Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ftehim bejn Gvern Malti u Steward HealthCare

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li ġie ffirmat mill-Gvern Malti u Steward Healthcare f'Awwissu 2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għas-Saħħa – direct orders

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-parti tal-mistoqsijiet parlamentari 14113 u 13614 fejn tlabtu l-valur/prezz ta’ kull direct order mill-1 ta’ Jannar 2020 peress li din il-parti tal-interpellanza ma ġietx imwieġba?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13614. Peress illi din l-informazzjoni diġa tpoġġiet fuq il-mejda tal-kamra u allura issa hija pubblika, kull informazzjoni oħra relatata ma’ prezzijiet tkun qed tikser il-kunfidenzjalita kummerċjali.

Heliport f’Għawdex – swab tests

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il swab test sar kuljum, ġurnata b'ġurnata, mit-testing centre tal-Heliport f'Għawdex minn meta bdew isiru t-testijiet minn dan il-post, sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mis-26 ta’ Marzu sas-17 ta’ Mejju mit-testing centre tal-Heliport f'Għawdex saru 2794 tests.

Siti ta’ kostruzzjoni – inċidenti fatali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm inċidenti fatali minn ħaddiema fuq siti tal-kostruzzjoni mill-2013 sal-lum? Jista' jgħid jekk kienx hemm sidien jew min hu responsabbli, li tressaq il-qorti fuq dawn il-każijiet? Jista' jgħid kemm-il spezzjoni saret mill-OHSA fuq siti ta' kostruzzjoni, jekk sabux irregolaritajiet, jekk iva, x'passi ttieħdu, mill-2013 sal-lum? Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu biex jiġu evitati traġedji fuq siti ta' kostruzzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella t’hawn taħt. SenaNumru ta’ fatalitajiet - kostruzzjoniKawżi ĠudizzjaliNumru ta' spezzjonijiet f’siti ta’ kostruzzjoniMulti amministrattiviKawzi oħra mibdija (mhux inklużi fit-tielet kolonna 20131nil*191015114 201422215013811 20152222871688 201633234732510 20171nil*219550041 201840**257753236 201930**227231914 * il-persuna mejta kienet waħda li taħdem għal rasha u ma kienx indikat li jittieħdu passi kriminali kontra terzi persuni. ** il-kawżi għadhom taħt Inkjesta Maġisterjali li għadha ma ngħalqitx.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — persuni impjegati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti lista tal-karigi/pożizzjonijiet kollha li fid-data tal-lum fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid: a. Kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi, fil-kariga/pożizzjoni rispettiva? b. X’inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi/pożizzjonijiet rispettivi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ċentri tas-Saħħa f’Malta u Għawdex

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika fejn huma mwaqqfa ċ-Ċentri tas-Saħħa f’Malta u Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm għaxar (10) Ċentri tas-Saħħa; disgħa (9) f'Malta u waħda (1) f'Għawdex. Dawn jinsabu fil-lokalitajiet tal-Furjana, Ħal-Qormi, il-Gżira, Raħal Gdid, Bormla, Ħal-Kirkop, il-Mosta, Birkirkara, ir-Rabat Malta u r-Rabat Għawdex.

Kumitat dwar l-approvazzjoni tal-mediċina kannabis

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kull kemm jiltaqa’ l-kumitat dwar l-approvazzjoni tal-mediċina kannabis kull sena minn meta twaqqaf? Kemm-il talba saret għall-approvazzjoni għal kull sena? Jista’ jgħid kemm ġew approvati għal kull sena? Dawk li ma ġewx approvati, x’għamla ta’ risposta jkollhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumitat dwar l-approvazzjoni tal-mediċina kannabis jiltaqa’ ta’ spiss, mill-inqas darbtejn fil-ġimgħa. Sal-14 ta’ Mejju 2020 ġew approvati 690 persuna. Kull applikazzjoni tiġi proċessata minn dan il-kumitat, dejjem jekk l-applikazzjoni jkollha d-dettalji kollha mniżżla. Jekk dawn id-dettalji jkunu neqsin, it-tabib jiġi nfurmat bil-miktub biex ġentilment jimla d-dettalji li jkunu neqsin. It-tabib dejjem ikun infurmat bid-deċiżjoni finali bil-miktub.

Sptar Mater Dei — tfal li ddaħħlu l-isptar bi ġrieħi gravi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14482 u jindika n-numru ta’ tfal li ddaħħlu għall-kura fl-Isptar Mater Dei jsofru minn ġrieħi gravi matul dawn l-aħħar tliet snin? X’kienu l-kawżiet li dawn it-tfal kellhom jidħlu fl-Isptar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2017 kien hemm 443 tfal (sa sittax il-sena) li ddaħħlu għall-kura fl-isptar Mater Dei jsofru minn ġrieħi gravi, fl-2018 540 u fl-2019 398. Dawn it-tfal iddaħħlu l-isptar għall-kura wara li kienu nvoluti f’inċidenti bil-vetturi, waqgħat, korrimenti fir-ras, ħruq, ksur, polytrauma, blast injuries, abdominal injuries u lacerated wounds.

Spiża ekonomika u soċjali tal-mard mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet l-ispiża ekonomika u soċjali tal-mard mentali f’pajjiżna s-sena l-oħra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża ekonomika tal-mard mentali f’pajjiżna s-sena l-oħra kienet €51.4 miljun. Dwar l-ispiża socjali tal-mard mentali f’pajjiżna nitolbu sabiex jirreferu l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Każijiet ta’ Suwiċidju f’pajjiżna

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inizjattivi qed jittieħdu mill-Ministeru tiegħu sabiex jitnaqqsu l-każijiet ta’ suwiċidju f’pajjiżna?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħjar mod biex jitnaqqsu r-rati ta’ suwiċidju tal-pajjiż huwa billi ikun hemm servizzi tas-saħħa mentali aċċesibbli u li jagħtu kura tajba. Ir-riforma tas-saħħa mentali qed timxi fuq dan. Barra minn hekk issaħħet il-preżenza ta’ psikjatri fis-swali u fl-emerġenza tal-isptar Mater Dei, biex nies li jagħmlu attentat ta’ suwiċidju jingħataw kura psikjatrika immedjata.

Coronavirus – persuni li rriżultaw pożittivi u ma kellhomx sintomi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm s’issa minn dawk li rriżultaw li huma pożittivi għall-marda tal-Coronavirus, ma kellhom l-ebda sintomi? F’dawn il-każijiet, xi proċedura qed tiġi segwita mill-Awtoritajiet tas-Saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 20 fil-mija tal-każijiet pożittivi li kellna ma wrew l-ebda sintomi. Dawn l-istess individwi qegħdin isegwu l-istess proċeduri tal- pożittivi li tinkludi li jibqgħu f’isolazzjoni għal erbatax-il ġurnata. Qabel jitħallew joħorġu, jerġa’ jsirilhom t-test. Meta dawn jittestaw negattiv, jiġu rilaxxati fil-komunita’ dakinhar li joħroġ ir-riżultat.

Persuni li mietu b’overdose tad-droga

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mietu persuni b’overdose ta’ droga fis-snin 2017, 2018 u 2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ir-reġistru nazzjonali tal-imwiet kien hemm 9 mwiet b’overdose ta’ droga matul is-sena 2017 u 2 fis-sena 2018. L-informazzjoni għas-sena 2019 għadha qed tinġabar.

Persuni li daħlu jsofru b’sintomi relatati ma’ overdose

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm iddaħħlu persuni jsofru b’sintomi relatati ma’ overdose ta’ droga fis-snin 2017, 2018 u 2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ każijiet ta’ overdose li ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei bħala pazjenti fejn overdose kien imniżżel bħala wieħed mid-dijanjosi meta il-persuna ħarġet mill-isptar, fl-2017 kien 355, fl-2018 366 filwaqt li fl-2019 312. Ninfurmah ukoll illi t-terminu overdose jinkludi dawn it-tliet kategoriji: Kategorija A: Avvelenament inċidentali kkawżat minn drogi, mediċinali jew sustanzi bijoloġiċi Kategorija B: Attentat ta’ suwiċidju jew ikkaġunar ta’ offiża fuqha nnifisha, ikkawżat minn avvelenament b’sustanzi solidi jew likwidi. Kategorija Ċ: Avvelenament minn drogi, mediċinali jew sustanzi bijoloġiċi, fejn mhux magħruf jekk l-avvelenament kienx inċidentali jew premeditat. Dawn il-figuri ma jinkludux dawk il-pazjenti li setgħu ġew inviżtati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma ddaħħlux bħala pazjenti fl-iswali tal-Isptar Mater Dei.

Sptar Mater Dei — tfal li ddaħħlu l-isptar bi ġrieħi gravi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika n-numru ta’ tfal li ddaħħlu għall-kura fl-Isptar Mater Dei jsofru minn ġrieħi gravi matul dawn l-aħħar tliet snin? X’kienu l-kawżiet li dawn it-tfal kellhom jidħlu fl-Isptar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.

Telefown 153 – ilmenti dwar saħħa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Minstru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm daħlu lmenti fuq saħħa permezz tal-153 mill-2017 sal-lum u kemm minnhom għadhom pendenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Imwiet fi Frar, Marzu u April 2019

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm imwiet irrapurtati xahar b'xahar fi Frar 2019, Marzu 2019 u April 2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont ir-reġistru nazzjonali tal-imwiet kien hemm 351 mwiet fi Frar tal-2019, 373 f’Marzu tal-2019 u 302 f’April tal-istess sena.

Imwiet fi Frar, Marzu u April 2020

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm imwiet irrapurtati xahar b'xahar fi Frar 2020, Marzu 2020 u April 2020?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont ir-reġistru nazzjonali tal-imwiet matul din is-sena kien hemm 312 mwiet fi Frar, 381 f’Marzu u 299 f’April. Ninfurmah ukoll illi l-informazzjoni t’April għadha proviżorja.

Avviż Legali 111 — aċċess għat-tfal

Question

Jista' d-Deputat Prim Miinistru u Ministru għas-Saħħa jispjega kif minn meta nħareġ l-Avviż Legali 111 tal-2020 dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Vulnerabbli, ħafna persuni li huma separati u li jgħixu mal-ġenituri tagħhom li huma ‘l fuq minn 65 sena u li għaldaqstant jaqgħu fil-kategorija ta’ Persuni Vulnerabbli, spiċċaw ma jistgħux jaraw lill-uliedhom? Jista' jara li dawn is-sitwazzjonijiet jiġu rimedjati peress li fl-Avviż Legali 111 ma hemm xejn rigward persuni li jgħixu ma’ persuni vulnerabbli kif ukoll fuq każijiet bħal dawn imsemmija aktar ‘il fuq? Jista' jara li tinħareġ direzzjoni jekk hux permess li ġenitur separat u li jkun jgħix ma’ persuni meqjusa vulnerabbli jara lill-uliedu waqt il-ħin tal-aċċess tagħhom u dan peress li issa hemm ġenituri li ilhom aktar minn xahrejn ma jaraw u jkollhom aċċess għal uliedhom minuri?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskop tal-Avviż Legali 111 huwa l-protezzjoni għal nies vulnerabbli u r-rakkomandazzjonijiet mill-Awtorità tas-Saħħa huma sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun kuntatt ma’ nies oħra. Tibdil fil-miżuri mħabbra isir skont pjan komprensiv u skont l-evidenza medika.

Bord tad-Diretturi għas-Saħħa Mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika r-rakkomandazzjonijiet li ġew elenkati mill-Bord tad-Diretturi għas-Saħħa Mentali fis-snin 2018 u 2019 u jekk dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġewx indirizzati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bord tad-Diretturi għas-Saħħa Mentali ta rakomandazzjonijiet dwar id-disinn tal-isptar Psikjatriku Ġdid, il-ħtieġa ta’ iktar koperazzjoni bejn diversi Ministeri u dipartimenti, l-istrateġija tas-saħħa mentali u l-prijoriżazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija għas-saħħa mentali.

Budget 2020: Saħħa Mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’benefiċċji hemm indikati għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali skont l-aħħar Baġit?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar Budget ġie ndikat li ser inkomplu nwettqu tiġdid fl-isptar Monte Karmeli fejn filfatt dan ix-xogħol jinsab għaddej b’ritmu tajjeb. Kif ukoll se jkomplu l-pjanijiet tal-bini ta’ sptar ġdid għal kura akuta psikjatrika. Dan ukoll waqt li nagħtu enfasi fuq kura għas-saħħa Mentali fil-komunita’ fejn huwa mifhum li n-nuqqas ta’ saħħa mentali ser tkun waħda mill-ikbar sfidi ewlenin u din ser inkunu qed nindirizzawha b’aktar servizzi mifruxa fil-komunita’.