Jista' l-Ministru jgħid kienet titħallas persuna impjegata mad-Dipartiment tas-Saħħa bħala security guard u kemm titħallas persuna li hi impjegata mal-kumpanija jew kumpaniji li l-Gvern ikkuntratta biex jagħtu l-istess servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu bil-ħsara r-reverse osmosis li hemm fil-wards Lourdes, Loreto u Fatima, fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jista' jgħid kemm tiswa din il-ħsara, jekk hix se tissewwa u meta? Jista' jgħid kemm qed jiswew id-dispensers tal-ilma li qed jinxtraw u jagħti n-nefqa ta' minn meta bdew jinxtraw xahar b'xahar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li r-reverse osmosis tas-swali msemmija f’din il-Mistoqsija Parlamentari huma operabbli u qatt ma kellhom ħsarat fit-tul li jikkompromettu xi servizzi eżistenti.
Fir-Residenza ta’ San Vinċenz il-water dispensers bdew jitqassmu fit-12 ta' Marzu 2011 b'nefqa ta' madwar €700.00 fix-xahar bejn 33 sala u kull dipartiment li għandu kuntatt dirett mar-residenti. F'kull sala jitqassmu żewġ flixken fil-ġimgħa. Konvint li l-Onor. Interpellant japprezza li l-introduzzjoni ta’ water dispensers fi 33 sala f’San Vinċenz De Paul huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. L-għan ta' dawn id-dispensers huwa li ninkoraġġixxu lir-residenti jixorbu izjed. Kull kap ta' sala u dipartiment ġie nfurmat sabiex dawn jitqiegħedu f'postijiet aċċessibbli għar-residenti biex b’hekk dejjem inħeġġu l-indipendenza.
Jista' l-Ministru jgħid:
a) x'inhuma l-kriterji li fuqhom jingħataw il-mediċini b'xejn, kemm il-kriterji użati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kif ukoll dawk imħaddma mid-Dipartiment tas-Saħħa; u
b) meta sar tibdil fil-formularju tal-mediċini li jixtri l-gvern u x'tibdil sar matul dawn l-aħħar ħames snin b'mod speċifiku għal kull mediċina? X'tip ta' audit trail qed juża l-gvern għall-mediċini, jiġifieri l-ammonti u l-frekwenza fl-użu tal-mediċini, pazjent pazjent?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Minuti tal-Bord Amministrattiv u/jew ta' tmexxija tal-Isptar Mater Dei, minn meta nfetaħ l-isptar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tispeċifika x’tixtieq eżatt mill-minuti mitluba minħabba li mhux possibbli jiġu ppubblikati kollha. Dan għaliex jista jinvolvi informazzjoni sensittiva li tikser il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data.
Jista' l-Ministru jagħti cost benefit analysis fuq l-ispiża kapitali għall-Isptar Mater Dei sena b'sena minn meta nfetaħ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-somma kapitali minfuqa ghall-isptar Mater Dei (MDH) mis-sena 2008 l’hawn hija kif ġej:
€
2008 1,522,652.00
2009 1,794,560.00
2010 1,548,626.00
2011 (sa l-aħħar ta’ Awwissu) 1,115,592.00
Apparti dawn l-ammonti varji għall-MDH kien hemm ukoll spejjeż kapitali biex jibda l-proġett tal-isptar il-ġdid tal-Onkoloġija. L-ammonti minfuqa sa issa huma:
€
2010 838,690.00
2011 344,091.00
Ta’ min jgħid li għal kull spiża kapitali materjali isir analiżi ta’ benefiċċju li jkun se jittieħed minn dan l-investiment.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ekwu li anzjani li jiddaħħlu mill-Gvern fi djar privati ikollhom iħallsu minn buthom għal servizz ta' fizjoterapisti, kif ukoll għal ħarġiet? Meta se titranġa din is-sitwazzjoni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jinħarġu tenders għax-xiri u għat-tiswija ta' hearing aids?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li hemm tender miftuħ u validu s’Ottubru 2013, għal xiri ta’ hearing aids għal każijiet ta’ nuqqas ta’ smiegħ minn moderate għal severe. Dan it-tender ma jinkludix it-tiswijiet. Hemm ukoll tender ieħor li għadu qed jiġi evalwat.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — talbiet għal reduced hours, telework u career breaks
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet għal reduced hours, telework u career breaks f'kull dipartiment u uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kemm minn dawk it-talbiet saru minn nisa u kemm minn irgiel? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
care workers u ħaddiema oħra — inkjesta dwar kundizzjonijiet tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-inkjesta dwar kundizzjonijiet tax-xogħol ta' care workers u ħaddiema oħra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-inkjesta li saret mid-Dipartiment koncernat (Dipartiment ghar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg) ghar-rigward i-kundizzjonijiet tax-xoghol ta’ care workers u haddiema ohra, giet konkluza u l-Ministeru se jimxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet relattivi.
investigazzjonijiet dwar abbużi fl-ingaġġ ta' infermiera Pakistani
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjonijiet saru wara r-rapporti rigward abbużi fl-ingaġġ ta' infermiera Pakistani?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-investigazzjonijiet pertinenti qed isiru mid-Dipartiment tar-Reati Ekonomiċi fi ħdan il-korp tal-pulizija u li bħal dejjem, il-Ministru jgħaddi l-informazzjoni kollha mwassla lilu lill-Pulizija sabiex jiġi mgħejjun dan l-istharriġ.
Uffiċjali nkarigati mid-djar residenzjali għall-anzjani
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm residenti f'kull dar residenzjali għall-anzjani? Kemm minn dawn l-anzjani huma eligibbli biex jivvotaw? Min huma l-uffiċjali inkarigati f'kull home? X'kienu u x'inhuma l-kriterji li l-uffiċjali inkarigati ġew magħżula biex imexxu dawn id-djar residenzjali u għal kull home?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux konxju tal-problema li qed isibu anzjani residenti fir-Residenza San Vincenz De Paule kaġun tal-fatt li fl-inħawi ta’ dan l-isptar m'hemmx servizzi bankarji ? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti rendikont tal-miżuri li ħa l-gvern biex din il-problema tkun indirizzata ? Jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li jsiru negozjati ma’ xi bank lokali biex tkun istallata ATM fl-inħawi tal-isptar ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li għalkemm fil-viċinanzi tar-Residenza San Vinċenz de Paule ma hemmx banek kummerċjali u l-eqreb banek qegħdin f’Ħal-Qormi u Ħal-Luqa, ir-residenti li juru x-xewqa jew jindikaw il-bżonn tas-servizz minn xi banek jitwasslu sal-banek bit-trasport tar-Residenza.
Hemm ukoll faċilità fejn l-amministrazzjoni issarraf ċekkijiet tar-residenti li jkollhom bżonn dan is-servizz.
Għal dawn l-aħħar snin, kemm l-amministrazzjoni kif ukoll l-għaqdiet mhux governattivi fir-Residenza San Vincenz fosthom l-GHASI u l-Friends of St. Vincent għamlu diversi kuntatti mal-banek lokali, iżda r-risposta kienet dejjem fin-negattiv minħabba li ATM machines fir-residenza m’ humiex meqjusa kummerċjalment vijabbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet għal care workers, nursing aides u health assistants mal-Gvern matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata lill-kuntratturi privati għall-ingaġġ ta' care workers, nursing aides u health assistants biex jipprovdu servizzi lill-Gvern matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti relevanti għall-ingaġġ ta' dawn il-care workers, nursing aides u health assistants permezz tal-kuntratturi għal kull in take li kien hemm?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-pilloli Zokor tal-cholesterol se jkunu fl-ispiżerija tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek u l-ispiżeriji tal-gvern u dan għaliex ilhom ġimgħat ma jkunu in stock u sussegwentement dawk li m'għandhomx mezzi finanzjarji qed jibqgħu bla kura?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-aħħar ammont ta’ Simvastatin 20mg [Zocor] li rċieva d-Dipartiment tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) kien fit-8 ta’ Awissu 2011. Sallum, dan l-ammont ġie imqassam kollu skont il-kwota fil-114-il spiżerija li qed jipparteċipaw fl-iskema tal-POYC f’Malta u Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proġett tal-e-medicine li għandu jorbot ħaġa waħda lill-kliniċi tat-tobba tal-familja, liċ-ċentri tas-saħħa u lill-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid x’kienet l-ispiża li saret fuq dan il-proġett fl-2008, l-2009, l-2010 u bejn Jannar u Awwissu tal-2011?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li jekk qed jirreferi, għal myHealth Record, dan il-proġett issa jinsab fi stadju avvanzat.
L-ewwel fażi ser tiġi mnedija pubblikament qabel l-aħħar tas-sena. It-
tender
pubbliku għat-teknoloġija għalqet fis-27 ta’ Awissu 2010, imma kien hemm dewmien minħabba f’appell li l-proċess tiegħu dam għaddej sa Frar 2011. Dritt wara beda ix-xogħol fuq l-implementazzjoni.
In-nefqa fuq dan il-proġett bdiet fl-2011, u s’issa tammonta għal sitta u għoxrin elf, disgħa mija u sebgħa u erbgħin ewro (€ 26,947).
Servizz Nazzjonali tas-Saħħa — Skema ta' għajnuna lill-familji għall-spejjeż mhux tas-soltu
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża li saret fl-2008, l-2009, l-2010 u bejn Jannar u Awwissu tal-2011 fuq l-iskema biex tgħin lill-familji li jsibu spejjeż mhux tas-soltu minħabba kura ta' mard serju li mhux kopert bis-servizz nazzjonali tas-saħħa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li din l-iskema għadha ma ġietx stabbilita. F’każijiet ta’ spejjeż mhux tas-soltu minħabba kura ta’ mard serju li mhux kopert bis-servizz nazzjonali tas-saħħa, il-pazjenti ġeneralment jiġu assistiti minn fondi oħra bħal per eżempju il-Community Chest Fund jew Puttinu Cares.
Sptar Mater Dei — użu minn sistemi ta' enerġija alternattiva
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Isptar Mater Dei jagħmilx użu minn sistemi li jużaw enerġija alternattiva u jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm huwa l-persentaġġ tal-enerġija ġġenerata minn sorsi alternattivi?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bħalissa l-Isptar Mater Dei ma jużax enerġija alternattiva. Sadanittant qed isir studju għal proġett sabiex fuq il-bejt tal-isptar jiġu installati Photovoltaic Cells biex tiġi ġġenerata enerġija alternattiva.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mietu nies mit-tipjip f'Malta fl-2008, l-2009 u l-2010 u bejn Jannar u Awwissu 2011? Kemm kien hemm minnhom li kienu rġiel u kemm kienu nisa? X'kienu l-etajiet tagħhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Council for the Professions Complementary to Medicine — ilment minn individwu
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Council for the Professions Complementary to Medicine ma bagħatx għall-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament (flimkien mal-kunsens tiegħu bil-miktub) wara li l-istess persuna ressqet ilment formali lil dan il-Kunsill? Kif jista' l-Ministru jiġġustifika l-fatt li l-Kunsill ħa deċiżjoni mingħajr ma sema l-evidenza li kellu x'jagħti l-individwu kkonċernat kif talab biex jagħmel espressament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Kunsill tal-Professjonijiet Kumplimentari għall-Mediċina rċieva l-ilment mill-persuna konċernata u assigura li d-dokumentazzjoni relattiva tiġi ppreżentata skont il-Liġi. Effettivament il-Kunsill kellu fil-pussess tiegħu d-dokumenti kollha relevanti kif ukoll l-ispjegazzjonijiet fid-dettal kollu, ilkoll mibgħuta mill-persuna li resqet l-ilment. Din il-ġabra ta’ dokumentazzjoni kienet waħda ċara u eżawrenti.
Sussegwentament, il-Kunsill tal-Professjonijiet Kumplimentari għall-Mediċina, wara li eżamina d-dokumentazzjoni kollha ppreżentata miż-żewġ naħat u ħa nota tal-osservazzjonijiet magħmula mill-esperti mill-professjoni involuta, aċċetta l-ispjegazzjoni bil-miktub tal-professjonista involuta, u peress li l-Kunsill kien sodisfatt biha, iddeċieda li l-każ għandu jieqaf hemm. Konsegwentament ma kienx hemm il-ħtieġa li tinfetaħ inkjesta skont l-Artiklu 5 (1) tal-Avviż Legali 31 tal-1985 (amendata b’Avviż Legali 3 tal-2000) ir-Reġoli dwar il-Proċedura biex jitħassru l-Ismijiet tal-Professjonisti Kumplimentari għall-Mediċina.