Ħadd, organizzati miċ-Ċentru ta’ Taħriġ ġewwa ir-Residenza. Barra minn hekk fuq livell terzjarju, l-infermiera ta’ San Vinċenz qed jiġu rrilaxxati minn fuq il-post tax-xogħol sabiex ikunu jistgħu jsegwu Kors ta’ Baċċellerat mill-Universita’ ta’ Malta, proprju fuq il-kura tal-Anzjani. L-infermiera ta’ San Vinċenz bħal l-infermiera kollha fis-settur pubbliku jkunu rrilaxxati biex jattendu Konferenzi li jkunu organizzati matul is-sena. Kif ukoll isegwu korsijiet tal-Universita` kemm fuq livell ta’ Baċċellerat fi speċjalitajiet vari tal-infermiera, kif ukoll fuq livell ta’ Masters.

Kalkulatur tal-kontribuzzjoni għad-dħul fid-Djar tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif jaħdem il-kalkulatur tal-kontribuzzjoni għad-dħul fid-Djar tal-Anzjani (EHAC)? Jista’ jgħid kemm kienu dawk li s’issa għamlu użu minn dan is-servizz online?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Kalkulatur tal-Kontribuzzjoni għal dħul f'Dar tal-Anzjani (EHAC), huwa għodda li tippermettilek iddaħħal informazzjoni li minnha tinħadimlek stima mhux uffiċjali, tal-kontribuzzjoni li għandha titħallas mir-resident. Il-kalkulatur juża l-informazzjoni li ddaħħal u ma jikkomparax din l-informazzjoni mal-kont attwali. In-numru ta’ persuni li għamlu użu minn dan is-servizz offrut onlajn minn Lulju 2017 sa issa kien ta’ 452.

Qasam Soċjali – miżuri ġodda — effetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’effett kellhom il-miżuri ġodda fil-qasam soċjali li ġew introdotti matul l-erba’ snin li għaddew? Jista’ jgħid x’impatt kien hemm fil-ġlieda kontra l-faqar, grazzi għal dawn il-miżuri?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m’huwiex faċli li wieħed jgħid x’effett kellhom il-miżuri soċjali ġodda imħabbra fl-aħħar snin. Dan għaliex l-effett tagħhom jista’ jinħass kemm fl-immedjat u kemm fit-tul ta’ żmien. Ċertament illi grazzi għat-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fl-impjiegi, bla preċedent u grazzi għal diversi miżuri li ddaħħlu, il-gvern irnexxielu jinċentiva x-xogħol u jnaqqas id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali waqt illi b’miżuri oħra ta’ sostenn finanzjarju u in-kind lill-faxex wiesa’ u diversi, tas-soċjeta` bħall-pensjonanti u anzjani, familji bi tfal, persuni b’diżabilta`, persuni barra mid-dinja tax-xogħol jew persuni li jaħdmu imma b’pagi baxxi, persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, persuni morda u persuni oħra vulnerabbli. Dan wassal biex il-poplu b’mod inġenerali qed jesperjenza kwalita` ta’ ħajja aħjar, żdiedu il-flus fil-but, it-tqassim tal-ġid qed jasal fil-faxex ta’ isfel ukoll u bla dubju naqas il-faqar.

Persuni li bbenefikaw mill-bonus tal-kontribuzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li bbenefikaw mill-bonus tal-kontribuzzjoni nieqsa matul is-sena 2016 u kemm kienet l-ispiża għall-istess sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li bbenefikaw mill-bonus tal-kontribuzzjonijiet nieqsa matul is-sena 2016 kien ta’ 12,763. L-ispiża kienet ta’ €1,879,469.67

Persuni li bbenefikaw mill-benefiċċju tal-qagħad

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fuq il-benefiċċju tal-qagħad fl-aħħar ta’ Marzu 2013 u fl-aħħar ta’ Ġunju 2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif ġej ; Tip ta’ Benefiċċji Marzu 2013 Ġunju 2017 Għajnuna għall-Qgħad (UA) 4,348 1,067 Benefiċċu għal Diżimpjieg (UB) 743 215 Benefiċċju Speċjali għal Diżimpjieg (SUB) 229 31 Total 5,320 1,313

Persuni li bbenefikaw mill-In Work Benefit u tapering of benefits

Question

Wara l-introduzzjoni tat-tapering of benefits u tal-In-Work Benefit, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ persuni li qed jibbenefikaw minn dawn il-benefiċċji u kemm hija l-ispiża?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li qed jibbenefikaw mit-Tapering of Benefits (UAT) huwa ta’ 2,559 u l-ispiża skont l-aħħar pagament illi sar fit-23 ta’ Settembru, 2017 kienet ta’ €444,061.24. In-numru ta’ persuni li qed jibbenfikaw mill-In-Work Benefit (IWB) huwa ta’ 2,360 u l-ispiża tal-aħħar pagament illi sar fis-7 ta’ Ottubru, 2017 kienet ta’ €215,565.70.

Anzjani li bbenefikaw mill-għotja għall-anzjani ta’ €300

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ anzjani li matul is-sena 2016 ibbenefikaw mill-għotja għall-anzjani ta’ €300? Jista’ jinforma kemm kienet l-ispiża għall-imsemmi perjodu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2016, kien hemm 29,623 persuna li bbenefikaw mill-għotja tal-anzjani ta’ €300. L-ispiża kienet ta’ €8,580,972.85. Inżid ngħid illi din l-għotja, fl-ewwel sena titħallas pro-rata minn mindu l-anzjan jew anzjana jagħlqu l-eta` ta’ 75 sena.

Persuni fuq l-għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ persuni fuq l-għajnuna soċjali sena b’sena mill-2013 sal-2016 u kemm kienet l-ispiża sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija skont it-tabelli kif ġej : Benefiċċji 2013 Persuni Ammont (€) Għajnuna Soċjali (SA) 9,235 32,645,458.43 Għajnuna Soċjali (SAF) 348 1,123,183.12 Għajnuna Soċjali (SUP) 3,469 17,497,336.56 Total 13,052 5,265,978.1 Benefiċċji 2014 Persuni Ammont (€) Għajnuna Soċjali (SA) 9,968 31,694,989.01 Għajnuna Soċjali (SAF) 356 1,166,934.68 Għajnuna Soċjali (SUP) 3,556 18,081,230.36 Total 13,880 50,943,154.05 Benefiċċji 2015 Persuni Ammont (€) Għajnuna Soċjali (SA) 6,968 28,541,616.26 Għajnuna Soċjali (SAF) 332 1,119,931.69 Għajnuna Soċjali (SUP) 4,006 16,167,411.26 Total 11,306 45,828,959.21 Benefiċċji 2016 Persuni Ammont (€) Għajnuna Soċjali (SA) 6,290 27,970,779.40 Għajnuna Soċjali (SAF) 309 1,086,633.64 Għajnuna Soċjali (SUP) 3,478 14,779,778.51 Total 10,077 43,837,191.55 Tajjeb li ngħid illi l-informazzjoni kif mitluba hija ibbażata fuq numru ta’ benefiċċji li jfisser li jekk persuna tkun għal xi żmien waqfet tieħu l-benefiċċji u terġa tibda matul sena partikolari, fl-istatistika se tgħodd aktar minn darba (kemm il-darba tieqaf u terġa tibda). Fil-fatt in-numru ta’ persuni li fl-aħħar ta’ Settembru 2017 kienu qed jirċievu xi wieħed mill-benefiċċji imsemmija (ħlief l-SAF li issa saret Allowance għal Carer) kien ta’ 8,710.

Nadur Għawdex — Triq it-Tiġrija - Użu ta’ dar u art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ftehim iffirmat bejn il-Ministeru tiegħu u d-Djoċesi ta’ Għawdex dwar l-użu ta’ dar u art magħha fi Triq it-Tiġrija fin-Nadur Għawdex? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-ftehim?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m’hemm l-ebda ftehim iffirmat bejn il-Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali u d-Djoċesi ta’ Għawdex.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — konsulenzi minn persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fil-perjodu msemmi ma kienx ingħata xogħol jew konsulenzi legali, la mill-persuna u l-anqas mid-ditta legali msemmija.

Qasam tas-Sigurtà Soċjali – miżuri ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-miżuri ġodda fil-qasam tas-Sigurtà Soċjali li ġew introdotti fil-baġits ta’ Gvern Laburista sena b’sena, mill-2013 sal-2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista dettaljata tal-miżuri ġodda fil-qasam tas-Sigurtà Soċjali li kienu introdotti mis-sena 2013 sal-2017.

Ex ħaddiema tal-Korpi — somma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-somma lill-ex-ħaddiema tal-Korpi, fosthom Dirgħajn il-Maltin, kenitx marbuta ma' applikazzjoni? Dawk il-ħaddiema li ma kenux konxji tal-applikazzjoni, mhumiex se jingħataw il-kumpens bħall-kollegi tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskema li qed issir referenza għaliha, kienet immirata għal ex-ħaddiema tal-Korpi. Din kienet miftuħa u setgħu japplikaw għaliha permezz ta’ applikazzjoni. L-iskema flimkien mal-applikazzjoni ġew ippublikati fil-Gazzetta tal-Gvern, nhar it-2 ta’ Mejju 2017. Saret anke` konferenza tal-aħbarijiet ftit jiem qabel il-publikazzjoni tal-iskema. Barra minn hekk, uffiċċjali mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali tkellmu u spjegaw l-iskema u x’kien hemm bżonn biex wieħed japplika f’interventi kontinwi fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju, kif ukoll ġiet ippubliċizzata fl-aħbarijiet lokali għal informazzjoni tal-pubbliku. Kopja tal-applikazzjoni setgħet tinkiseb mill-uffiċċji distrettwali madwar Malta u Għawdex, kif ukoll aċċessibli online mis-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali. Minħabba domanda qawwija għal-iskema, fid-19 ta’ Mejju 2017 ġie iġġubikat avviż ieħor fil-Gazzetta tal-Gvern u fuq il-Media Lokali, fejn kien ġie mgħarraf li d-data tal-għeluq ġiet estiża mid-9 ta’ Ġunju għat-28 ta’ Lulju 2017. Dan it-tagħrif kien dejjem disponibbli għal pubbliku permezz tal-media lokali. Nixtieq ninforma lill-interpellant li jekk kien hemm x’uħud li ma laħqux applikaw ser ikollhom l-opportunita’ li japplikaw meta sejħiet simili jinħarġu fil-futur u jekk ikunu eliġibbli jirċievu b’lura l-ħlasijiet dovuti lilhom għal din is-sena.

Awtorità tad-Djar – applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ applikazzjonijiet li għandha fil-preżent l-Awtorità tad-Djar ta' nies li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali? Minn din il-lista, jista' jgħid mil-liema lokalità f’Malta u f’Għawdex ġejjin dawn l-applikazzjonijiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif muri fit-tabella t’hawn taħt: Lokalita' minn fejn qed japplikaw l-klijenti Total Attard 25 Balzan 23 Birkirkara 186 Birzebbuġia 119 Burmarrad 01 Cospicua 143 Dingli 07 Fgura 88 Floriana 45 Fontana Għawdex 03 Għajnsielem Għawdex 05 Għargħur 15 Għaxaq 19 G'Mangia 02 Gudja 12 G¿ira 91 Ħamrun 148 Iklin 08 Kalkara 21 Kappara 01 Kerċem Għawdex 02 Kirkop 16 Lija 04 Luqa 29 Marsa 89 Marsalforn Għawdex 08 Marsaxlokk 11 Mdina 02 Mellieħa 24 Mġarr 12 Mosta 92 Mqabba 10 Msida 87 Mtarfa 15 Munxar Għawdex 04 Nadur Għawdex 06 Naxxar 49 Paceville 01 Paola 135 Pembroke 15 Pieta' 51 Qala Għawdex 04 Qormi 130 Qrendi 20 Rabat 48 Rabat Għawdex 12 Safi 24 San Ġwann 88 San Lawrenz Għawdex 01 Sannat Għawdex 05 Senglea 74 Siġġiewi 36 Sliema 69 San Ġiljan 41 San Pawl il-Baħar 221 Santa Luċija 28 Santa Venera 63 Swieqi 09 Ta' Xbiex 10 Tarxien 60 Valletta 162 Vittoriosa 42 Wied il-Għajn 119 Xagħra Għawdex 03 Xewkija Għawdex 02 Xgħajra 28 Zabbar 96 Zebbuġ 71 Zebbuġ Għawdex 08 Zejtun 63 Zurrieq 51 3212

Awtorità tad-Djar – proġetti u xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġetti u x-xogħol li qed tagħmel l-Awtorità tad-Djar biex ittaffi l-problemi ta' housing u tinqata’ l-lista ta' stennija li hemm, darba għal dejjem?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorita’ tad-Djar tinsab għaddeja b’ħidma fuq 16-il sit f’lokalitajiet diversi madwar Malta sabiex tibni ‘l fuq minn 680 appartament ġdid. Ix-xogħlijiet f’dawn is-siti jinsabu fi stadju ta’ skavar u huwa mistenni li dawn ikunu lesti bejn sentejn u tliet snin oħra. Din hija biss mizura waħda minn bosta biex il-lista ta’ stennija titnaqqas b’mod drastiku. Mizuri oħra skemi ġodda fejn b’arranġamenti mal-banek kummerċjali jgħinu aktar ċittadini jsiru sidien ta’ darhom u b’hekk ma jibqgħux fuq il-lista ta’ stennija. Għaddejja wkoll skema biex l-Awtorita’ izzid l-istokk ta’ units għal skop ta’ housing soċjali, u fil-futur qrib ser toħroġ skema oħra ġdida fejn tħajjar sidien ta’ residenzi mhux uzati biex dawn jiġu rranġati u jinkrew għal skop ta’ housing soċjali. Barra minn hekk, tħabbru mi¿uri oħra fil-Baġit li għadda li d-dettalji dwarhom se jkunu qed jitħabbru dalwaqt.

Ministeru għall-Familja, Drittijeit tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — transfers ta' ħaddiema

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 118 jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni għall-perjodu bejn is-6 ta’ Ġunju 2017 u t-12 ta’ Ġunju 2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu msemmi saru 5 trasferimenti.

Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – persuni li jagħmlu użu mis-servizz ta’ Handyman

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kienu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizz tal-Handyman fil-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, sena b'sena u lokalità b'lokalità minn Jannar 2011 sa Settembru 2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, d-Dipartiment għall-Anzjanita’ Attiva u Kura fil-Komunita’ m’għandux informazzjoni kif mitlub, mqassma skont l-lokalitajiet sas-sena 2014. L-informazzjoni mitluba minnu mis-sena 2015 sas-sena 2017 hija kif ġej: NAXXAR SAN PAWL IL-BAĦAR MELLIEĦA 2015 6 43 7 2016 16 74 4 2017 19 66 3

Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – persuni li jagħmlu użu mis-servizz ta’ Home Help

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kienu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizz tal-Home Help fil-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, sena b'sena u lokalità b'lokalità minn Jannar 2011 sa Settembru 2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, n-numru ta’ persuni (households) li kienu qed jirċievu s-servizz ta’ Għajnuna fid-Dar (Home Help Service), fil-lokalitajiet u fis-snin indikati huwa kif ġej: Naxxar San Pawl il-Baħar Mellieħa 2011 44 22 22 2012 48 25 28 2013 50 33 36 2014 56 35 44 2015 62 39 50 2016 64 39 50 2017 (sa Settembru) 68 38 51

Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – persuni li jagħmlu użu mis-servizz ta’ Telecare

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kienu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecarefil-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, sena b'sena u lokalità b'lokalità minn Jannar 2011 sa Settembru 2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, n-numru ta’ persuni li kienu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare fil-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar, sena b’sena u lokalita’ b’lokalita’ minn Jannar 2011 sa Settembru 2017 huwa kif muri fit-tabella t’hawn taħt: Lokalita 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 Mellieħa 121 126 122 122 136 138 136 Naxxar 140 147 139 138 135 133 133 San Pawl il-Baħar 252 259 240 244 249 251 242

Każijiet ta’ frodi mill-benefiċċji soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta’ frodi mill-benefiċċji soċjali fis-sena 2016? Kemm minn dawn il-każi nstab li kienu tassew qed iqarrqu bid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali? Jista’ l-Ministru jagħti stima ta’ kemm ġew iffrankati flus b’dawn l-investigazzjonijiet li saru matul is-sena 2016?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul is-sena 2016, id-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji irċieva 650 rapport ta’ każijiet fejn kien allegat abbuż mill-benefiċċji soċjali. Minn dawn il-każijiet, id-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji irakkomanda lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali 330 każ illi nstab li kienu bi ksur tal-provvedimenti tal-Att sabiex jiġu sospiżi jew riveduti skont il-każ. Mill-informazzjoni li d-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji rċieva jew ġabar mingħand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fuq dawn l-każijiet u fuq każijiet oħra, huwa stmat li matul is-sena 2016 ġew iffrankati €4,020,309.