Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mosta — Triq il-Kostituzzjoni - tarmak

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex jara li jitkompla x-xogħol ta' għoti ta' tarmak fi Triq il-Kostituzzjoni fil-Mosta ladarba qed ikun hemm diversi ħsarat f'din it-triq li jeħtieġu manutenzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta' titjib meħtieġ fit-triq imsemmija huwa skedat li jsir fiż-żmien li ġej.

Mewt f'inċidenti tat-traffiku minħabba sewqan taħt alkoħol jew droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2017, kienx hemm każijiet ta' fatalitajiet fit-toroq minħabba li s-sewwieq ikun vittma ta' xi sustanza waqt is-sewqan, bħal alkoħol jew droga?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru responsabbli mill-Pulizija.

Ħal Balzan – Triq il-Wied – xogħljiet ta’ manutenzjoni

Question

Peress li Triq il-Wied f'Ħal Balzan hemm bżonn li jsirilha xogħol ta' manutenzjoni, jista’ l-Ministru jara li tali xogħol isir?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta qed tahdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet, liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirrizultaw.

Karozzi tal-linja 24, 25 u 35 – l-istess venda fil-Belt

Question

Peress li l-karozzi tal-linja bin-numri 24, 25 u 35 jitilqu mill-istess venda, jista’ l-Ministru jara li fil-venda tal-Belt ikunu fejn xulxin ukoll, biex titnaqqas l-inkonvenjenza lill-pubbliku li jużaw dawn ir-rotot?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li r-rotot 24, 25 u 35 huma kollha ppjanati li jitilqu mill-istess bay mill-Belt Valletta, jiġifieri minn Bay B4.

Ħal Safi – Triq il-Kuċċard — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq Triq il-Kuċċard, Ħal Safi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-bini mill-ġdid tat-triq imsemmija qed jiġi ppjanat b'kordinazzjoni mal-proġett ta' Triq ix-Xarolla fiż-Żurrieq. It-twettiq ta' dan il-proġett ser jiġi skedat hekk kif jintemm ix-xogħol fi Triq ix-Xarolla sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent għal dawk li jużaw dawn it-toroq.

Iż-Żurrieq – Vjal ix-Xarolla — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fi Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq il-ġdida issa nfetħet għall-vetturi. Fl-istess waqt, għaddej ix-xogħol sabiex tinbena mill-ġdid it-triq li qabel kienet Vjal ix-Xarolla, u li issa ser tkun triq residenzjali li tagħti aċċess aħjar, b'aktar sigurtà, lir-residenti ta' din it-triq. Ix-xogħol ta' bini mill-ġdid ta' din is-service road residenzjali qed issir b'attenzjoni sħiħa, b'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-ħarsien tal-wirt kulturali, minħabba s-sensittività arkeoloġika ta' dawn l-inħawi. Jekk ma jkunx hemm diffikultajiet jew sejbiet mhux mistennija, din il-parti tat-triq mistennija tkun inbniet mill-ġdid fis-sajf li ġej.

Iż-Żurrieq – Misraħ ir-Repubblika u Triq P P Saydon – water culverts

Question

Peress li f’Misraħ ir-Repubblika u fi Triq P. P. Saydon fiż-Żurrieq hemm problemi ta' għarar meta tagħmel ħafna xita, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li jsiru xi tip ta' water culverts f'dawn it-toroq? Jekk fl-affermattiv, meta hemm ħsieb li jibda x-xogħol u kemm ġej jiswa tali xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninsab informat li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura ħejja proposta biex isiru numbru ta’ culverts għall-ilma tax-xita ħalli tittaffa l-problema ta’ għargħar fit-toroq indikati. L-istima preliminari tammonta għal €500,000. Dan ix-xogħol ikun jista’ jsir ladarba jiġu pprovduti l-fondi neċessarji.

Awtorità tal-Ippjanar – restawr fuq il-Fanal tal-Ġordan — permessi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar biex isir restawr fuq il-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri, Għawdex? Jista' jgħid x'tip ta' permessi nħarġu biex isir dan ix-xogħol, min għamel l-applikazzjoni u x'moniteraġġ qed isir? Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar jiem jew ġimgħat dan ix-xogħol twaqqafx minn uffiċjali tal-Awtorità u jekk iva x'kienet ir-raġuni li għaliha ġie mwaqqaf dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk ix-xogħol għadux wieqaf?

Response (BORG, IAN)

Ir-restawr tal-Fanal tal-Gordan kien ġie approvat fl-applikazzjoni PA 682/09, liema permess iġib id-data tal- 11 ta’ Awissu 2010. Dan il-permess ġie mġedded fl-applikazzjoni bir-referenza PA 4104/15, liema permess huwa datat 9 ta’ Frar 2016. Kopji ta’ dawn il-permessi qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ewwel applikazzjoni saret f’isem Din l-Art Helwa filwaqt li l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess saret f’isem il-Ministeru għal Għawdex. Il-permessi msemmija ħargu b’kundizzjoni li r-restawr isir skont Restoration Method Statement li kien ġie analizzat waqt il-proċess ta’ l-applikazzjoni w inklu¿ bħala dokument approvat ma l-istess permessi. Barra minn hekk ġiet imposta garanzija bankarja biex tassigura li r-restawr isir skont ir-rekwiżiti ta’ dan id-dokument. Minkejja dan, l-uffiċjali tal-Heritage Planning Unit fi ħdan l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar b’kollabarazjoni sħiħa mall-Ministeru għal Għawdex xorta ltaqgħu riċentament u ddiskutew l-għandament tar-restawr, vis a vis ir -Restoration Method Statement , dejjem biex jiġi salvagwardjat il-patrmonju kulturali ta’ pajjiżna. Għalhekk ma jirriżultax li l-Awtorita ta’ l-Ippjanar ħadet xi azzjoni sabiex jiġi mwaqqaf ix-xogħol ta’ restawr imsemmi, fl-istess waqt, f’dan il-każ, l-Awtorita msemmija ma tistax tinforza li x-xogħolijiet approvati jitkomplew jew li ma jieqfux.

Bypass tal-Imrieħel – lifts fil-pedestrian footbridge

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-data definittiva meta ser jiġu nstallati u jibdew jitħaddmu l-lifts li suppost diġà jinsabu nstallati fil-pedestrian footbridge li tinsab fil-bypass tal-Imrieħel ġaladarba jirriżulta li dawn l-istess lifts ma ġewx installati sal-aħħar ta' Frar 2018 kif kien stqarr il-Ministru fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari numru 2966 ta' nhar il-31 ta' Jannar 2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Monument tal-Fjamma Eterna – spejjeż

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 259 fejn qal li l-ispejjeż għall-Monument tal-Fjamma Eterna taħt il-Ministeru tiegħu kienu €26,919.54, u peress li fuq it-Times of Malta bit-titolu ‘Flame’ monument will cost about €350,000 datat 2 ta' April 2017 (il-link tal-artiklu qed jingħata separatament) kienet qalet li l-ispejjeż kienu ferm iktar minn €300,000, jista’ l-Ministru jispjega d-diskrepanza?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li kif imwiegeb f’PQ numru 259, in-nefqa minn Dipartimenti jew Entitajiet fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jiena reponsabbli kienet ta’€26,919.54

Vjaġġi tal-Karozza tal-Linja — ħinijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ħinijiet suppost kellhom jitilqu, u f’liema ħinijiet fil-fatt telqu, il-vjaġġi tal-karozza tal-linja bin-numru 61 mill-Belt għal Ħaż-Żebbuġ is-Sibt 27 ta’ Jannar 2018 fin-nofsinhar ta’ filgħaxija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-27 ta' Jannar 2018 fuq ir-rotta 61, wara nofsinhar kienu skedati li jsiru 22 vjaġġ li13 minnhom saru fil-limitu tal-ħin skedat. Kien hemm xi vjaġġi li minħabba illi kien hemm xi xufiera nieqsa ma sarux. Ninforma lill Onorevoli Interpellant li qegħdha issir pressjoni fuq l-operatur tat-trasport pubbliku sabiex fl-iqsar żmien possibbli jindirizza s-sitwazjoini li tirrigwardja lix-xufiera. Kif spjegajt fr-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari oħra fil-preżent hemm 70 persuna li qed jiġu mħarrga sabiex jibdew jaħdmu bħala xufiera. Hemm ukoll persuni oħra li huma mistennija jibdew it-taħrig tagħhom fi żmien qasir.

Transport Malta – toroq ippjanati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jsemmi x'toroq hemm ippjanati, jekk hemm ippjanati, u kemm-il kilometru ta' toroq, ser isiru minn Transport Malta matul din is-sena 2018 ġewwa Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħat li ġejjin ser inressaq għad-diskussjoni tal-Parlament abboz ta' liġi għat-twaqqif tal-aġenzija ġdida li ser twettaq l-investiment infrastrutturali bla preċedent, b'valur ta' aktar minn €700 miljun, għal toroq aħjar f'pajjiżna. Il-Gvern ser ikun qed juża r-riżorsi u t-tim ta' esperti li din l-aġenzija ser ikollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex ikompli jsaħħaħ it-titjib tal-infrastruttura f'Għawdex ukoll, bl-istess mod li ser isir f'Malta. Din il-ħidma se ssir b'kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, mal-kunsilli lokali ta' din il-gżira u mal-entitajiet u l-individwi kollha involuti.

Awtorità tal-Ippjanar – riċerka ta’ Freedom of Information dwar permessi ta’ bini fl-ODZ

Question

B’referenza għall-artikli https://www.timesofmalta.com/articles/view/20171029/local/study-shows-political-corruption-at-the-pa.661620 u https://lovinmalta.com/news/news-politics/caruana-galizia-report-proves-decades-long-corruption-at-planning-authority, jista’ l-Ministru jispjega għalfejn ir-riċerka ta’ Freedom of Information dwar il-permessi ta’ bini fl-ODZ kienu għall-ewwel miċħuda u wara injorati? Jista’ l-Ministru jagħti raġuni għalfejn l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Ministeru mhux qed jagħtu widen għal din l-analiżi rigoruża u komprensiva dwar il-PA meta din turi li l-korruzzjoni politika fil-PA hi endemika f’Malta u l-aktar minn wara l-2013 ‘l hawn? Hu fatt li mill-2013 ‘l hawn 83% tal-applikazzjonijiet ODZ ingħataw permess. X’inhi r-raġuni ta’ dan il-laxkar kollu meta mqabbel ma’ perjodi ta’ żmien oħra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li talbiet taħt il-Freedom of Information Act iridu jsiru skont il-parametri ta’ din il-liġi. It-talbiet li jsiru jiġu mwieġba kollha u l-applikant jingħata raġuni għad-deċizjoni tal-Awtorita’. L-applikant għandu wkoll id-dritt ta’ appell fuq id-deċiżjonijiet tal-Awtorità. Ma jirriżultax li huwa korrett li jingħad li 83% tal-applikazzjoniijiet ODZ ingħataw permess. Fil-fatt bejn is-sena 2013 u s-sena 2017 il-percentaġġ ta’ applikazzjonijiet ODZ li ġew approvati meta mqabbel ma’ l-applikazzjoniet deċizi huwa ta’ 74.58%. Għalkemm dan juri żieda fuq il-ħames snin ta’ qabel wieħed irid iżżomm f’moħħu li f’dawn is-snin ġiet approvata r-Rural Policy (2014) bi ħsieb li tgħin lill-bdiewa u raħħala ġenwini jtejbu l-attivita agrarja tagħhom. Filwaqt li issaħħet qatih l-ekonomija, li rriżulta f’żieda f’applikazzjonijiet għal irranġar u immodernizzar ta’ bini u żvilupp eżistenti, inkluż djar li jinstabu f’numru konsiderevoli ta dawk imsejħa ‘settlements rurali’eżistenti li għalkemm fl-ODZ huma meqjusin bħala żoni mibnija. Barra minn hekk, biex ikun hemm aktar skrutinju fuq applikazzjonijiet ta’ żvilupp fl-ODZ inbidlet il-liġi (AL 211/2016) fejn tipi ta żvilupp li qabel kienu jiġu approvati b’sempliċi notifika, magħrufa bħala proċedura tad-DNO, preżentament iridu jgħaddi mill-proċess kollu tal-iżvilupp, inkluż pubblikazzjoni, konsultazzjonijiet ma’ Dipartimenti oħra u deċiżjoni mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, filwaqt li l-importanza ta’ l-istatistika ma tistax tiġi nnegata għandha ssir ukoll analiżi ġusta tal-fatti.

Awtorità tal-Ippjanar – indħil ministerjali fil-proċess ta’ permessi

Question

Studji qed juru li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qed tagħti lok għal indħil ministerjali fil-proċess ta’ permessi u qed taġevola u timxi skont direzzjoni politika. Hu fatt ukoll li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma għandhiex l-istess poteri li huma ugwali daqs tal-PA u lanqas għandha poter ta’ veto bħalma għandha s-Supratendenza. Jista’ għalhekk il-Ministru jgħid il-gvern x’ser jagħmel biex jindirizza dan l-iżbilanc u jagħti lill-ERA is-saħħa u l-poteri li jistħoqqilha? Studji: nikkwota https://www.timesofmalta.com/articles/view/20171029/local/study-shows-political-corruption-at-the-pa.661620. https://lovinmalta.com/news/news-politics/caruana-galizia-report-proves-decades-long-corruption-at-planning-authority)

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministeru kkonċernat fir-rigward tal-ERA. Fl-istess waqt niċħdu kwalunkwe’ indħil Ministerjali fuq applikazzjonijiet partikolari tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Awtorità tal-Artijiet – proċess ta’ scanning

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ scanning mill-Awtorità tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet għandha ‘l fuq minn 250,000 fajl li jammontaw għal aktar minn 25 miljun dokument li jridu jiġu proċessati biex jiġu diġitalizzati. L-Awtorità nediet dan il-proġett ġdid fejn qed jiġu analizzati dawn il-fajls u d-dokumenti, kif ukoll oħrajn ġodda. Għal dan il-għan, l-Awtorità daħlet fi ftehim ma' MaltaPost biex din tal-aħħar twettaq parti minn dan il-proċess. Il-bqija tal-fajls u tad-dokumenti qed jiġu scanned internament mill-impjegati tal-Awtorita’. L-Awtorità tal-Artijiet qed tippjana wkoll sabiex tiġi implimentata sistema ta’ Radio-frequency identification (RFID) illi awtomatikament tidentifika u ssegwi l-fajls fil-bini permezz ta’ tikketta elettronika. Il-proċess tal-iscanning beda f’Jannar 2018 ġewwa Għawdex u f’Marzu ġewwa Malta.

Mosta – Bini mill-ġdid ta’ bankina fi Triq il-Kbira

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex immedjatament u bl-akbar urġenza, jitneħħa kull periklu wara t-tneħħija tal-bankina fejn qed tinbena binja quddiem il-bus stop immarkat “Tal-Qliegħa” fi Triq il-Kbira, il-Mosta, sabiex jiġu evitati inċidenti, anke serji, ladarba issa m’hemmx bankina peress li din saret parti mill-binja u allura ma baqa’ l-ebda spazju minn fejn jistgħu jimxu n-nies? Peress li f’mistoqsija parlamentari preċedenti fuq dan is-suġġett, mistoqsija numru 4544, il-Ministru infurmani li Transport Malta qed tevalwa t-talba tal-iżviluppatur li ssir bankina, jista’ jgħid kienx hemm żvilupp minn dakinhar, peress li issa għadda aktar minn xahar minn mindu ngħatat it-tweġiba fil-5 ta’ Marzu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan hu permess temporanju tal-bini u għaddejja diskussjoni bejn Transport Malta u l- Kuntrattur sabiex tinstab soluzzjoni biex il-pubbliku ma jinżilx mill-bankina u jekk jinżel dan isir b’mod sigur.

Mosta – Bini mill-ġdid ta’ bankina fi Triq il-Kbira

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa b’mod urġenti sabiex jitneħħa għal kollox il-periklu li hemm quddiem żewġ bus stops immarkati “Qliegħa” fil-Mosta f’tarf ta’ Triq il-Kbira fid-direzzjoni lejn l-Imġarr, għaliex fuq l-ebda naħa tat-triq ma hemm bankina u dan qed joħloq periklu għall-persuni li jkunu jridu jitilgħu jew jinżlu minn vettura tat-Trasport Pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5282.

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – periklu minn sit ta’ kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-periklu li hemm kawżat minn sit ta’ kostruzzjoni li jinsab bejn l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali u l-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi Triq San Pawl f’San Pawl il-Baħar, jiġi rimedjat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-iżviluppatur laħaq ftehim mal-Kunsill Lokali msemmi sabiex jinħoloq culvert li permezz tiegħu ilma li jkun qed joqgħod fit-triq jaqleb lejn il-baħar u għaldaqstant l-imsemmi ħajt mhux possibbli li jitneħħa qabel isiru x-xogħlijiet imsemmija peress li l-interventi li ser isiru jafu jkunu kaġun ta’ xi nċident.

Triq tal-Wilġa – tranġar ta’ kanal

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4992, li kienet dwar Triq tal-Wilġa, u li fit-tweġiba ġejt mitlub biex nispeċifika l-lokalità ta' din it-triq u peress li din hi t-triq li mill-Manikata tieħu għaż-Żebbiegħ, jista’ l-Ministru issa jagħti tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diffikultajiet imsemmija qed jiġu spezzjonati mit-tekniċi u l-periti ta' Transport Malta, sabiex jiġu ppjanati t-tiswijiet meħtieġa u jiġu allokati r-riżorsi finanzjarji u tekniċi għat-titjib ta' din it-triq.

Xiri ta’ ċens – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara fejn wasal il-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward xiri ta’ ċens?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-applikanta kienet infurmata fid-19 ta’ Ottubru 2016 li l-iskema ta’ fidi ta’ ċens kienet magħluqa u għalhekk ma setgħatx tifdi dan il-fond. Peress li l-konċessjoni enfitewtika skadiet fit-30 ta’ Ġunju 2013, it-titolu ġie maqlub għal wieħed ta’ kera tenut kont li l-proprjetà tintuża bħalha residenza ordinarja fis-17 ta’ Marzu 2017.