San Ġwann — Żona Industrijali - Ilmenti ta’ irwejjaħ ta’ ikel
Question
B’referenza għall-irwejjaħ tal-ikel tal-annimali li ġejjin minn fejn hemm il-fabbriki fiż-Żona Industrijali ta’ San Ġwann, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ħax passi biex jara jekk dawn l-irwejjaħ humiex ta’ ħsara għar-residenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dak mitlub mhuwix fil-kompetenza tad-direttorat msemmi mill-interpellant, għaldaqstant nitolbu jirreferi il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
L-Isptar Mater Dei — Proġett ta’ tkabbir tal-Emerġenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta' tkabbir tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei? Jista’ wkoll jagħti d-data ta' meta ser tkun qed tibda tilqa’ fiha l-pazjenti?
L-Isptar Mater Dei — Sala ġdida għall-Kura Psikjatrika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-progett ta' sala ġdida għall-Kura Psikjatrika fl-Isptar Mater Dei? Jista’ wkoll jagħti d-data ta' meta ser tkun qed tibda tilqa’ fiha l-pazjenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li qed jiġu ppreparati l-pjanti u disinji relatati ma’ dan il-proġett.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-3 sad-9 ta’ Frar 2025?
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Uffiċini
Question
Jista' l-Ministru jgħid:
(a) Kemm-il uffiċċju addizzjonali għandu barra l-binja uffiċjali tal-Ministeru tiegħu u f'liema lokalità qiegħed/qegħdin?
(b) Dawn l-uffiċini huma binjiet pubbliċi jew privati?
(c) X'inhu l-użu ta' dawn l-uffiċini?
(d) Kemm titħallas kera għal kull uffiċċju sena b'sena u jekk din titħallasx minn fondi pubbliċi jew fondi oħrajn?
(e) Min hu l-benefiċjarju ta' din il-kera?
(f) Minn x'ħin sa x'ħin u f'liema ġranet ikunu miftuħin dawn l-uffiċini?
(g) Min jiftaħ dawn l-uffiċini u jara lin-nies, il-Ministru personalment jew persuni oħra għan-nom tiegħu?
(h) Jekk in-nies jarawhom persuni oħra għan-nom tiegħu, dawn huma impjegati tal-Ministeru jew tal-Gvern?
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Sponsorships u donazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22731 u jagħti lista tal-benefikanti minn sponsorships u donazzjonijiet li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, tal-benefiċċji ta' 'l fuq minn €2,500 għal kull għotja fis-sena 2023, u minn Jannar sa Ottubru 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħata lil kull benefikant u kif ġew magħżula biex jibbenefikaw minn dawn il-fondi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Kuntratti ta’ fiduċja
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12071, 18998 u 21844 u jikkonferma l-entitajiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jgħid ukoll min huma l-persuni li ngħataw kuntratti ta’ fiduċja u/jew li ġew impjegati f'dawn l-entitajiet, xi rwol ingħataw u x'kienet il-kwalifika li ddistingwithom biex intgħażlu għal dan l-irwol, minn wara li laħaq Ministru hu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24944 u jgħid kemm twieldu trabi bl-IVF lil ommijiet barranin mill-2020 sal-2024?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2020 u 2024, f’Malta twieldu 77 tarbija lil 68 omm barranija minn proceduri tal-IVF li saru ġewwa ċ-ċentri liċenzjati f’Malta stess.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha mhux disponibbli l-magna tas-sleep apnoea mill-Isptar Mater Dei?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li kien hemm dewmien minħabba li kien hemm oġġezzjoni fuq it-tender li ħarġet fl-2023, liema oġġezzjoni ġiet milqugħa mill-PCRB. Ħarġet tender ġdida fl-2024 u f’Novembru ġie ffirmat kuntratt mal-kumpanija li rebħet it-tender bl-istennija mgħandix taqbeż l-erba’ xhur.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet ta' infrastruttura fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li għaddej il-proċess ta' pjanar biex is-servizzi kollha preżenti jkunu jistgħu jingħataw minn sit alternattiv b’mod temporanju sakemm isiru x-xogħlijiet infrastrutturali.
Jista’ l-Ministru jgħid x'wassal għal nefqa akbar minn dik ippjanata fiċ-Ċentru Vincent Moran li għadu ma nfetaħx?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-ħtieġa għal nefqa akbar minn dik ippjanata fiċ-Ċentru Vincent Moran ġiet determinata minn xogħolijiet meħtieġa sabiex jiġu miksuba ċ-ċertifikazzjonijiet, kif ukoll aġġustamenti meħtieġa biex jiġi żgurat li l-faċilità tissodisfa l-ogħla standards ta’ sigurtà u effiċjenza operattiva.
Għawdex — Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Labourers
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25135 u jgħid kemm daħlu labourers mal-Ministeru tiegħu f'Għawdex mill-1 ta’ Ġunju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid mil-liema lokalitajiet f'Għawdex kienu dawn il-persuni li ġew ingaġġati u f'kull każ kemm kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol ma’ JobsPlus? Jista' jgħid f'kull ingaġġ li sar, meta nħarġu l-calls, fejn ġew ippubblikati, kemm damu miftuħa u x'tip ta' kwalifiki u esperjenza ried ikollu min japplika? Kemm applikaw u kemm intgħażlu għal kull sejħa? Jista' jgħid ukoll, każ b'każ, x'tip ta' xogħol qed jagħmlu dawk li ġew ingaġġati u jekk intbagħtux jagħmlu xi korsijiet? Jekk iva, x'korsijiet kienu? Jista’ jgħid ukoll fejn qed jaħdmu fil-preżent u l-ħinijiet tax-xogħol li qed jaħdmu dawn il-ħaddiema? Hemm il-ħsieb li jiġu ngaġġati iżjed labourers matul is-sena 2025?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Ġunju 2024, ġew ingaġġati 22 persuna fil-grad ta’ Labourer. Ninsab infurmat li l-HR ma jkunx infurmati kemm il-persuni jkun ilhom jirreġistraw ma’ Jobsplus. Infurmat ukoll li l-applikazjonijiet jinħargu skont il-proċeduri stabbiliti. L-applikazjonijiet damu miftuħa mill-5 ta’ Ġunju sas-26 ta’ Ġunju 2024. Infurmat li x-xoghlijiet li qed jagħmlu huma ta’ ġardinara, manutenzjoni, xogħol fl-iStores kif ukoll manutenzjoni u tindif fil-partijiet esterjuri u fil-periferija tal-isptar. Ġejt infurmat ukoll li dawn l-impjegati kienu mibgħuta jagħmlu korsijiet li l-amministrazzjoni ħasset il-ħtieġa tagħhom. Il-korsijiet kienu organizzati mill-IPS.
Faċilità San Vincenz de Paul — Trasport ta’ anzjani li jkunu mietu
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-Faċilità San Vincenz de Paul huwiex qed isir trasport ta' anzjani li jkunu mietu permezz ta' vetturi, ambulanzi jew vannijiet li mhumiex liċenzjati biex jintużaw għall-ġarr tal-mejtin ma' Transport Malta?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li is-sewwieqa tal-ambulanzi u tal-hearse irid ikollhom liċenzja tat-tip B biex ikunu jistgħu jġorru persuni mejtin. Għaldaqstant, dawn il-vetturi li joperaw f’San Vinċenz de Paul, kemm jekk huma tal-Gvern, jew tal-kuntrattur, huma kollha liċenzjati minn Transport Malta taħt din il kategorija.
Faċilità San Vinċenz de Paul — Tiġrif ta’ ħajt tas-sejjieħ
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ġġarraf il-ħajt tas-sejjieħ li hemm wara l-ispiżerija fil-Faċilità San Vincenz de Paul u x'kienet il-kawża ta' dan it-tiġrif? Peress illi dan il-ħajt huwa ta' periklu, jista' l-Ministru jgħid jekk ittieħdux miżuri biex dan jiġi rranġat minnufih?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-inħawi madwar il-ħajt mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku peress li l-bini tal-imsemmi ħajt għadu għaddej. Fil-post fejn qed isir dan ix-xogħol twaħħlu sinjali li jindikaw li jista’ jkun ta’ periklu f’dak l-inħawi. Infurmat li waqt il-bini tal-parti ta’ fuq, xi partijiet minn fuq waqgħu wara li ntlaqtu mill-makkinarju. Madankollu, l-istruttura mhijiex ikkunsidrata bħala perikoluża.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – direct orders għal security services u għas-servizz ta’ skrivani
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20410 u jgħid fiex tikkonsisti u għalfejn inħasset il-ħtieġa li tinħareġ id-Direct Order 'NP for the Provision of Clerical Services through a Service Provider for GGH (Status: Evaluation) CFT CA UNIQUE ID: 014-6040/24 - CPSU 1533/23/Part 1'? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-valur u għal kemm hu l-perjodu ta' żmien ta' din id-Direct Order u kemm-il siegħa ta' Security Service hemm ippjanata li tingħata permezz ta’ din id-direct order u kemm-il parti oħra hemm ippjanata li tinħareġ permezz ta’ direct order għal servizz ta' skrivani?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-ħtieġa għal din id-DNP kienet bħala interim sakemm jagħlaq, jiġi aġġudikat u jingħata t-tender il-ġdid għall-Clerical Services. Din kienet tkopri sa 50,000 siegħa bir-rata normali u sa 2,600 bir-rata tas-Sunday premium. Id-DNP hi għal sitt xhur.