Legislature:
Category:
Reset
Active:

CT3180/2014 — Supply, Delivery, Installation, Commissioning and Maintenance of an Adaptive Traffic Light Solution

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 23895, 24170 u 24234 u jgħid min iċċertifika x-xogħol relatat ma' tender CT3180/2014, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mal-commissioning tas-sistema implimentata grazzi għal dan it-tender?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħlijiet ġew iċċertifikati minn persuni kkwalifikati u esperti f’xogħolhom bħal Periti, Inġiniera, u Quality Surveyor fost l-oħrajn. Ġejt infurmat li l-Onorevoli Interpellant huwa rappreżentat ta’ waħda mill-kumpaniji li għamlet appell fuq dan it-tender. Kien ikun xieraq u etiku li, jekk dan huwa l-każ, l-Onor. Interpellant jiddikjara dan fid-domandi parlamentari li qed jagħmel f’din l-istituzzjoni.

Ħal Millieri — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li se jsiru x-xogħlijiet neċessarji f’Ħal Millieri, limiti tal-Imqabba, biex l-ilma tax-xita jibda jinġabar mill-culverts eżistenti u biex dawn ma jinstaddux ma’ kull ftit xita li tagħmel? Jista’ jgħid ukoll meta se jibdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser ikunu lesti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi ġejt infurmat li Infrastructure Malta m’għandhiex xogħol ta’ kanali għall-ilma tax-xita ippjanat f’Ħal Millieri, limiti tal-Imqabba.

Iż-Żurrieq – Triq is-Sienja – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat illi ssir Triq is-Sienja, fiż-Żurrieq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li ġejt infurmat li fil-preżent din it-triq ma tinsabx fil-lista ta’ xogħlijiet, però Infrastructure Malta qegħdin f’diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq rigward prijoritajiet ta’ xogħol f’din il-lokalita. Qegħdha tiġi diskussa wkoll l-iskema Vjal Kulħadd, liema proposti qegħdin jiġu evalwati.

Birżebbuġa – Triq tal-Ġebel – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li Infrastructure Malta tibda x-xogħlijiet fi Triq tal-Ġebel, f’Birżebbuġa, sabiex l-eqreb parti ta’ din it-triq lejn Birżebbuġa tkun tista’ ssir one-way? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa ppjanat li se jdumu dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi Infrastructure Malta qed tistenna li jinħarġu l-permessi neċessarji mill-awtoritajiet rispettivi, liema permessi applika għalihom il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, sabiex ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet.

Birżebbuġa – Triq tal-Ġebel – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta ta’ fejn ser isiru l-kanali għall-ilma tax-xita fi Triq tal-Ġebel, f’Birżebbuġa? Jista’ jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet u kemm huwa ppjanat li ser idumu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi ġejt infurmat li Infrastructure Malta m’għandiex xogħol ta’ kanali għall-ilma tax-xita ippjanati fi Triq tal-Ġebel, f’Birżebbuġa.

Trasport pubbliku — Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24427 u jgħid kemm anzjani użaw it-trasport pubbliku fis-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024, maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li għandhom sittin sena jew aktar, li użaw it-trasport pubbliku permezz tat-Tallinja Card, huwa kif provdut permezz tat-tabella segwenti: Sena Numru ta’ persuni ta’ 60 sena jew aktar 2020 58594 2021 49425 2022 60443 2023 67631 2024 74346

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Baġit allokat u infiq għall-PR

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-baġit allokat u l-infiq għall-PR tal-Ministeru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-informazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ budget għall-PR huwa parti mil-line item rispettiv fl-estimi tal-budget li ngħatat kopja tagħhom u tpoġġew ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.

Light Passenger Transport Services — Tags maħruġa

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm ħarġu tags għal xufiera tal-Light Passenger Transport Services, matul l-2023 u l-2024, maqsuma xahar b'xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu ta' nazzjonalità Maltija, u kemm minnhom kienu barranin?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Sponsorships u donazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-benefikanti minn sponsorships u donazzjonijiet li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, tal-benefiċċji ta' 'l fuq minn €2,500 għal kull għotja fis-sena 2023, u minn Jannar sa Ottubru 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħata lil kull benefikant u kif ġew magħżula biex jibbenefikaw minn dawn il-fondi?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Il-Mosta — Twaqqigħ u bini ta’ skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir bini ta' skola oħra ġewwa l-Mosta u l-iskola primarja eżistenti titwaqqa’? Jista’ jgħid ukoll jekk sarx xi tip ta' Traffic Impact Assessment?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi – Segretarjat għax-Xogħlijiet Pubbliċi – Xiri ta’ MacBooks

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi jgħid kemm hemm membri tal-istaff fis-segretarjat tal-Ministeru tiegħu li nxtralhom MacBook minn fondi pubbliċi? Jista’ jgħid ukoll kemm kien jiswa kull MacBook u jgħid jekk il-MITA oġġezzjonatx għall-użu ta’ dawn il-MacBooks għax teknikament ma tagħtix support għalihom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninsab infurmat illi minn Jannar 2024 sakemm qed titwieġeb din l-interpellanza inxtraw tlett MacBooks għall-użu ta' staff fis-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-amministrazjoni pubblika hija dejjem miftuħa għal kull teknoloġija speċjalment f’xogħlijiet speċifiċi li jirrikjedu teknoloġija differenti. Infurmat illi l- MITA mhux talli ma toġġezjonax għax-xiri ta’ dan l-apparat, talli qiegħda f’diskussjoni biex tara li jkun offrut servizz ta’ sapport ċentrali għal dan it-tip ta’ apparat.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — Skemi għal Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi nħarġu mill-Ministeru tiegħu, u li għalihom setgħu japplikaw il-kunsilli lokali matul is-snin 2023 u 2024? Jista’ jgħid ukoll liema kienu l-kunsilli lokali li applikaw għal kull waħda minn dawn l-iskemi, separatament għal kull skema?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Politika Nazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili — Pjan ta' Azzjoni

Question

Jista' l-Minisru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 23779, 23975 u 24172 u ċjoè: Peress li l-Politika Nazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili, ippubblikata f'Jannar 2023, tgħid fir-raba' parti li l-Ministeru ma' entitajiet oħra se jistabbilixxi set ta' miżuri li se jiġu formulati fi Pjan ta' Azzjoni li kellu jkun pubblikat sal-aħħar ta' Diċembru 2023, jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex pubblikat dan il-Pjan ta' Azzjoni u fejn wieħed jista' jsibu, u jekk ma ġiex pubblikat jgħid x'wassal għal dan in-nuqqas u meta jaħseb li dan se jiġri?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lit-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ħal Għaxaq — Vjal il-Labour - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru fi Vjal il-Labour f’Ħal Għaxaq matul is-sena 2024, kemm ġew jiswew u kemm damu sejrin?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Infrastructure Malta ma wettqet l-ebda xogħlijiet fit-triq imsemmija.

Ħal Tarxien — Proġett ta’ riġenerazzjoni quddiem il-Knisja Parrokkjali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9428 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17201, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett tar-riġenerazzjoni quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ‘Works Tender’ jinsab fil-perjodu tal-pubblikazzjoni.

L-Imġarr – Triq San Pietru – Culverts

Question

Fid-dawl li fi Triq San Pietru fl-Imġarr u fil-viċinanzi, sar bosta żvilupp ta' bini ġdid waqt li hemm maħsub aktar żvilupp, jista’ l-Ministru jikkunsidra li jsiru l-Culverts għax-xita f'din it-triq peress li meta tagħmel ix-xita, bosta basements qegħdin jispiċċaw megħrqa?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

LPTS (Y-plates) — Public Service Garage - Applikazzjonijiet

Question

Peress li l-Avviż Legali 269 tal-2024, Regolamenti tal-2024 li jemendaw ir-Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri b’Vetturi Żgħar u Servizzi ta’ Kiri ta’ Vetturi, jgħid li operaturi ta' LPTS (Y-plates) li għandhom minn 5 vetturi 'l fuq, kellhom sat-18 ta' Diċembru tal-2024 sabiex jippreżentaw applikazzjoni għal Public Service Garage, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-operaturi kollha li ma kinux konformi ma' dan ir-rekwiżit, inkluż kemm għandu karozzi l-operatur, u meta ġiet sospiża jew revokata l-liċenzja tal-operatur?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Diċembru 2024?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15437.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi – Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati miegħu preżentement fil-Ministeru bħala: (a) Head of Secretariat; (b) Deputy Head of Secretariat; (c) Private Secretary; (d) Assistant Private Secretary; (e) Head Customer Care Officer; (f) Customer Care Officer; (g) Customer Care Assistant; (h) Communications Secretary; (i) Events Co-ordinator; (j) Co-ordinating Officer; (k) Secretariat Officer; (l) Secretariat Pool; (m) Senior Secretariat Messenger; (n) Secretariat Messenger; (o) Chairwoman; (p) Personal Driver; (q) Security Officer; (r) Advisor; (s) Policy Consultant; (t) Policy Co-Ordinator; (u) Photographer; (v) Person/Position of Trust oħrajn? Jista’ jgħid ukoll x'inhu x-xogħol ta' kull wieħed minn dawn l-impjegati, min huma dawn l-impjegati, xi kwalifiki edukattivi għandhom, f'każ ta' Policy Consultant, Policy Co-ordinator u Advisor, x'inhi l-expertise tiegħu/tagħha u x’tip ta' kuntratt għandu kull wieħed minn dawn l-impjegati (inkluż Policy Consultant, Policy Co-ordinator u Advisor)? Minn dawn l-allowances u perkaċċi oħra, kull wieħed minn dawn l-impjegati għal xiex hu intitolat u għal kemm jammontaw fi flus (fejn applikabbli): (i) Disturbance Allowance; (ii) Secretariat Allowance; (iii) Bonus for Overtime Worked; (iv) Communications Allowance; (v) Fully-expensed mobile telephony; (vi) Free telephony; (vii) Pre-Paid top-ups for telephony service; (viii) Internet Service; (ix) Car Allowance; (x) Transport Allowance; (xi) Fuel Vouchers; (xii) Use of car-hired car; (xiii) Use of government-owned car; (xiv) Internet key; (xv) Tablets; (xvi) Laptops; (xvii) Peripherals; (xviii) Expertise allowance; (xix) Disturbance Allowance; (xx) Shift Allowance; (xxi) Xi tip ta' allowance u/jew perkaċċi oħra (speċifika)? Jista’ jqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li kull impjegat tal-Ministeru għandu fis-seħħ?

Response (BONETT, CHRIS)

Kif weġibt f'diversi istanzi, ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuni li jiffurmaw is-segretarjat privat tiegħi huma ingaġġati skont il-manwal li kopja tiegħu diġa’ tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.