Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — konsulenzi minn persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ebda entità fil-Minsteru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ma tat xogħol legali jew talbet konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu tal-2013.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-proċeduri li kienu nbdew fis-snin li għaddew b'rabta mal-iskandlu tax-xiri taż-żejt? Ma jaħsibx il-Ministru li dawn il-kawżi qed idumu wisq biex jinqatgħu? Jista' jgħid jekk wara l-investigazzjonijiet li saru, hemmx aktar proċeduri kriminali x'jittieħdu kontra persuni oħrajn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-każijiet li għalihom l-Onor. Membru qed jirreferi u li għadhom pendenti huma ħamsa b’kollox.
Fi tlieta minnhom it-terminu tal-kumpilazzjoni jinstab sospiż minħabba pendenzi fi proċeduri ta’ ittri rogatorji li ġew eżegwiti minn Malta fil-kors tal-proċeduri. Apparti minn hekk fil-każijiet kollha hemm il-ħtieġa li uħud mill-persuni akkużati jixhdu kontra persuni akkużati oħra u għalhekk l-ewwel irid jintemm il-każ ta’ min hemm bżonn li jixhed kontra ħaddieħor.
Jien ma nieqaf qatt nissolleċita lill-awtoritaritajiet relevanti li jespedixxu l-proċeduri f'kull każ.
Dwar investigazzjonijiet ulterjuri, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din id-domanda lill-Ministru koncernat.
MCCAA – lmenti dwar kanċellament mir-Ryanair ta’ ċertu flights
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) irċevitx xi lmenti fid-dawl tal-kanċellament arbitrarju ta’ ċertu flights da parti tar-Ryanair li tħabbar riċentament? Jekk irċeviet xi lmenti, kemm kienu u x’passi qed jittieħdu biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-konsumaturi kkonċernati?
Response (BONNICI, OWEN)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li s'issa l-uniċi titjiriet li ġew ikkanċellata fir-rigward tat-titjiriet ta’ Ryanair u li missew lil Malta, kienu tnejn - Pisa Malta u Malta Pisa rispettivament fl-10 ta’ Settembru 2017. Kien hemm tliet talbiet għal assistenza li kienu jikkonċernaw seba’ passiġġiera fejn l-Awtorita’ ggwidat lil dawn il-passiġġiera dwar x’għandhom jagħmlu. Dan skont il-proċedura uffiċjali wżata mill-istati membri kollha skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet.
L-Awtorità qiegħda kontinwament titfa’ fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġiera f’dan ir-rigward, kif ukoll l-listi ppublikati minn Ryanair dwar titjiriet li jkunu ser jiġu kkanċellati. Barra minn hekk, l-Awtorità, bħala Awtorità kompetenti taħt ir-Regoment (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperarazzjoni bejn l-Awtorijiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, qiegħda wkoll issegwi, mal-istati membri l-oħra, l-andament ta’ din il-problema li qed taffettwa tant konsumaturi ġewwa l-Ewropa, kif ukoll iżżomm ruħha nfurmata dwar x’qed jiġri fi stati membri oħra.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — transfers ta' ħaddiema
Question
B’referenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 112, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni għall-perjodu bejn is-6 ta’ Ġunju 2017 u t-12 ta’ Ġunju 2017?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Kunsill Malti għall-Arti – għajnuna lill-artisti u l-professjonisti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Kunsill Malti għall-Arti qiegħed jgħin lill-artisti u l-professjonisti biex ikomplu jikbru fil-qasam? Jista’ jispeċifika wkoll xi programmi għaddejjin bil-għan li jagħmlu dan?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-Arti għandu strateġija bl-isem ta’ Create 2020 li permezz tagħha qed jimplimenta 70 azzjoni sas-sena 2020 li qed jgħinu lis-setturi kulturali u kreattivi jikbru aktar fuq livell artistiku u professjonali. Fost dawn il-miżuri insibu 10 programmi ta’ fondi pubbliċi li permezz tagħhom artisti u organizazzjonijiet kulturali jistgħu jaċċessaw matul i-sena. Dawn ivarjaw skond it-tip ta’ proġetti li jkunu qed jaħdmu fuqhom – minn parteċipazzjoni fuq pjattaformi internazzjonali sa ħolqien ta’ proġetti innovattivi. Il-Programmi huma dawn
1. Malta Arts Fund
2. Kreattiv
3. Cultural Export Fund
4. Kultura TV
5. Il-Premju tal-President għall-Kreattivita
6. Professional Development Grants
7. Creative Industries Platform
8. Cultural Partnership Agreement
9. Malta Digital Games Fund
10. Gozo Cultural Support Programme
Il-Kunsill Malti għall-Arti jmexxi wkoll numru ta’ inizjattivi bħal inċentivi fiskali kif ukoll joffri programmi ta’ taħriġ li jgħinu lill-artisti jiżviluppaw aktar ħiliet intraprenditorjali. Il-programm ta’ riċerka tal-Kunsill Malta għall-Arti tkompli ssaħħaħ iil-kapacita’ tal-Kunsill li joħloq aktar programmi bbażati fuq analiżi ta’ riċerka biex is-settur jibqa jiġi żviluppat.
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġu megħjuna l-produzzjonijiet teatrali fil-komunitajiet f’Malta u Għawdex bil-għan li jżidu l-potenzjal tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar snin saru numru ta’ proġetti li taw spinta lit-teatru fil-komunita’. Dawn jinkludu l-fondi pubbliċi mmexxija mill-Kunsill Malti għall-Arti li permezz tagħhom ġew ffinanzjati numru ta’ proġetti artistiċi fil-komunita’ kif ukoll numru ta’ festivals bħal Żigu Żajg u l-Malta International Arts Festivals u organizazzjonijiet pubbliċi kulturali bħal Fondazzjoni Valletta 2018 li ppreżentaw numru ta’ proġetti teatrali mal-komunita’ u għall-komunita’.
Sar ukoll proġett estensiv bejn il-Kunsill Malti għall-Arti, Valletta 2018 u l-Universita’ ta’ Malta biex jiddokumenta aktar minn ħamsin spazju teatrali fejn l-maġġoranza tagħhom hu taħt is-sieda tal-komunita’. Dan l-istudju serva bħala bażi għal miżuri biex dawn l-ispazji jkunu jistgħu jintu¿aw aktar għall-produzzjonijiet teatrali fil-komunitajiet. Dawn il-miżuri mħabbra wkoll fil-Manifest Elettorali ser jiġu żviluppati fix-xhur li ġejjin.
Proġett ieħor hu Teatru Malta, mwaqqaf mill-Kunsill Malti għall-Arti biex jinvesti direttament fi produzzjonijiet teatrali fil-komunitajiet f’Malta u Għawdex. Dan ser isir permezz ta’ programm iffinanzjat mill-aġenzija LESA u li mill-2018 ser joffri numru ta’ produzzjonijiet f’numri ta’ teatri tal-komunità.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li żaru l-wirja tas-sejf storiku ta’ La Valette, waqt l-esebizzjoni li kien hawn fostna?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-wirja tas-sejf tal-Gran Mastru de Valette kienet miftuha bejn it-18 ta’ Marzu u t-8 ta’ Settembru 2017. F’dan il-perjodu kien hemm total ta’ 47,870 persuna li żaru l-wirja. Din hija żieda ta’ 16,125 persuna li żaru dan is-sit fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba nfetħu wirjiet kulturali bla ħlas għall-pubbliku, sakemm tiġi biex titwieġeb din il-mistoqsija? Kemm-il persuna żaret dawn il-wirjiet, preferibbilment maqsuma bejn Maltin u barranin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura (Ġunju 2017) sa llum kien hemm żewg okkażjonijiet meta l-pubbliku kien mistieden iżur mużewijiet jew wirjiet mingħajr l-ebda tip ta’ ħlas. Dawn kienu:
8 ta’ Settembru: Wirja tas-sejf ta’ de Valette fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeologija, li għaliha attendew 5450 persuna. Fis-7 ta’ Settembru sar ukoll lecture dwar is-sejf li għalih attendew madwar 200 ruħ.
13 ta’ Settembru: Ftuħ mingħajr ħlas (filgħaxija) tal-wirja permanenti tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fil-Forti Sant’ Iermu fl-okkazjoni tal-75 anniversarju mill-għoti tal-George Cross, li għaliha attendew 416 persuna.
Barra minn hekk kien hemm żewg okkażjoniiet oħra meta l-pubbliku seta jżur mużewijiet u siti għal prezz ridott ħafna ta’ €2. Dawn kienu:
15 ta’ Awwissu: Muzewijiet taċ-Ċittadella, meta attendew 956 persuna.
8 ta’ Settembru: Forti Sant’ Anglu, meta attendew 2000 persuna
Għad ta’ gruppi lokali wkoll jistgħu iżuru l-mużewijiet u s-siti għal prezz imraħħas ta’ €1.
Din l-istatistika ma tinkludix il-viżti tat-tfal tal-iskejjel, li huma dejjem bla ħlas, kemm jekk jiġu waqt viżta formali organizzata mill-iskola (madwar 40,000 fis-sena) kif ukoll jekk jużaw l-iskema ta’ dħul mingħajr ħlas permezz ta’ card speċjali u li Heritage Malta nediet is-sena l-oħra.
Ma teżistix statistika li tagħmel differenza bejn Maltin u barranin, madanakollu nistgħu ngħidu b’ċertezza li l-maġġoranza assoluta ta’ dawk li jgawdu minn dawn l-okkażjonijiet ikunu Maltin.
B’rabta mal-Belt Valletta, jista’ l-Ministru jindika x’inhuma l-inizjattivi meqjusin urġenti u bżonnjużi għaliha? Jista’ jgħid ukoll – minbarra dawk kollha li saru s’issa – xi proġetti oħrajn għad għandha bżonn il-kapitali u/jew is-settur kulturali fi ħdanha?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Beltin jħossuhom kburin li l-Belt reġgħet qed tieħu l-attenzjoni li tixraq Belt Kapitali. Tul l-aħħar snin, membri fil-komunità Beltija bbenefikaw direttament minn proġetti kulturali li wasslet il-Fondazzjoni Valletta 2018, fosthom, Ġewwa Barra, Shake It! u Naqsam il-MUŻA. Ibbenefikaw ukoll minn interazzjoni u ħidma konġunta bejn l-istess Fondazzjoni u entitajiet kulturali, pubbliċi, privati u governattivi oħrajn li jmissu dirett mal-istess komunità. Wħud minn dawn l-għaqdiet kulturali bbenefikaw ukoll minn proġetti li tejjbu l-ispazji tagħhom.
Ir-residenti tal-Belt Valletta għandhom jiġu nvoluti mill-bidu u kontinwament sabiex jiġu ndirizzati:
• l-proċess ta' ġentrifikazzjoni - hija forma ta’ uġiegħ fejn il-komunità tħossha mkeċċija minn beltha;
• xogħolijiet infrastrutturali meħtieġa biex titjieb l-aċċessibilità ġol-Belt u ġewwa darhom stess, l-indafa, dwal fit-toroq, sigurtà u aktar kura fiż-żoni residenzjali;
• aktar spazji fejn il-komunitajiet Beltin jiltaqgħu u jkun kreattivi u parteċipattivi fil-ħajja ċivika. Hemm bżonn urġenti ta’ viżjoni ħolistika lejn din il-Belt.
M’huwiex biss l-aspett kummerċjali li jfassal il-ħajja ġewwa fiha. Jeħtieġ li jiġi ndirizzat l-għatx għal spazji fejn il-ġenerazzjoni żgħażugħa tista’ tiltaqa’ u tissoċjaliżża b’mod san u sigur. Permezz t’hekk żgħażagħ beltin u dawk li jiffrekwentaw il-Belt, jinqatgħu xi ftit mill-kalamita ta’ stabbilimenti kummerċjali. Din hija realtà frott ta’ kif il-Belt kapitali qed tiġi ppjanata u rreklamata illum. Hemm bżonn ta’ opportunitajiet ġodda f’ħinhom u f’waqthom sabiex aktar persuni żgħażagħ jieħdu nteress jipparteċipaw bit-talenti tagħhom, fil-ħajja kulturali.Iż-żoni residenzjali u dawk kummerċjali għandhom jiġu rrispettati sabiex jinżamm bilanċ fil-kwalità tal-ħajja taż-żewġ partijiet kif ukoll sabiex il-propjetà residenzjali tibqa’ kemm jista’ jkun aċċessibbli għal-żgħażagħ Beltin.Il-Belt Valletta ġġorr it-titlu ta’ World Heritage City u dan għandu jiġi rrispettat speċjalment fejn jidħol id-disinn arkitettoniku fit-toroq u bjut. Binjiet li mhux jirrispettaw l-għoli stabbilit fid-disinn oriġinali tal-belt, qed ifarrak dan il-preġju li Beltna tgawdi minnu.Nemmnu li bl-opportunitajiet u riżorsi tajbin, il-komunitajiet Beltin jafu jkunu kruċjali għal proċess ta’ bidla li tħalli legat imprezzabbli lil hinn mill-2018.Il-kultura hija qafas sabiħ u ħaj ta’ sens, valur u għarfien mibni fuq snajja, ħiliet, twemmin u drawwiet li jagħti sens u identita lill-ħajja tan-nies. Jekk inħarsu lejn il-kultura biss bħala settur inkunu qed nissimplifikaw u noqtlu n-natura tal-kultura stess – natura li tmiss ma’ kull settur ieħor b’mod naturali.Hemm bżonn modi ġodda fil-mod kif nikkomunikaw dan u nħeġġu lill-komunità residenzjali sabiex tkun parti essenzjali f’interazzjoni kostruttiva bit-talenti li hi stess ilha tħaddan għal snin twal. Flimkien mal-ħidma għal titjib estetiku, hemm bżonn spazji li jimmotivaw interazzjoni soċjali f’waqtha. Irridu nħarsu lejn dawn l-ispazji bħala opportunità fejn il-komunità ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u tiltaqa’.
L-istess komunità għandha tkun imħeġġa u mogħtija setgħa parteċipattiva u kreattiva sabiex jissaħħaħ il-ġid komuni ta’ kulħadd, kemm fil-Belt Valletta u anki madwar Malta u Għawdex in ġenerali.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 968, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) jistax jieħu passi regolatorji jekk ikun hemm ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni? Jekk ma jistax jieħu passi, x’qed isir biex din is-sitwazzjoni titranġa?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lil Onor. Interpellant li kif diġa ntqal fit-tweġiba li qed jirreferi għaliha, l-Uffiċċju ma jistax jipprovdi l-informazzjoni mitluba fid-dawl tal-każ pendenti li hemm quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali).
Jista’ l-Ministru jgħid min ta l-ordni għat-transfer tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fejn liema transfer kien fl-aħbarijiet tal-15 ta’ Ġunju 2017?
Response (BONNICI, OWEN)
Din hija prassi normali li individwi jiġu mċaqalqa minn dipartiment għall ieħor skond l-esiġenzi tal-Kumpanija.
Ħadd ma ta l-ordni, l-Individwu baqa f’postu iżda ngħata rwol ġdid dak ta’ Quality Assurance Manager.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni għat-transfer tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, liema transfer kien fl-aħbarijiet tal-15 ta’ Ġunju 2017? Fejn intbagħat?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 199.
Direttorat għat-Tindif lill-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u San Ġiljan – għajnuna finanzjarja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-għajnuna, f’termini finanzjarji, li ngħatat s’issa mid-Direttorat għat-Tindif lill-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u San Ġiljan (inkluż Paceville) matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena diġa’ ingħatat għajnuna ta’ €215,900 lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Minn naħa l-oħra l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ingħata għajnuna ta’ €249,158.
Din l-għajnuna kienet u għada tikkonsisti fi ġbir ta’ skart, tindif ta’ toroq, ħasil tal-promenade u żoni pedonali, ġbir ta’ annimali mejta, kif ukoll każijiet ta’ emerġenza li jiġu rrapurtati lid-Direttorat.
Bajjiet li bbenefikaw minn installazzjonijiet ta’ għamara ġdida tal-bajjiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bajjiet li matul is-sajf ibbenefikaw minn installazzjonijiet ta’ għamara ġdida tal-bajjiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dan is-sajf saret ħidma sabiex jinbidlu s-slielem u railings li hawn fuq il-bajjiet tagħna.
Nista ngħid li kull bajja ibbenefikat minn xi tip ta infrastruttura ġdida. Saret ħidma estensiva fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiz fejn saru diversi railings hekk kif imwiegħed fil-programm elettorali li jingħata aċċess aħjar għall-bajjiet ta pajjiżna. Għandna ħafna pjanijiet li rridu inwettqu, pero, fl-immedjat ħassejna li għandna nagħmlu kambjamenti żgħar li n-nies japprezzaw ħafna. Għandna iktar minn 300 sellum imwaħħlin kif ukoll mal-270 railing li prattikament huma kollha ġodda.
Direttorat għat-Tindif — Skart miġbur minn postijiet pubbliċi, bajjiet, toroq arterjali u distributorji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ skart li nġabar matul din is-sena, sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, minn postijiet pubbliċi, bajjiet, toroq arterjali u distributorji f’ħidma mid-Direttorat għat-Tindif? L-ammont kif jitqabbel mas-snin preċedenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-ewwel seba’ xhur ta din is-sena inġabru 12,700 tunellata ta’ skart.
Ikkumparat mas-snin preċedenti din ser tfisser f’żieda ta 35% għall-istess perjodu tas-sena preċedenti.
Għajnuna lill-kunsilli lokali għall-immaniġġar aħjar tal-indafa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex tingħata l-aktar għajnuna possibbli lill-kunsilli lokali biex jimmaniġġaw aħjar l-indafa fil-lokalitajiet rispettivi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Ċentrali kommess li jgħin finanzjarjament lill-Kunsilli Lokali sabiex ikunu jistgħu jwettqu dejjem aħjar id-doveri tagħhom relatati mal-indafa. Dan primarjament isir permezz tal-allokazzjoni finanzjarja. Il-parti tal-allokazzjoni finanzjarja ta’ din is-sena, intiża għal dan, żdiedet b’€1,629,855 fuq is-sena 2016.
Qed jiġu wkoll ippjanati diversi inizzjattivi oħrajn għal matul l-2018 kif ukoll qed issir ħidma bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali u l-Ministru responsabbli mill-Ambjent sabiex jiġi implimentat pjan strateġiku dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — kuntratti u xogħlijiet minn kumpanija/individwu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lil din il-Kamra rendikont dettaljat tax-xogħol u/jew kuntratti li ngħataw mill-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, id-ditta legali u l-individwu li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament għall-perjodu bejn l-1998 u l-2013? Jista' jelenka liema mix-xogħol u/jew kuntratti ingħataw b'direct order?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li mill-Minsteru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, id-direttorat tal-Qrati tal-Ġustizzja biss għamlu użu mis-servizzi tad-ditta legali u l-individwu li d-dettalji tagħhom ingħataw separatament għall-perjodu bejn l-1998 u l-2013. Dan ix-xogħol sar fis-sena 2000 fejn l-individwu li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament ġie mqabbad direttament mill--membri tal-ġudikatur bħala interpretu għal ammont ta' ħlas ta' €40.18 (Lm17.25).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu flus s’issa fi proġetti kulturali relatati ma’ Valletta 2018? Kemm artisti u persuni oħrajn li jaħdmu fil-qasam kulturali bbenefikaw minnhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li il-budget fuq 5 snin huwa ta’ 10 miljuni ta’ Ewro li minnhom hemm 0.5 miljuni ta’ Ewro ddedikati għar-riċerka. In-numru ta’ artisti li ġew involuti fil-programm huwa ta’ 921. Dawn jinkludu artisti lokali u barranin li taw sehmhom fil-programm.
Dan in-numru ma jinkludiex in-numru kbir ta’ studenti minn dipartimenti differenti fl-MCAST u l-Università ta’ Malta li qegħdin jieħdu sehem bħala artisti fi proġetti varji u numru ieħor kbir ta’ parteċipanti fil-komunitajiet differenti f’Malta u f’Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu t-total ta’ proġetti li se jitwettqu matul l-2018? Kemm minnhom se jsiru speċifikament fil-Belt Valletta u kif inhuma mqassmin skont ir-reġjun, il-bqija,?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li b’kollox hemm 140 proġett ippjanati fl-2018. Minn dawn il-proġetti ser isiru:
- 54 fil-Belt Valletta.
- 6 proġetti huma ippjanati fir-reġjun Nofsinhar li jinkludu proġetti fil-Ħamrun, s-Siġġiewi, Ħal Qormi u l-Mqabba.
- 7 proġetti ippjanati fir-reġjun tat-Tramuntana li jinkudu proġetti fil-Mellieħa, r-Rabat u Pembroke.
- 4 proġetti ser isiru f’Għawdex fosthom, proġetti fir-Rabat, in-Nadur u l-Għarb.
- 13 il-proġett, ser issiru fir-reġjun taċ-Ċentru li jinkludu proġetti fl-Msida, San Ġiljan, ġo Ħ’Attard, Tas-Sliema, Birkirkara, Ħal Lija u il-Gżira.
- fil-waqt li fir-reġjun Xlokk ser isiru 9 proġetti, min barra dawk li ser isiru ġol-Belt Valletta, u fosthom hemm proġetti li ser isiru fiż-Żejtun, l-Birgu, il-Furjana, il-Kalkara, il-Marsa, u Marsascala.
Hemm ukoll 13 il-proġett li ser isiru f’iżjed minn lokalita’waħda ma’ Malta u Għawdex u hemm 31 il-proġett li l-lokalita’ fejn ser isiru għadha trid tiġi kkonfermata. Hemm ukoll 3 proġetti li ma huma se jsiru fl-ebda lokalita' speċifika.