Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #14477 Sitting 189 2010-02-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — lista' ta' tenders u direct orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tat-tenders u direct orders li ngħataw mill-Ministeru f'din l-aħħar sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #14625 Sitting 189 2010-02-03 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti — każijiet ta' persuni ta' taħt is-sittax-il sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija ressqitx lil xi persuna l-Qorti fuq reati marbuta ma' bejgħ jew użu ta' droga, bejgħ ta' alkaħol lil persuni taħt is-16-il sena jew ġlied bi vjolenza bejn is-17 ta' Dicembru 2000 u l-4 ta' Jannar 2010? Jista' jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti tat-traffiku rrapurtati lill-pulizija fl-istess perjodu u jekk kienx hemm xi inċidenti fatali li seħħew?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #14326 Sitting 188 2010-02-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

immigranti illegali identifikati morda bit-TB li jgħixu fl-open centres jew fil-komunità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-immigranti illegali li ġew identifikati morda bit-TB mis-sena 2002 sas-sena 2009, ġew mogħtija l-freedom u llum qed jgħixu fl-open centres jew fil-komunità?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi hija l-prassi li qabel immigrant joħroġ miċ-Ċentru tad-Detenzjoni irid jgħaddi minn eżami mediku u dan jgħodd ukoll għal immigrant li jkun marid bit-TB. Immigrant li mal-wasla tiegħu f'Malta jinstab li jkun marid bit-TB jibda jingħata l-kura mill-ewwel u ma jiġix rilaxxat miċ-Ċentru tad-Detenzjoni qabel ifieq.
Leg 11 PQ #14434 Sitting 188 2010-02-02 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ħal-Qormi, Knisja San Bastjan — Parking

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ttieħdu u x'miżuri hemm ippjanati li jittieħdu mill-Pulizija dwar is-sitwazzjoni tal-parking fl-inħawi tal-Knisja ta' San Bastjan, f'Ħal Qormi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-pulizija għamlet u se tkompli tagħmel spezzjonijiet fl-inħawi tal-knisja ta’ San Bastjan, partikolarment dwar is-sitwazzjoni tal-parking, u fejn ikun il-każ jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti. Il-Pulizija wkoll qiegħda f’kuntatt mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi sabiex is-sinjali ta’ parkeġġ u tabelli tat-traffiku jerġaw jiġu miżbugħa sabiex ikunu jistgħu jigwidaw aħjar lix-xufiera.
Leg 11 PQ #13730 Sitting 187 2010-02-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Online security u anti spam measures

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13131, 11705 u 11431 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infratruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġew riferti lilu u li issa ġew riferuti lilu u ċioe: fid-dawl ta' rapporti li skond l-Unjoni Ewropea pajjiżna waqa' lura f'dak li għandu x'jaqsam ma' online security u anti spam measures, jista' l-Ministru jgħid x'passi effettivi mistennija jittieħdu fil-ġejjieni qarib? Hemm xi ħsieb li wara discussion paper dwar l-ispam li kienet tqassmet fin-NISCO ferm qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali, titressaq leġislazzjoni komprensiva li tinkludi provedimenti għall-prosekuzzjoni għal min jagħmel kontravenzjonijiet ta' spam, spyware u malware?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba għal din id-domanda ser tingħata f'seduta oħra.
Leg 11 PQ #14323 Sitting 187 2010-02-01 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Immigranti illegali li kellhom jitilgħu l-Qorti u ma nstabux

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il immigrant illegali li kellu jitla' l-qorti ma telax u baqa' ma nstabx? X'passi jittieħdu f'każijiet bħal dawn?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11017.
Leg 11 PQ #14325 Sitting 187 2010-02-01 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

NGOs li jaħdmu mal-immigranti illegali — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema u kemm huma l-NGOs li jaħdmu mal-immigranti illegali? Kull NGO imsemmija, kemm ħadet għajnuna ta' flus mill-gvern u mill-Unjoni Ewropea separatament? Kemm kien l-ammont f'kull każ mis-sena 2002 sas-sena 2009 sena b'sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-NGOs u Għaqdiet oħra li b'xi mod jaħdmu mal-immigranti illegali huma s-segwenti:- Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawk l-ammonti li ngħataw lill-NGOs kemm minn fondi Ewropej kif ukoll mill-Gvern matul is-snin indikati mill-Onorevoli Membru.
Leg 11 PQ #14417 Sitting 187 2010-02-01 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pjan ta' Emerġenza Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il Pjan ta' Emerġenza Nazzjonali sar s'issa? Minn min saru? X'tip ta' emerġenzi jkopru dawn il-pjani?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi s’issa d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħejja pjani li jkopru emerġenzi relatati ma’ għarar, installazzjonijiet u siti li jaqaw taħt id-Direttiva msejjħa Seveso, terremoti u spluzjonijiet ta’ kmamar tan-nar. Id-Dipartiment ipparteċipa wkoll fit-tfassil ta’ pjani ta’ emerġenza relatati mal-inkwinament tal-baħar u l-pandemija, kif ukoll ma' emerġenza dwar inċident tal-ajru li jseħħ barra l-ajruport.
Leg 11 PQ #14466 Sitting 187 2010-02-01 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — nisa tqal li jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet f'dawn l-aħħar ħames snin, kull xahar separatament, ta' nisa Għawdxin tqal li jaħdmu fid-dekasteru tal-Ministru biex matul it-tqala tagħhom jiġu trasferiti proviżorjament f'Għawdex? Jista' jgħid meta ntlaqgħet kull talba mill-bord konċernat u meta ġie awtorizzat it-trasferiment proviżorju?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar ħames snin ma saret l-ebda talba li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Membru.
Leg 11 PQ #14543 Sitting 187 2010-02-01 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Żbank mill-Qorti

Question

Jgħid l-Ministru għaliex żbank mill-Qorti li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ilu iktar minn xahar biex jiġi pproċessat u l-fondi għadhom ma ntbagħtux?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Jiġi rilevat li ċ-ċedola ta’ depożitu in kwistjoni ġiet ippreżentata fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fis-27 ta’ Ottubru 2009. L-iżbank in kwistjoni sar fl-atti tal-Mandat ta’ Sekwestru mhux fl-atti taċ-ċedola u sar quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, mhux quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. Il-Qorti tal-Maġistrati laqgħet it-talba għall-iżbank fil-25 ta’ Novembru 2009. Fil-21 ta’ Diċembru 2009, l-avukat tal-parti li talbet l-iżbank mar fis-sezzjoni tas-Subbasti biex jiżbanka u mela l-formola relattiva. Meta ġie biex jinħadem l-iżbank irriżulta li r-rikors ma ġiex ippreżentat fl-atti taċ-ċedola u lanqas seta’ jsir għaliex ma kienx hemm awtorizzazzjoni mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. Għalhekk it-talba għal żbank ma setgħetx issir f’dan l-istadju.
Leg 11 PQ #14575 Sitting 187 2010-02-01 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Raids

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi statistika bi breakdown għal kull distrett ta’ kemm saru raids mill-1992 sa l-2010?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Pulizija tagħmel tfittxijiet u spezzjonijiet skont il-ħtieġa tal-investigazzjoni li tkun qed issir. Tagħrif dwar dan l-operat mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.
Leg 11 PQ #14579 Sitting 187 2010-02-01 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qrati tal-Familja — kawżi pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu bħalissa n-numru ta' kawżi pendenti quddiem il-qrati tagħna, f'dak li jikkonċerna l-Qrati tal-Familja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sat-28 ta' Jannar 2010 in-numru ta' kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Familja (Malta) huwa ta' 960 filwaqt li n-numru ta' kawżi li huma differiti sine die fl-istess Qorti huwa ta' 31. Fil-każ ta' kawżi pendenti fil-Qorti ta' Maġistrati (Għawdex) Ġurusdizzjoni Superjuri, Sezzjoni Familja, in-numru jammonta għal 60 (ċitazzjonijiet u rikorsi ġuramentati), li 3 minnhom huma differiti sine die.
Leg 11 PQ #14580 Sitting 187 2010-02-01 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Żgħażagħ jistennew proċeduri quddiem il-Qrati Maltin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' każi kriminali ta' żgħażagħ minorenni li qed jistennew proċeduri quddiem il-Qrati Maltin? Minn fejn huma dawn iż-żgħażagħ li qed jistennew dawn il-proċedini?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 34 żgħażagħ minorenni li għandhom proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Minorenni. Dawn iż-żgħażagħ huma minn dawn il-lokalitajiet:-
Leg 11 PQ #13585 Sitting 186 2010-01-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

San Ġiljan — breathalyser tests

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm isiru breathalyser tests fuq sewwieqa pparkjati qrib pubs fl-inħawi ta’ San Ġiljan kif ukoll raids fl-istess pubs biex jiġi żgurat li ma jirrizultawx każijiet allegati ta’ traffikar u użu ta’ drogi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sabiex persuna tkun meħtieġa tagħti kampjun tan-nifs għal test tan-nifs iridu jkunu segwiti il-provedimenti ta’ l-artikolu 15C tar-Regolament tat-Traffiku (Kap 65). Dawn l-istess Regolamenti ma jippermettux li tkun operata il-proċedura kif suġġerita mill-Onorevoli Interpellant, ċioe’ li jsiru breathalyser test fuq sewwieqa pparkjati qrib pubs. Infurmat ukoll illi l-Pulizija tagħmel spezzjonijiet kemm f’istabbilimenti ta’ divertiment kif ukoll fl-inħawi tagħhom għal xi abbuż ta’ droga.
Leg 11 PQ #14264 Sitting 186 2010-01-27 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Aġġornament fuq il-liġijiet tal-libertà tal-espressjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq l-istorja li dehret fil-ġurnal 'The Sunday Times' tal-10 ta' Jannar 2010 fejn il-Ministru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport għoġobha tħabbar li skont politika nazzjonali dwar il-kultura fi stadju draft, il-liġijiet rigward il-libertà tal-espressjoni jeħtieġ jiġu aġġornati biex jirriflettu r-realtà tas-seklu 21 u li din il-policy ġiet approvata mill-Kabinett, b'rakkmandazzjoni biex il-Ministeru tal-Kultura jaġġorna dawn il-liġijiet nostrani? X'inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru f'dan l-aġġornament kollu? X'kien l-involviment tal-Ministeru f'dan l-aġġornament s'issa? Għalfejn ġie nkarigat il-Ministeru tal-Kultura u mhux il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern? Min huma l-persuni inkarigat mill-Gvern biex jagħmlu dan l-aġġornament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li ngħatat f'Mistoqsija Parlamentari numru 14263.

Liċenzja ta' air gun fuq target shooting

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex beħsiebu jniżżel l-età għal-liċenzja tal-air gun fuq target shooting għal dik ta' 16-il sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi s-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant diġà qiegħed fis-seħħ permezz tal-Artiklu 26 tal-Att dwar l-Armi (Kap 480) u r-regolamenti tal-2008 dwar Permessi għal Użu ta' Armi tan-Nar minn Minuri.
Leg 11 PQ #14262 Sitting 185 2010-01-26 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Rapporti ta' allegati abbużi sesswali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti ta' allegati abbużi sesswali minn ġenituri fuq uliedhom mill- a) ulied stess b) terżi persuni xahar b'xahar fl-aħħar 12-il xahar? Xi tkun il-pożizzjoni meta r-rapporti jew konfessjonijiet isiru meta l-ulied jilħqu l-età maġġorenni dwar allegati abbużi li jkunu saru fit-tfulija tagħhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi s-ena l-oħra l-Pulizija kellha 4 rapporti dwar allegat abbuż sesswali minn ġenituri fuq uliedhom. Żewġ rapporti saru f'Jannar, wieħed f'Mejju u l-ieħor f'Awwissu. Dawn ir-rapporti kollha saru min terzi persuni. F'każi kif imsemmija mill-Onorevoli Membru, il-Pulizija tagħmel l-investigazzjoni dwar ir-rapport u timxi skont il-provvedimenti tal-Artiklu 203 tal-Kodiċi Kriminali dwar korruzzjoni ta' tfal ta' taħt l-età.
Leg 11 PQ #14436 Sitting 185 2010-01-26 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tender documents sottomessi rigward proġetti finanzjati jew ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea f'din l-aħħar sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-Onorevoli Interpellant hu nfurmat li d-dokumenti li qed jitlob jikkontjenu informazzjoni ta' natura kummerċjali u għalhekk mhux indikat li tender documents jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #13329 Sitting 184 2010-01-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

European Institute of Education — żjarat mill-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10967 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: Peress li fis-snin li għaddew (1997) kien hemm każ fejn tuition centre kien qed jagħti lezzjonijiet tal-privat mingħajr ma l-bini kien għad kellu permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u kienu żaruh il-pulizija għax kien qed jikser il-liġi, tista’ l-Ministru tgħid fl-aħħar tliet snin kemm-il darba l-pulizija żaret il-bini tal-European Institute of Education f’Ta’ Xbiex (Sir Ugo Mifsud Street, Ta’ Xbiex Terrace) fejn jingħataw lezzjonijiet/korsijiet u l-bini m'għandux permessi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jopera bħala tuition centre? Jekk saru dawn iż-żjarat meta saru u x’passi ttieħdu? Jekk ma sarux dawn iż-żjarat għax ma sarux meta l-użu abbużiv tal-bini f’Ta’ Xbiex kien reklamat fuq il-ġurnali u l-website tal-imsemmi istitut?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax illi l-pulizija kellha xi rapporti dwar il-bini msemmi mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi fl-istess bini ma ġew osservati l-ebda kmamar li kienu qed jintużaw bħala klassijiet. Irriżulta wkoll illi l-operat tat-tuition centre ta’ l-istituzzjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed isir minn post debitament kopert b’permess tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni.
Leg 11 PQ #14195 Sitting 184 2010-01-25 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Bord tal-Pulizija għan-Negozjar — Chairman Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni għadu ma ġiex appuntat Chairman ġdid tal-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar wara r-riżenja tal-persuna, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li qed jittieħdu passi biex ikun assigurat li tingħażel persuna addattata biex taqdi din il-funzjoni. Infurmat ukoll li l-ħatra mistennija ssir fi ftit żmien ieħor.