Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – reklamar fuq Facebook — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità u Dipartiment fi ħdan l-istess Ministeru, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-3 ta' Ġunju 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-nefqa f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, inkluż kull entità u Dipartiment fi ħdan l-istess Ministeru, matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-3 ta’ Ġunju 2017 ammontat għal €1,978.50.

First Qormi Scout Group – art jew proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministru jikkonsidrax li jgħaddi biċċa art jew proprjetà oħra f’Ħal Qormi lill-First Qormi Scout Group li jilqa’ fih numru sabiħ ta’ żgħażagħ u li llum m’għandhomxx post għalihom fejn jiltaqgħu bla xkiel? Jista’ l-Ministru jikkonsidra li jgħaddilhom art li għadha ma’ ġietx żviluppata fil-Qormi Outdoor Sports & Fitness Park li hemm bejn Triq l-Imdina u Triq Manoel Dimech f’Ħal Qormi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi SportMalta qiegħed fi stadju avvanzat ħafna fil-proċess li jgħaddi l-art imsemmija, wara li fuq talba tagħhom stess, ġie kkunsidrat tali trasferiment. SportMalta laħaq qbil mal-Assoċjazzjoni tal-Iscouts li flimkien mal-First Qormi Scout Group se jkun qed jiffirma kuntratt meta dan jiġi approvat mill-Parlament fiż-żmien li ġej. Il-kuntratt ġie abbozzat u qiegħed jiġi finalizzat biex jitpoġġa għall-konsiderazzjoni tal-Kabinett, wara li d-deċiżjoni ġiet ukoll approvata mill-Bord tad-Diretturi.

Reġistru tax-Xogħol – persuni li nqatgħu minn Part 1

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet u jgħid liema kienu l-persuni li nqatgħu minn fuq ir-reġistru tax-xogħol fil-Part 1 għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016? Jekk ir-raġuni hija dwar abbużi, jista’ l-Ministru jgħid fiex kienu

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif dwar kemm inqatgħu persuni minn fuq l-ewwel parti tar-reġistru sena b’sena mill-2013 sal-2016 huwa kif muri fit-tabella t’hawn taħt. It-tabella turi wkoll xꞌkienu r-raġunijiet tal-abbużi (ara l-parti mmarkata b’żewġ asteriski **). Persuni li Nqatgħu mir-Reġistru 2013 2014 2015 2016 Sabu xogħol 6,079 7,439 5,973 4,947 M’għadhomx interessati li jaħdmu 29 37 32 85 Mhux eliġibbli li jirreġistraw 50 60 147 225 Laħqu l-età tal-irtirar 12 42 47 54 Ġew referuti lis-Sigurtà Soċjali 72 69 50 174 Waqfu jirreġistraw minn jeddhom 11,691 10,922 7,163 3,700 Maqtugħa mir-reġistru għax instabu jaħdmu u jirreġistraw, irrifjutaw opportunità ta’ xogħol u taħriġ** 250 525 990 969 Kienu maqtugħa imma rebħu l-appell wara 18 7 3 3 Mietu 1 2 Total 18,201 19,101 14,406 10,159

Jobsplus – estimi finanzjarji — Allowances

Question

B’referenza għan-nota numru 1 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017, jista’ l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-ispiża attwali għas-sena 2016 bħala allowances għall-ammont ta’ €258,341? lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kollha rigward l-ispiża attwali għas-sena 2016 bħala allowances għall-ammont ta’ €258,341 tinsab fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Jobsplus – estimi finanzjarji — Qualification Recognition

Question

B’referenza għan-nota numru 2 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kwalifiki li ġew rikonoxxuti u minn liema entità sar ir-rikonoxximent għall-ispiża attwali tas-sena 2016 bħala Qualification Recognition għall-ammont ta’ €45,699?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-2016, 101 impjegat ta’ Jobsplus kienu eliġibbli għal qualification allowance skont il-ftehim kollettiv (klawżola numru 4), kif muri hawn taħt: Doctorate 1 Masters Degree 31 Degree 29 University Diploma 40 Sabiex impjegat ikun eliġibbli għal qualification allowance, il-kwalifika trid tkun rikonoxxuta min-National Commission for Further and Higher Education (NCFHE), jew maħruġa mill-Università ta’ Malta jew mill-MCAST.

Jobsplus – Estimi Finanzjarji — Staff - Course Fees Local

Question

B’referenza għan-nota numru 2 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017 u partikolarment għall-infiq bit-titolu Staff - Course Fees Local għall-ammont ta’ €26,539 bħala spiża attwali għas-sena 2016, jista’ l-Ministru jgħid jekk tali taħriġ kienx organizzat inhouse jew kienx outsourced? Jekk dan it-taħriġ kien outsourced, jista’ l-Ministru jgħid ukoll min ta dan it-taħriġ u l-proċedura li biha ntagħżel dan it-training provider, inkluż ukoll x’tip ta’ taħriġ ingħata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat minn Jobsplus li t-tip ta’ taħriġ li sar hu kif ġej: Sales and marketing Accounting, Finance, Management and Administration and Office work Personal development and working life Computer science and computer use Environment protection and Occupational health and safety Other training subjects It- taħriġ għas-sena 2016 kien parti inhouse, li ammonta għal €567 u parti outsourced, li ammonta għal €25,972. It-taħriġ outsourced ġie pprovdut minn: 1) Universita’ ta’ Malta għal korsijiet speċjalizzati, li ammontaw għal €8,003; 2) Istitut Ewropew għall-Amministrazzjoni Pubblika fir-rigward tal-iskemi ta‘ Fondi tal-UE, li ammontaw għal €5,338; 3) Istituti professjonali oħra fir-rigward ta’ taħriġ ieħor li b’kollox ammontaw għal €12,631.

Jobsplus – Estimi Finanzjarji — Car Cash Benefits

Question

B’referenza għan-nota numru 3 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017 u partikolarment għall-infiq bit-titolu Car Cash Benefits għall-ammont ta’ € 87,700 bħala spiża attwali għas-sena 2016, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu dawn il-benefiċċji, min jirċevihom u f’liema ammonti ġew riċevuti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-benefiċċju tal-karozza jirreferi għall-Car Cash Benefit li jitħallas lill-impjegati skont kif inhu stabbilit f’Taqsima 5.4 tal-Ftehim Kollettiv, li tgħid li impjegati ddettaljati biex jaħdmu f’fergħat ta’ Jobsplus jitħallsu benefiċċju fi flus biex ikopru l-ispejjeż tal-ivvjaġġar kemm-il darba dawn iridu jużaw aktar minn żewġ rotot pubbliċi minn u lejn ix-xogħol; kif ukoll il-kuntratti tal-Management li jiddikjaraw li l-membri tal-Management għandhom l-għażla jew għal karozza mħallsa mill-Korporazzjoni jew għal allowance talli jużaw il-karozza personali tagħhom.

Jobsplus – Estimi Finanzjarji — Staff Welfare

Question

B’referenza għan-nota numru 10 tal-Estimi Finanzjarji ta’ Jobsplus għas-sena 2017 u partikolarment għall-infiq bit-titolu Staff Welfare għall-ammont ta’ € 21,034 bħala spiża attwali għas-sena 2016, jista’ l-Ministru jgħid għalxiex intuża dan l-ammont?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iStaff Welfare, li ammonta għal €21,034 bħala spiża attwali għas-sena 2016, tirreferi għal refreshments għal laqgħat tal-bord, laqgħat oħra interni kif ukoll ma’ stakeholders, provvista tal-ilma għall-friegħi ta' Jobsplus, te u kafè għall-uffiċini u donazzjonijiet lill-iSportsplus Sports and Social Committee għall-attivitajiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ Corporate Social Responsibility.

Lista tal-qgħad — persuni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' persuni fil-lista tal-qgħad mill-2011 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll f'liema oqsma l-iktar li sabu impiegi dawk il-persuni li kienu fir-reġistru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru, xahar b’xahar mill-2011 sa Mejju 2017, hu kif muri fit-tabella hawn taħt: 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 Jannar 6,797 6,714 7,237 7,789 6,384 4,710 2,889 Frar 6,960 6,921 7,279 7,753 6,190 4,511 2,766 Marzu 6,662 6,966 7,350 7,644 5,894 4,033 2,649 April 6,585 6,773 7,176 7,291 5,568 3,751 2,577 Mejju 6,366 6,698 7,292 7,141 5,333 3,511 2,502 Ġunju 6,212 6,697 7,279 6,751 5,209 3,441 Lulju 6,510 6,664 7,298 6,834 5,062 3,360 Awwissu 6,465 6,821 7,457 6,698 4,914 3,261 Settembru 6,554 6,869 7,619 6,599 4,924 3,207 Ottubru 6,538 7,013 7,594 6,596 4,916 3,166 Novembru 6,592 7,098 7,639 6,501 4,760 3,021 Diċembru 6,587 6,811 7,401 6,287 4,615 2,912 Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-oqsma tal-impjiegi ta’ dawk il-persuni li kienu fuq ir-reġistru tal-qgħad u sabu xogħol. Din l-informazzjoni hi meħuda skont il-formoli tal-bidu u t-tmiem tal-impjieg li tirċievi l-Jobsplus.

Nisa fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' nisa li kienu fid-dinja tax-xogħol mill-2011 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll f'liema oqsma l-iktar li sabu impiegi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus in-numru ta’ nisa li kienu jaħdmu Full-Time u Part-Time biss fl-aħħar ta’ Diċembru tas-snin mill-2011 sal-2016 hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tabella turi f’liema oqsma kienu dawn l-impiegi u turi wkoll li n-numru ta' nisa fid-dinja tax-xogħol żdied bi 32% f'dawn is-snin.

Persuni li gawdew minn revision classes

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji ta' kemm kienu l-persuni li gawdew minn revision classes? Minn mindu ġew introdotti, jista’ jgħid liema suġġetti ġew magħżula? Jista’ jagħti wkoll rendikont tal-ħidma għal dan is-sajf?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li 2,097 student gawdew mill-inizjattiva ta’ revision classes b’xejn fil-Matematika, Ingliż, Fiżika u Malti matul dawn l-aħħar tliet snin. Dawn il-klassijiet ser jerġgħu jiġu offruti din is-sena fis-suġġetti msemmija, u għall-ewwel darba ser ikunu qed jingħataw klassijiet ta’ reviżjoni b’xejn anke fil-Bijoloġija. Il-klassijiet isiru fuq medda ta’ ħames ġimgħat, mill-aħħar ta’ Lulju sa l-aħħar t’Awwissu, u bħas-snin ta’ qabel huma eliġibbli studenti li jġibu 6, 7, U jew ġew immarkati assenti fl-eżamijiet ta’ Mejju ta’ Livell Ordinarju/SEC. L-applikazzjoni onlajn tkun disponibbli hekk kif jiġu ppubblikati r-riżultati tal-eżamijiet ta’ Mejju mill-MATSEC u l-istudenti jingħataw ukoll past papers ta’ dawn l-aħħar ħames snin b’xejn.

Il-proġett tat-tablets

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-progett tat-tablets u kif inhu ppjanat li jkompli jitwettaq? Jista’ jagħti tagħrif dwar l-ammont ta' investiment li ntefaq f'dan il-proġett s'issa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li fil-fażi ta’ implimentazzjoni nazzjonali, f’Diċembru 2016 beda t-tqassim tat-tablets lit-tfal kollha tar-raba’ sena li jattendu l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti. F’Settembru 2016, l-għalliema u LSAs tar-Raba’ Sena attendew taħrig fuq din l-għodda edukattiva. Bejn Settembru 2016 sal-ġranet meta t-tfal bdew jirċievu t-tablet, l-għalliema komplew jiġu megħjuna biex jużaw it-tablet waqt it-tagħlim ta’ diversi suġġetti. Kien hemm taħriġ addizzjonali għall-għalliema kumplimentari u anke taħriġ onlajn. Minn Jannar sa Ġunju 2017, l-għalliema u LSAs komplew jingħataw għajnuna u taħriġ minn għalliema speċjalizzati fi ħdan id-Direttorat tal-Litteriżmu Diġitali, fejn ġew identifikati lezzjonijiet li fihom it-tablet intużat bħala għodda biex jintlaħqu l-għanijiet kurrikulari. Matul il-bidu tal-programm jiġifieri f’Novembru 2016, u li tkompla f’Jannar u Frar 2017, saru diversi laqgħat għal ġenituri biex ikunu infurmati fuq din l-għodda u jaraw kif għandhom jgħinu lil uliedhom jużaw it-tablet sew. Saru laqgħat kemm fil-format ta’ lectures kif ukoll oħrajn fejn il-ġenituri attendew il-lezzjoni flimkien mat-tfal tagħhom fil-klassi. Matul ix-xhur ta’ bejn Frar u Mejju 2017 ġew identifikati l-għalliema u LSAs kollha tal-Ħames Sena mill-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. Dawn ġew imsejħa biex jattendu għat-tieni sensiela ta’ taħriġ indirizzat għal dawn l-edukaturi li ser ikunu qed jaħdmu b’din l-għodda mis-sena skolastika li jmiss. It-taħriġ li seħħ f’ħames postijiet, inkluż f’Għawdex, saru fis-7, 10 u 11 ta’ Lulju 2017. Madwar 500 edukatur attendew għal dan it-taħriġ u ngħataw t-tablet. Huwa maħsub li bejn Settembru u Ottubru 2017 jibda l-proċess li jingħataw it-tablet it-tfal kollha tar-raba’ sena għas-sena skolastika 2017/2018. Dan ifisser li jkun beda t-tieni ċiklu liema ċiklu jerġa’ jirrepeti ruħu fit-tielet sena. Bdiet l-evalwazzjoni tal-ewwel ftit xhur u l-monitoraġġ ta’ kif intuża t-tablet mit-tfal. Ġie iffirmat ftehim mal-Università ta’ Malta biex jintuża t-tablet li qed jitqassam lill-għalliema u studenti sabiex l-Università jkollha sett ta’ tablets li tista’ tħarreġ lill-għalliema-studenti fil-Fakultà tal-Edukazzjoni. Tfassal ukoll programm ta’ taħriġ li se jagħtuh għalliema speċjalizzati mid-Direttorat tal-Litteriżmu Diġitali. L-ammont ta’ investiment li ntefaq f’dan il-proġett s’issa huwa ta’ €4,864,148.21 (jinkludi VAT).

Studenti li attendew għal lezzjonijiet tas-sajf biex jagħmlu resists tas-Sec

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm kien in-numru ta' studenti li temmew l-iskola sekondarja u li kienu jattendu għal-lezzjonijiet matul is-sajf biex f'Settembru li għadda għamlu r-resits tal-eżamijiet tas-Sec?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn dawk l-istudenti kollha li temmew l-iskola sekondarja u m’għaddewx mill-eżamijiet tas-suġġetti offruti matul is-sajf, 770 attendew il-klassijiet ta' reviżjoni b’xejn matul is-sena 2016.

Lezzjonijiet tas-sajf biex studenti jagħmlu resists tas-Sec

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra x'rata ta' suċċess kellhom dawn l-istudenti li għamlu r-resits tas-Sec f'Settembru li għadda wara li attendew il-lezzjonijiet matul is-sajf tas-sena li għaddiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn 770 student li attendew għall-klassijiet ta’ reviżjoni b’xejn matul is-sena 2016, 72.1% tal-istudenti rreġistraw titjib fil-marka tagħhom.

Studenti li attendew għal lezzjonijiet tas-sajf li komplew edukazzjoni post sekondarja

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm mill-istudenti li attendew għal-lezzjonijiet tas-sajf, li fil-fatt iddeċidew li jkomplu f'edukazzjoni post sekondarja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bejn l-2014 u l-2016 kien hemm total ta’ 2,097 student li attendew għal-lezzjonijiet tas-sajf. Minnhom 1,907 studenti iddeċidew li jkomplu f'edukazzjoni post sekondarja, li jammontaw għal 90.9%. Iktar informazzjoni tidher fit-tabella hawn taħt: Sena Numru ta’ student li lestew il-lezzjonijiet tas-sajf Li minnhom komplew f'edukazzjoni post sekondarja* 2014 551 503 2015 776 711 2016 770 693 * Dawn il-figuri huma bbażati fuq informazzjoni miġbura minn istituzzjonijiet pubbliċi.

lezzjonijiet tas-sajf biex studenti jgħamlu resists tas-Sec

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din is-sena wkoll ikomplu jingħataw dawn il-lezzjonijiet u jekk hemmx il-ħsieb li dan is-servizz jissaħħaħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawn il-klassijiet ser jerġgħu jiġu offruti din is-sena għal darb’oħra fil-Matematika, Fiżika, Malti, Ingliż, u għall-ewwel darba ser ikunu qed jingħataw klassijiet ta’ reviżjoni b’xejn anke fil-Bijoloġija. Il-klassijiet isiru fuq medda ta’ ħames ġimgħat, mill-aħħar ta’ Lulju sal-aħħar t’Awwissu, u bħas-snin ta’ qabel huma eliġibbli studenti li jġibu 6, 7, u jew ġew immarkati assenti fl-eżamijiet ta’ Mejju ta’ Livell Ordinarju/SEC. L-applikazzjoni onlajn tkun disponibbli hekk kif jiġu ppubblikati r-riżultati tal-eżamijiet ta’ Mejju mill-MATSEC u l-istudenti jingħataw ukoll past papers ta’ dawn l-aħħar ħames snin b’xejn.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – proċess biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea — impatt

Question

Fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit ser jibda l-proċess biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tax-xogħol li sar fil-Ministeru tiegħu u l-entitajiet li jaqgħu taħtu biex jiġi analizzat x’impatt (pożittiv jew negattiv) li dan jista’ jġib miegħu? Jekk dan sar jista’ jpoġġi l-analisi rispettiva fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li Malta minn dejjem kellha l-aħjar relazzjonijiet mar-Renju Unit u rridu nkunu attivi fi ħdan l-UE biex nassiguraw li n-negozjati ta’ Brexit iħarsu l-interessi taċ-ċittadini Ewropej b’attenzjoni partikolari fuq l-interessi ta’ Malta u l-Maltin. Il-gvern huwa impenjat li jwaqqaf Brexit taskforce bil-għan li tistudja kull opportunità possibbli li Brexit tista’ ġġib lejn pajjiżna, filwaqt li tilqa’ l-isfidi li joħorġu minn dan il-proċess. L-Onor. interpellant japprezza li mhuwiex prudenti li f’dan l-istadju l-Gvern jippubblika r-riżultati ta’ l-analiżi tiegħu. Malta flimkien ma’ 26 Stat Membru ieħor tinsab f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea sabiex l-interess tal-Unjoni u l-Istati Membri jiġu ssalvagwardjati.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – proċess biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea — opportunitajiet

Question

Fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit ser jibda l-proċess biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżuri, proġetti jew inizjattivi li l-Ministeru tiegħu u/jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu ser iwettqu biex pajjiżna jkun jista’ jibbenefika minn opportunitajiet li jistgħu jinħolqu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 640.

Għaqdiet sportivi – Memorandum of Understanding

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti/Memorandum of Understanding biex jgħaddilhom art u/jew proprjetà pubblika li daħal fihom ma’ għaqdiet sportivi fl-2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma saru l-ebda kuntratti jew Memorandum of Understanding ma’ Għaqdiet Sportivi fl-2017. Saru wegħdiet permezz ta’ Letter of Intent li tesprimi l-impenn tal-Gvern li jgħaddi tali artijiet lill-Għaqdiet Sportivi. L-entitajiet sportivi li se jibbenefikaw minn trasferiment ta’ art permezz ta’ kuntratti li għandhom isiru meta l-art tingħadda uffiċjalment lil SportMalta mill-Awtorità tal-Artijiet u/jew jiġu abbozzati l-kuntratti li SportMalta se tkun qed tagħmel mal-entitajiet sportivi, huma s-segwenti: Naxxar Lions FC – Art f’Tax-Xwieki, Naxxar Valletta United Waterpolo Club – Pixxina u faċilitajiet anċillari fil-Belt Valletta Senglea Regatta Club – Maħzen u slipway fl-Isla Hibernians Basketball Club – Art li tinsab f’Kordin Marsa FC – Pitch li jinsab fil-parametri tal-Marsa Sports Complex Meta tali kuntratti jiġu abbozzati, jkunu qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra għall-iskrutinju tal-Membri Parlamentari.